"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
L-istati membri tal-UE jaqblu li jestendu l-protezzjoni temporanja għar-refuġjati mill-Ukrajna
Illum, il-Kunsill esprima l-appoġġ unanimu tiegħu biex il-proposta tal-protezzjoni temporanja għal aktar minn erba' miljun Ukren li qed jaħarbu mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja tiġi estiża sal-4 ta' Marzu 2027.
Filwaqt li r-Russja tkompli titterrorizza persuni ċivili Ukreni b'attakki indiskriminati mill-ajru, l-UE tkompli turi s-solidarjetà tagħha mal-poplu Ukren. Ser inkomplu noffru protezzjoni għal miljuni ta' refuġjati Ukreni għal sena oħra. Il-presidenza Pollakka bdiet ukoll diskussjoni dwar strateġija biex titneħħa gradwalment il-protezzjoni temporanja ladarba tinkiseb paċi ġusta. Fil-futur qarib, ser naħdmu biex jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-UE kollha f'dan il-qasam, inkluż fil-kuntest tar-ritorn lejn l-Ukrajna.
Tomasz Siemoniak, Ministru għall-Intern u l-Amministrazzjoni tal-Polonja
Minn Marzu 2022, l-UE tat sikurezza u kenn lil aktar minn 4 miljun refuġjat mill-Ukrajna abbażi tad-direttiva dwar il-protezzjoni temporanja. Il-protezzjoni temporanja għandha tibqa' għaddejja sal-4 ta' Marzu 2026 u issa ser tiġi estiża sal-4 ta' Marzu 2027.
Is-sistema ta' protezzjoni temporanja ttaffi l-pressjoni fuq is-sistemi nazzjonali tal-ażil minħabba li l-persuni li jaqgħu taħt dan it-tip ta' protezzjoni ma għandhomx għalfejn japplikaw għall-ażil fuq bażi individwali. L-estensjoni sa Marzu 2027 hija sinjal lill-persuni spostati mill-Ukrajna li mhumiex meħtieġa japplikaw għall-ażil.
L-estensjoni ma tibdilx id-deċiżjoni ta' Marzu 2022 fir-rigward tal-kategoriji ta' persuni li għalihom tapplika l-protezzjoni temporanja jew id-drittijiet li huma jgawdu.
Soluzzjoni dejjiema għar-refuġjati Ukreni
Minbarra l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja, l-istati membri qed jiddiskutu rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex iħejju għal tranżizzjoni kkoordinata mill-protezzjoni temporanja (strateġija ta' ħruġ mill-protezzjoni temporanja). Ir-rakkomandazzjoni ser tindirizza kwistjonijiet bħall-bidla għal statuses legali (ta' residenza) oħra u b'hekk twitti t-triq għal ritorn gradwali lejn l-Ukrajna u żżid l-għoti ta' informazzjoni dwar l-għażliet disponibbli.
X'inhi l-protezzjoni temporanja?
Il-protezzjoni temporanja tipprovdi protezzjoni immedjata u kollettiva lil grupp kbir ta' persuni spostati li jaslu fl-UE u li ma jkunux f'pożizzjoni li jirritornaw lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom.
Il-persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja jgawdu l-istess drittijiet madwar l-UE. Dawn id-drittijiet jinkludu:
residenza
aċċess għas-suq tax-xogħol u l-akkomodazzjoni
assistenza medika
għajnuna soċjali
aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal
Il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni temporanja tistabbilixxi standards minimi ta' protezzjoni. Il-livell proprju ta' assistenza jista' jvarja minn stat membru għal ieħor.
Il-passi li jmiss
Il-Kunsill ser jadotta formalment id-deċiżjoni li tiġi estiża l-protezzjoni temporanja f'waħda mis-sessjonijiet tiegħu li jmiss.
Kuntest
Il-protezzjoni temporanja hija mekkaniżmu ta' emerġenza tal-UE li jiġi attivat f'ċirkostanzi eċċezzjonali meta jseħħ influss bil-massa ta' refuġjati. Id-direttiva tal-UE dwar il-protezzjoni temporanja ġiet adottata fl-2001, wara l-ispostament fuq skala kbira minħabba l-kunflitt armat fil-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari mill-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo. Din ġiet attivata għall-ewwel darba b'reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.
Jekk iċ-ċirkostanzi fl-Ukrajna jinbidlu u jippermettu ritorn gradwali u riintegrazzjoni sostenibbli, il-Kummissjoni tista' tagħmel proposta lill-Kunsill biex tissospendi l-protezzjoni temporanja qabel id-data tat-tmiem prevista tagħha.