Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Affarijiet Interni), 13 ta' Ġunju 2025

Riżultati ewlenin

Affarijiet interni

Protezzjoni temporanja għar-refuġjati Ukreni

Il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna b'sena oħra sa Marzu 2027. L-adozzjoni finali tad-deċiżjoni ser issir fil-ġimgħat li ġejjin.

<p>Tomasz Siemoniak, Ministru għall-Intern u l-Amministrazzjoni tal-Polonja</p>

Filwaqt li r-Russja qed tkompli titterrorizza ċ-ċivili Ukreni b'attakki indiskriminati mill-ajru, l-UE qed tkompli turi s-solidarjetà tagħha mal-poplu Ukren. Ser inkomplu noffru protezzjoni għal miljuni ta' refuġjati Ukreni għal sena oħra. Il-presidenza Pollakka bdiet ukoll diskussjoni dwar strateġija biex il-protezzjoni temporanja titneħħa gradwalment ladarba tinkiseb paċi ġusta. Fil-futur qarib, ser naħdmu lejn soluzzjonijiet komuni għall-UE kollha f'dan il-qasam, inkluż fil-kuntest tar-ritorni lejn l-Ukrajna.

<p>Tomasz Siemoniak, Ministru għall-Intern u l-Amministrazzjoni tal-Polonja</p>

Tomasz Siemoniak, Ministru għall-Intern u l-Amministrazzjoni tal-Polonja

L-UE attivat il-mekkaniżmu ta' protezzjoni temporanja għar-refuġjati mill-Ukrajna f'Marzu 2022. Dan il-mekkaniżmu, ibbażat fuq liġi tal-UE adottata fl-2021, ġie stabbilit biex jittratta ċirkostanzi eċċezzjonali ta' influss bil-massa. Il-protezzjoni temporanja għal persuni spostati mill-Ukrajna diġà ġiet estiża tliet darbiet u kienet ser tiskadi f'Marzu 2026.

Il-ministri ddiskutew ukoll rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex titħejja tranżizzjoni koordinata mill-protezzjoni temporanja. Ir-rakkomandazzjoni ser tindirizza kwistjonijiet bħall-bidla għal status ta' residenza ieħor, biex b'hekk titwitta t-triq għal ritorn gradwali lejn l-Ukrajna u jiżdied l-għoti ta' informazzjoni dwar l-għażliet disponibbli.

Infrastruttura tal-IT għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-infurzar tal-liġi

Il-ministri ġew aġġornati dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-IT tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-infurzar tal-liġi.

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES), b'enfasi partikolari fuq l-introduzzjoni gradwali tagħha. Fid-19 ta' Mejju, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu li jippermettu lill-istati membri jibdew progressivament joperaw l-EES. Skont il-pjan direzzjonali li l-Kunsill approva f'Marzu 2025, dan l-approċċ gradwali għandu jibda f'Ottubru 2025.

L-EES ser tirreġistra d-dħul, il-ħruġ u r-rifjut tad-dħul ta' ċittadini mhux tal-UE li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE għal soġġorn qasir. Is-sistema l-ġdida ser tiġbor immaġnijiet tal-wiċċ u marki tas-swaba' ta' dawk li jaqsmu l-fruntiera għall-ewwel darba u ser tirreġistra din l-informazzjoni f'fajl diġitali.

Schengen

40 sena wara l-iffirmar tal-ftehim ta' Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985, il-ministri approvaw dikjarazzjoni ta' Schengen. Bid-dikjarazzjoni, il-Kunsill iġedded l-impenn tiegħu għaż-żona Schengen u jissottolinja l-importanza ta' Schengen għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea.

Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar il-prijoritajiet għaż-żona Schengen għat-12-il xahar li ġejjin. L-oqsma ta' prijorità u l-azzjonijiet operazzjonali approvati mill-Kunsill għall-perjodu 2025-2026 huma:

  • aċċellerazzjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri u tas-sistemi u tisħiħ tal-preparatezza tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira
  • tisħiħ tar-reżiljenza tal-fruntieri esterni u l-effettività tar-ritorni
  • żieda fis-sigurtà interna, filwaqt li jsir sforz għall-moviment liberu f'żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni

Migrazzjoni

Fir-rigward tal-migrazzjoni, matul l-ikla ta' ħidma tagħhom, il-ministri ffukaw fuq ir-ritorni, b'mod partikolari fuq iż-żieda tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE. Bl-ingranaġġ tal-politika tagħha dwar il-viżi, l-UE kienet kapaċi ttejjeb il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ma' għadd ta' pajjiżi ta' oriġini.

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tas-sistema Ewropea komuni tal-Ażil (SEKA). Din is-sena, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni ser tivvaluta formalment is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fl-istati membri. Dan ser jiskatta l-proċess li fih l-istati membri jwiegħdu kontribuzzjonijiet ta' solidarjetà.

Meta ddiskutew id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni, il-ministri indirizzaw ukoll is-sitwazzjoni fil-Libja u l-konsegwenzi tagħha għall-flussi migratorji lejn l-Ewropa.

Sigurtà interna

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar l-istrateġija Ewropea ta' sigurtà interna, ProtectEU, abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata fl-1 ta' April ta' din is-sena. L-istati membri laqgħu b'mod ġenerali l-ProtectEU bħala kontribut importanti għat-tisħiħ tas-sigurtà interna tal-UE. Huma appoġġaw il-viżjoni wiesgħa ppreżentata mill-Kummissjoni - li tgħaqqad enfasi fuq is-sigurtà mal-preparatezza - u qablu dwar l-importanza li tingħata spinta lill-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE.

Il-ministri ddiskutew ukoll is-suġġett tal-aċċess għad-data għall-infurzar tal-liġi - element importanti tal-ProtectEU - u b'mod partikolari miżuri konkreti fuq terminu qasir li jistgħu jiġu implimentati biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-data u jiġu appoġġati l-isforzi tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Ħafna stati membri talbu lill-Kummissjoni tippreżenta b'mod urġenti l-pjan direzzjonali mħabbar tagħha dwar l-aċċess għad-data. Dan il-pjan direzzjonali huwa mistenni jistabbilixxi miżuri legali u prattiċi biex jiġi żgurat aċċess legali u effettiv għad-data.

Il-ministri ddiskutew ukoll l-impatt tal-ambjent ġeopolitiku attwali fuq is-sigurtà interna tal-UE, b'enfasi speċjali fuq l-Ukrajna, il-Moldova u s-Sirja. Il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Unità Nazzjonali tal-Ukrajna kif ukoll il-Ministru għall-Intern tal-Moldova pparteċipaw f'dawn id-diskussjonijiet.

Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet dwar iċ-ċiklu tal-EMPACT li jmiss (2026-2029). L-EMPACT hija strument tal-UE mmexxi mill-istati membri għal kooperazzjoni operazzjonali multidixxiplinari u fost diversi aġenziji biex tiġi miġġielda l-kriminalità serja u organizzata. Dan ilaqqa' awtoritajiet tal-pulizija, tad-dwana u ġudizzjarji minn diversi stati membri u fil-livell tal-UE, atturi mhux tal-UE u s-settur privat. Il-prijoritajiet tal-EMPACT huma bbażati fuq il-valutazzjoni mill-UE tat-theddid mill-kriminalità serja u organizzata, imħejjija mill-Europol.

Affarijiet oħra

Taħt "affarijiet oħra" il-presidenza infurmat lid-delegazzjonijiet dwar l-azzjonijiet li ħadet fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata u dwar laqgħa ta' livell għoli taħt il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni CELAC-UE dwar id-drogi. Is-CELAC huwa forum reġjonali ta' stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew.

Il-presidenza infurmat ukoll lid-delegati dwar il-laqgħa ministerjali bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni li saret f'Varsavja fit-2 u t-3 ta' Ġunju.

Is-Slovenja infurmat lid-delegazzjonijiet dwar it-13-il laqgħa ministerjali taħt il-Proċess ta' Brdo, li ffukat fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fix-Xlokk tal-Ewropa. Fl-aħħar nett, il-presidenza Daniża li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Lulju 2025