- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 15 ta' Lulju 2025 15:33
Repubblika tal-Moldova: il-Kunsill jelenka seba' individwi u tliet entitajiet għal azzjonijiet li jiddestabbilizzaw il-pajjiż
Illum il-Kunsill impona miżuri restrittivi kontra seba' individwi u tliet entitajiet responsabbli għal azzjonijiet immirati biex jiddestabbilizzaw, idgħajfu jew jheddu s-sovranità u l-indipendenza kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt, u l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Moldova.
Id-deżinjazzjonijiet il-ġodda jieħdu fil-mira assoċjati mill-qrib ta' IlanShor, diġà elenkat mill-UE minħabba l-involviment tiegħu fil-finanzjament illegali tal-partiti politiċi fir-Repubblika tal-Moldova u għall-inċitament għall-vjolenza. L-elenkar jinkludi mexxejja u membri ta' entitajiet suċċessuri għall-partit politiku ȘOR illegali. Xi wħud mill-persuni elenkati llum kienu involuti b'mod attiv fi skemi ta' xiri ta' voti, fil-kuntest tal-elezzjonijiet presidenzjali u tar-referendum kostituzzjonali dwar l-adeżjoni mal-UE tal-2024, u t-tixħim biex jiġu korrotti diversi politiċi mir-Repubblika tal-Moldova.
Il-Kunsill elenka wkoll lil A7, kumpanija b'rabtiet multipli ma' Moska li kienet marbuta ma' sforzi biex jiġu influwenzati l-elezzjonijiet Presidenzjali u r-referendum Kostituzzjonali tal-2024 dwar l-adeżjoni mal-UE. Barra minn hekk, il-Kunsill elenka l-Blokk Politiku Victory/Pobeda, stabbilit minn Ilan Shor u involut fit-tixrid ta' informazzjoni falza u skemi ta' xiri ta' voti. Iċ-Ċentru Edukattiv Kulturali tal-Moldova ġie elenkat talli ffaċilita l-indħil elettorali fl-elezzjonijiet Presidenzjali tal-2024.
Bl-elenkar tal-lum, il-miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl ta' azzjonijiet li jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova issa japplikaw għal total ta' 23 individwu u 5 entitajiet.
Dawk elenkati huma soġġetti għal iffriżar tal-assi. Huwa wkoll ipprojbit li jitqiegħu fondi għad-dispożizzjoni tagħhom jew li jaċċessaw riżorsi ekonomiċi, kemm direttament kif ukoll indirettament. Barra minn hekk, tapplika projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar għall-persuni fiżiċi elenkati li żżommhom milli jidħlu fit-territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni jew li jgħaddu minnhom.
L-atti legali rilevanti ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Sfond
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 ta' Ġunju 2025, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jaħdem mill-qrib mar-Repubblika tal-Moldova biex isaħħaħ ir-reżiljenza u l-istabbiltà tal-pajjiż fid-dawl ta' attivitajiet destabbilizzanti persistenti mir-Russja, inkluż attakki ibridi, bl-għan li jdgħajfu l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż.
Il-miżuri restrittivi tal-UE ġew introdotti f'April 2023 fuq it-talba tar-Repubblika tal-Moldova sabiex jolqtu persuni responsabbli li jappoġġaw jew jimplimentaw azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità u l-indipendenza tagħha.
L-isforzi biex tiġi destabbilizzata l-Moldova żdiedu notevolment mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u huma theddida diretta għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE.
L-UE għadha soda fl-appoġġ tagħha lir-Repubblika tal-Moldova u għall-paċi, ir-reżiljenza, is-sigurtà, l-istabbiltà, u t-tkabbir ekonomiku tagħha fid-dawl ta' attivitajiet destabbilizzanti minn atturi esterni.
- Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1435 tal-15 ta' Lulju 2025 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/891 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' azzjonijiet li jiddestabilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova
- Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1434 tal-15 ta' Lulju 2025 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/888 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' azzjonijiet li jiddestabbilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova
- Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/891 tat-28 ta' April 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' azzjonijiet li jiddestabilizzaw ir-Repubblika tal-Moldova (Test konsolidat 29 ta' April 2025)
- Relazzjonijiet tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova (informazzjoni ġenerali)
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Lulju 2025