"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Moldova

Ir-Repubblika tal-Moldova applikat għas-sħubija fl-UE f'Marzu 2022 u ngħatat l-istatus ta' kandidat f'Ġunju 2022. In-negozjati tal-adeżjoni nfetħu formalment f'Ġunju 2024. L-UE u l-Moldova jikkooperaw ukoll fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant.

It-triq lejn sħubija fl-UE

Applikazzjoni għas-sħubija fl-UE

Fit-3 ta' Marzu 2022, il-Moldova applikat għas-sħubija fl-UE.

Fis-17 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni għas-sħubija fl-UE.

Fit-23 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta' kandidat lill-Moldova. Huwa stieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrapporta lill-Kunsill dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet speċifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija.

Negozjati tal-adeżjoni

F'Novembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rakkomandazzjoni biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Moldova. F'Diċembru 2023, il-mexxejja tal-UE ddeċidew li jiftħu negozjati ta' adeżjoni mal-Moldova u stiednu lill-Kunsill jadotta l-qafas tan-negozjati ladarba jkunu ttieħdu l-passi rilevanti li jinsabu fir-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2023.

F'konformità mal-metodoloġija tat-tkabbir riveduta, il-Kunsill approva l-qafas ta' negozjar fil-21 ta' Ġunju 2024 u, erbat ijiem wara, l-UE organizzat l-ewwel konferenza intergovernattiva mal-Moldova biex tiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mal-pajjiż.

Laqgħat tal-konferenza dwar l-adeżjoni

In-negozjati tal-adeżjoni jsiru f'konferenzi intergovernattivi (imsejħa wkoll "konferenzi dwar l-adeżjoni") bejn il-ministri u l-ambaxxaturi tal-istati membri tal-UE u l-pajjiż kandidat. In-negozjati jkopru l-korp ta' drittijiet u liġi komuni (l-"acquis tal-UE") u huma maqsuma f'kapitoli differenti, jew ġabriet ta' kapitoli, li jkopru oqsma ta' politika differenti. Il-konferenzi dwar l-adeżjoni jistgħu jsiru jew fil-livell ministerjali jew tad-deputati.

Fil-25 ta' Ġunju 2024, l-UE organizzat l-ewwel konferenza tagħha mal-Moldova dwar l-adeżjoni, u fetħet formalment in-negozjati għas-sħubija.

L-aħħar laqgħa tal-konferenza mal-Moldova dwar l-adeżjoni saret fit-13 ta' Ottubru 2026. Waqt il-laqgħa, l-UE u l-Moldova fetħu negozjati dwar il-ġabra 2 (suq intern) u l-ġabra 3 (kompetittività u tkabbir inklużiv).

Fil-laqgħa preċedenti, li saret fl-14 ta' Lulju 2026, il-partijiet fetħu n-negozjati dwar il-ġabra 6, li tkopri żewġ kapitoli ta' negozjar:

  • il-kapitolu 30 (relazzjonijiet esterni)
  • il-kapitolu 31 (politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża)

Fil-laqgħa preċedenti, li saret fil-15 ta' Ġunju 2026, il-partijiet fetħu n-negozjati dwar il-ġabra 1, l-"elementi fundamentali", li tkopri l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-kriterji ekonomiċi. F'dik il-laqgħa, l-UE stabbiliet parametri referenzjarji interim għall-ġabra u għal xi wħud mill-kapitoli tagħha. Jeħtieġ li dawn il-parametri referenzjarji jintlaħqu qabel ma jkunu jistgħu jimxu 'l quddiem in-negozjati dwar il-ġabra.

Fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew qabel it-tieni konferenza dwar l-adeżjoni, il-mexxejja tal-UE appellaw kemm-il darba lill-Kunsill biex jiftaħ il-ġabriet ta' kapitoli ta' negozjar mingħajr dewmien, billi jibda bil-ġabra tal-elementi fundamentali, f'konformità mal-metodoloġija tat-tkabbir u l-approċċ ibbażat fuq il-mertu.

Rieżami annwali tal-progress

Kull sena, il-Kunsill jevalwa l-progress li jkun sar f'kull wieħed mill-kandidati u s-sħab tal-UE, inkluż il-Moldova, fil-perkors Ewropew tagħhom.

Fis-16 ta' Diċembru 2025, il-presidenza Daniża tal-Kunsill ħarġet konklużjonijiet li kienu appoġġati politikament minn 26 stat membru tal-UE.

Sħubija tal-Lvant

B'mod parallel mal-proċess ta' tkabbir, l-UE u l-Moldova jikkooperaw ukoll biex isaħħu r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, inkluż permezz tas-Sħubija tal-Lvant.

Ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova

Fl-1 ta' Lulju 2016, daħal fis-seħħ il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, wara l-applikazzjoni proviżorja tiegħu mill-1 ta' Settembru 2014. Il-ftehim ta' assoċjazzjoni jippermetti lill-Moldova tibbenefika minn żona ta' kummerċ ħieles (Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv).

Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni huwa korp formali stabbilit skont il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova biex jimmonitorja u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim.

Fl-10 laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, li saret fil-5 ta' Ottubru 2026, il-partijiet enfasizzaw li l-Moldova qed timxi b'mod deċiżiv lejn sħubija fl-UE, u li l-futur tagħha huwa ankrat sew fl-Unjoni Ewropea.

Liberalizzazzjoni tal-viża

Il-liberalizzazzjoni tal-viża daħlet fis-seħħ fit-28 ta' April 2014. Is-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża mal-Moldova tiffaċilita l-ivvjaġġar, in-negozju u l-kuntatti bejn il-persuni. Hija eżempju tal-progress li sar fit-titjib tal-mobbiltà mas-sħab tas-Sħubija tal-Lvant.

Roaming

Fl-1 ta' Jannar 2026, il-Moldova ddaħħlet fiż-żona tar-"roaming daqslikieku f'pajjiżek" tal-UE. Dan ifisser li l-Moldovani fl-UE u ċ-ċittadini tal-UE fil-Moldova issa jistgħu jagħmlu telefonati, jibagħtu messaġġi u jużaw data mobbli mingħajr tariffi addizzjonali.

Il-miżura ser tgħin biex il-Moldova tiġi integrata aktar fis-suq uniku tal-UE, wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova.

Relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Moldova

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Moldova huma determinati miż-żona ta' kummerċ ħieles stabbilita skont il-parti tal-ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv (DCFTA) tal-ftehim ta' assoċjazzjoni. Speċifikament, id-DCFTA:

  • jelimina d-dazji fuq l-importazzjoni għall-biċċa l-kbira tal-kummerċ f'oġġetti bejn l-UE u l-Moldova
  • tipprevedi aċċess reċiproku wiesa' għall-kummerċ fis-servizzi għaż-żewġ sħab

Barra minn hekk, kemm il-kumpaniji tal-UE kif ukoll dawk tal-Moldova jistgħu joħolqu sussidjarja jew fergħa fuq bażi mhux diskriminatorja. Dan ifisser li jiġu ttrattati bħala kumpaniji domestiċi fis-suq tal-pajjiż sieħeb meta jistabbilixxu negozju.

L-oġġetti li l-aktar isir kummerċ tagħhom bejn l-UE u l-Moldova jinkludu makkinarju u apparat, prodotti minn sustanzi kimiċi jew industriji relatati, tagħmir tat-trasport u prodotti minerali.

Ċifri kummerċjali

L-UE hija bil-bosta l-akbar sieħba kummerċjali tal-Moldova, u fl-2025 kienet responsabbli għal aktar minn nofs il-kummerċ totali tagħha fil-merkanzija, li ġġenera fatturat ta' aktar minn €7 biljun. It-tieni sieħba kummerċjali tal-Moldova hija ċ-Ċina li tirrappreżenta aktar minn 13% tal-iskambju kummerċjali tagħha, segwita mill-Ukrajna (10%).

Il-proporzjon tal-kummerċ tal-merkanzija tal-Moldova mar-Russja naqas b'mod sinifikanti u issa jirrappreżenta 2.2% biss tal-kummerċ totali tal-merkanzija tal-Moldova.

Verżjoni testwali
  • UE: 55.9%
  • Ċina: 13.1%
  • Ukrajna: 10.3%
  • Turkija: 7.2%
  • Russja: 2.2%
  • Oħrajn: 11.3%

Appoġġ finanzjarju għall-Moldova

Assistenza makrofinanzjarja

L-UE hija l-akbar fornitur ta' assistenza finanzjarja lill-Moldova. Mill-2021, ġew mobilizzati aktar minn €2.2 biljun.

Fl-4 ta' April 2022, wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-effetti detrimentali tagħha fuq l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-Moldova, il-Kunsill iddeċieda li jipprovdi operazzjoni ġdida ta' assistenza makrofinanzjarja ta' €150 miljun fl-għamla ta' self u għotjiet lir-Repubblika tal-Moldova.

L-iżborż beda fl-2022 u jikkonsisti fi tliet porzjonijiet li għandhom jiġu rilaxxati bejn l-2022 u l-2024.

Pjan ta' tkabbir

Biex tgħin fl-appoġġ għall-integrazzjoni tal-Moldova fl-UE, fl-10 ta' Ottubru 2024 il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' tkabbir għall-Moldova. Il-pjan għandu l-għan li jagħti spinta lill-konverġenza soċjoekonomika mal-UE u jaċċellera r-riformi fundamentali. Huwa bbażat fuq tliet pilastri:

  • l-appoġġ għar-riformi soċjoekonomiċi u fundamentali tal-Moldova
  • it-titjib tal-aċċess tal-Moldova għas-suq uniku tal-UE
  • żieda fl-appoġġ finanzjarju fl-2025-2027 permezz ta' Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir iddedikata għall-Moldova

Fit-18 ta' Marzu 2025, il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għall-pilastru finanzjarju tal-pjan, il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir. Il-faċilità ser tappoġġa lill-Moldova mill-2025 sal-2027 u mistennija tipprovdi sa €385 miljun f'għotjiet u €1.5 biljun f'self.

Dan huwa l-akbar pakkett ta' appoġġ finanzjarju tal-UE mill-indipendenza tal-Moldova u jiżdied ma' appoġġ sostanzjali ieħor tal-UE għall-pajjiż.

Sigurtà u difiża

Sħubija għas-sigurtà u d-difiża

L-UE u l-Moldova ffirmaw sħubija għas-sigurtà u d-difiża fil-21 ta' Mejju 2024, matul it-tmien Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova. Il-Moldova hija l-ewwel pajjiż li ffirma sħubija bħal din mal-UE.

Din is-sħubija tagħti spinta lid-djalogu u l-kooperazzjoni f'oqsma bħal:

  • il-ġlieda kontra t-theddid ibridu
  • iċ-ċibersigurtà
  • il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni
  • it-taħriġ u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet

Twitti wkoll it-triq lejn l-esplorazzjoni ta' toroq u oqsma ġodda ta' kooperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża.

Missjoni ta' Sħubija tal-UE fil-Moldova

L-UE nediet il-Missjoni ta' Sħubija fir-Repubblika tal-Moldova (EUPM) f'Mejju 2023.Il-mandat tal-missjoni ġie estiż l-aħħar sal-31 ta' Mejju 2027.

L-objettiv ta' din il-missjoni ċivili huwa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur tas-sigurtà tal-pajjiż fl-oqsmatal-immaniġġar tal-kriżijiet u t-theddid ibridu, inklużiċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI).

L-EUPM tgħin lill-Moldova u lir-reġjun kollu kemm hu jsaħħu l-istabbiltà u s-sigurtà tagħhom.

Faċilità Ewropea għall-Paċi

Bejn l-2021 u l-2026, l-UE allokat €317-il miljun ta' finanzjament permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) biex tappoġġa l-modernizzazzjoni u l-effettività operazzjonali tal-forzi armati tal-Moldova.

B'riżultat ta' dan, il-Moldova hija t-tieni l-akbar benefiċjarju tal-assistenza tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, wara l-Ukrajna.

L-appoġġ wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna

Għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili

Mill-bidu tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, aktar minn 1.8 miljun persuna li ħarbu mill-gwerra daħlu l-Moldova, li għadha tospita aktar minn 127 000 refuġjat Ukren. Bejn l-2022 u l-2025, l-UE allokat €84 miljun f'assistenza umanitarja lill-Moldova.

Il-Moldova attivat il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili biex tappoġġa lill-Ukreni li jaslu fil-Moldova. L-istati membri tal-UE offrew diversi forom ta' assistenza lill-Moldova, inkluż kenn, settijiet tal-iġjene u ġeneraturi tal-enerġija.

Ġestjoni tal-fruntieri

L-UE ffirmat ftehim dwar l-istatus mal-Moldova rigward attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Frontex. Il-ftehim jippermetti lill-Frontex tibgħat timijiet biex jgħinu lill-awtoritajiet tal-Moldova b'kompiti relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri, bħar-reġistrazzjoni u l-verifika fil-fruntieri.

Liberalizzazzjoni temporanja tal-kummerċ

Fl-2022, il-Kunsill adotta regolament li jilliberalizza l-kummerċ temporanjament fis-seba' prodotti agrikoli Moldovani li għadhom mhumiex liberalizzati għalkollox: it-tadam, it-tewm, l-għeneb tal-mejda, it-tuffieħ, iċ-ċirasa, l-għanbaqar u l-meraq tal-għeneb. Din il-miżura ġiet estiża l-aħħar sal-24 ta' Ġunju 2024, u fissret li l-Moldova setgħet mill-inqas tirdoppja l-esportazzjoni tagħha ta' dawn il-prodotti lejn l-UE mingħajr ebda tariffa.

Fit-18 ta' Settembru 2025, il-Kunsill iddeċieda li jżid l-aċċess għas-suq għal dawk is-seba' prodotti. L-għan huwa li nimxu minn reġim temporanju għal ftehim fit-tul li jġib stabbiltà ekonomika u jagħti spinta lill-flussi kummerċjali, filwaqt li jiġu protetti setturi agrikoli sensittivi tal-UE.

Dan il-ftehim ser jinkludi salvagwardji robusti kontra d-distorsjoni tas-suq. L-aċċess għas-suq huwa kundizzjonali u ser ikun ibbażat fuq l-allinjament gradwali tal-Moldova ma' standards agroalimentari speċifiċi tal-UE sal-2027.

Enerġija

Il-grilji elettriċi tal-Ukrajna u l-Moldova ġew sinkronizzati b'suċċess mal-grilja kontinentali Ewropea fis-16 ta' Marzu 2022.

Sanzjonijiet relatati mal-Moldova

Sanzjonijiet b'rispons għal azzjonijiet li jiddestabbilizzaw il-Moldova

Fit-28 ta' April 2023, il-Kunsill adotta qafas legali ġdid għal miżuri restrittivi mmirati, li jippermetti lill-UE timponi sanzjonijiet kontra persuni responsabbli għall-fatt li jappoġġaw jew jimplimentaw azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu:

  • is-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova
  • id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-pajjiż

Dan il-qafas legali għal miżuri restrittivi mmirati ġie adottat fuq talba tar-Repubblika tal-Moldova.

Skont dan ir-reġim ta' sanzjonijiet, l-UE tista' pereżempju tpoġġi fil-mira lil individwi li jtellfu l-proċess politiku demokratiku (bħall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet) jew inkella jdgħajfuh, jew jippruvaw iwaqqgħu l-ordni kostituzzjonali, inkluż permezz ta' atti ta' vjolenza. Miżuri restrittivi fil-futur jistgħu jkollhom fil-mira wkoll lil individwi li jinvolvu ruħhom f'imġiba finanzjarja ħażina serja li tikkonċerna fondi pubbliċi u l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta' kapital.

Ir-reġim tas-sanzjonijiet japplika għal 29 individwu u ħames entitajiet u l-aħħar li ġie estiż kien sad-29 ta' April 2027.

Is-sanzjonijiet jikkonsistu f'iffriżar tal-assi, projbizzjoni fuq id-disponibbiltà ta' fondi għall-individwi u l-entitajiet sanzjonati, u projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE għall-persuni fiżiċi sanzjonati.

L-isforzi biex tiġi destabbilizzata r-Repubblika tal-Moldova żdiedu notevolment mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u huma theddida diretta għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE.

Sanzjonijiet kontra t-tmexxija tar-reġjun Transnistrijan

Fit-2003 l-UE imponiet sanzjonijiet fuq it-tmexxija tar-reġjun Transnistrijan tar-Repubblika tal-Moldova. Is-sanzjonijiet kienu mmirati lejn individwi responsabbli milli jxekklu soluzzjoni politika għall-kunflitt fit-Transnistrija. Fl-2004, ir-reġim tas-sanzjonijiet ġie estiż biex jinkludi lil dawk responsabbli għall-kampanja ta' intimidazzjoni kontra l-iskejjel Moldovani li jgħallmu bl-alfabett Latin fit-Transnistrija.

Biex tinkoraġġixxi l-progress politiku, l-UE ssospendiet il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fl-2010 u neħħiet is-sanzjonijiet kollha kontra l-eks mexxejja politiċi tat-Transnistrija fl-2012. Madankollu, ir-reġim ta' sanzjonijiet inżamm fis-seħħ sabiex l-UE tkun tista' tkompli tindirizza kwistjonijiet mhux solvuti, partikolarment dawk li jikkonċernaw skejjel Moldovani li jgħallmu bl-alfabett Latin. Il-Kunsill jista' għalhekk ireġġa' lura s-sospensjoni jew id-deċiżjoni li jitneħħew is-sanzjonijiet skont il-ħtieġa.

Bħalissa, l-ebda individwu ma huwa soġġett għal sanzjonijiet taħt dan ir-reġim. Ir-reġim innifsu ġie estiż l-aktar reċentement sal-31 ta' Ottubru 2027.

Ara wkoll

Kif jaħdem it-tkabbir tal-UE

Ewropa tal-Lvant

Sħubijiet għas-sigurtà u d-difiża

L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Ottubru 2026