"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Andrii Sybiha, li b'vidjokonferenza aġġorna lill-ministri tal-UE dwar l-iżviluppi diplomatiċi li għaddejjin, is-sitwazzjoni fuq il-post, u l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-Ukrajna.
Imbagħad il-Kunsill kellu diskussjoni dwar il-ħidma li għaddejja fuq it-18-il pakkett ta' sanzjonijiet ekonomiċi u individwali kontra r-Russja.
Huma meħtieġa sanzjonijiet biex ir-Russja tiċċaħħad mill-mezzi biex twettaq din il-gwerra u l-Unjoni Ewropea ser tkompli żżid il-kost, sabiex il-waqfien tal-aggressjoni tagħha jsir l-unika triq 'il quddiem għal Moska.
[…] Il-messaġġ huwa ċar ħafna, l-isforzi tar-Russja jisfaw fix-xejn, l-Ewropa hija impenjata bis-sħiħ lejn l-Ukrajna.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Il-Kunsill imbagħad iddiskuta l-appoġġ militari lill-Ukrajna u aktar sensibilizzazzjoni globali ma' atturi globali ewlenin b'appoġġ għal waqfien mill-ġlied sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet.
Il-Kunsill impona miżuri restrittivi fuqħames individwi responsabbli għall-ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fir-Russja.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, billi beda b'diskussjoni dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża.
Il-ġimgħa li għaddiet Iżrael u l-Unjoni Ewropea laħqu fehim għall-espansjoni tal-għajnuna umanitarja f'Gaża, għalhekk qed naraw sinjali pożittivi, qed naraw aktar trakkijiet u provvisti jaslu Gaża, qed naraw aktar punti ta' dħul miftuħa, qed naraw ukoll li l-linji tal-elettriku qed jissewwew iżda jeħtieġ li Iżrael jieħu passi aktar konkreti biex itejjeb is-sitwazzjoni umanitarja fuq il-post. L-Unjoni Ewropea ser iżżomm sorveljanza mill-qrib dwar kif Iżrael jimplimenta dan il-fehim komuni u l-wegħdiet u ser taġġorna l-konformità kull ġimagħtejn.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
B'segwitu għad-diskussjoni tal-KAB tat-23 ta' Ġunju dwar ir-rieżami tal-konformità ta' Iżrael mal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael, il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar inventarju ta' miżuri ta' segwitu possibbli.
Fuq talba tal-Kunsill Ewropew ippreżentajt ukoll lill-ministri inventarju ta' miżuri differenti li jistgħu jittieħdu fir-rigward tar-rieżami li sar f'Ġunju, u għalhekk kellna diskussjoni dwar dan u dawn huma għażliet li l-istati membri jridu jagħmlu. Ser inżommu dawn l-opzjonijiet fuq il-mejda u ser inkunu lesti li naġixxu jekk Iżrael ma jwettaqx il-wegħdiet tiegħu. L-għan mhuwiex li Iżrael jiġi kkastigat, l-għan huwa li verament tittejjeb is-sitwazzjoni f'Gaża.
Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin
Il-Kunsill ħa kont ukoll tal-aħħar avvenimenti rigward l-Iran, u tenna l-pożizzjoni tiegħu li l-Iran ma għandu jkollu l-ebda arma nukleari, u li d-diplomazija hija l-aħjar approċċ fit-tul biex jintlaħaq dan l-għan.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin evalwa s-sitwazzjoni fil-Georgia u ddiskuta miżuri futuri possibbli b'rispons għar-repressjoni mill-awtoritajiet, kif ukoll inizjattivi biex is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti tal-Georgia jiġu appoġġati aħjar.
Mediterran 2025: il-Patt u r-riforma tal-Unjoni għall-Mediterran
Il-Kunsill kellu diskussjoni dwar "Il-Mediterran 2025: il-Patt u r-riforma tal-Unjoni għall-Mediterran", fejn iffoka fuq il-Patt għall-Mediterran il-ġdid, li għandu l-għan li jipprodvi impetu ġdid għall-impenn tal-UE fir-reġjun tal-Mediterran, u l-proċess ta' riforma tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM), qabel it-tletin anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta' Barċellona.
Diskussjonijiet u deċiżjonijiet oħra
Fir-rigward tal-ġrajjiet kurrenti, ir-Rappreżentant Għoli tat informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet UE-CELAC, is-Somalja, iċ-Ċina u l-Ġappun.
Il-Kunsill impona miżuri restrittivi fuq:
tmien persuni u entità waħda taħt ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'isem il-korpi statali Iranjani barra l-Iran
seba' individwi u tliet entitajiet responsabbli għal azzjonijiet immirati biex jiddestabbilizzaw, idgħajfu jew jheddu s-sovranità u l-indipendenza kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt, u l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Moldova
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.