Il-ftehim dinji dwar il-pandemiji fil-qosor
COVID-19 wera li l-ebda gvern jew istituzzjoni ma jistgħu jindirizzaw it-theddida ta' pandemiji futuri waħedhom. F'dinja fejn il-mard infettiv qed jiżdied u l-viruses ma jafux fruntieri, huwa vitali li nkunu mħejjija aħjar u aktar reżiljenti fil-ġlieda kontra t-theddid futur għas-saħħa dinjija.
F'Mejju 2025, il-pajjiżi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) adottaw strument globali ġdid li għandu l-għan li jipproteġi aħjar lin-nies, lill-komunitajiet u lill-pajjiżi minn pandemiji futuri.
L-objettivi
L-istrument adottat mill-pajjiżi tad-WHO, imsejjaħ ukoll "il-qbil", għandu l-għan li jtejjeb il-prevenzjoni, l-istat ta' tħejjija, u r-rispons għal pandemiji futuri fil-livell dinji.
L-għanijiet huma li:
- jiżgura impenn politiku sostnut u fit-tul
- jiddefinixxi proċessi u kompiti ċari
- jiżgura appoġġ fit-tul tas-settur pubbliku u dak privat fil-livelli kollha
- jippromwovi approċċ li jinvolvi l-gvern kollu u s-soċjetà kollha, li jinkludi l-kwistjonijiet ta' saħħa fl-oqsma rilevanti kollha tal-politika (eż. ir-riċerka, l-innovazzjoni, il-finanzjament u t-trasport)
Il-benefiċċji potenzjali
• impenn politiku u inklużività dinjija
• prinċipji, prijoritajiet u miri stabbiliti
• reżiljenza nazzjonali, reġjonali u globali msaħħa għal pandemiji futuri u kapaċitajiet biex jiġu indirizzati
• ekwità mtejba fl-aċċess għal kontromiżuri mediċi ta' kwalità (vaċċini, terapewtika u dijanjostika)
• kondiviżjoni ta' data ta' monitoraġġ, data ġenetika, kampjuni, teknoloġija u l-benefiċċji assoċjati tagħhom
• approċċ "Saħħa Waħda" li jgħaqqad is-saħħa tal-bnedmin, l-annimali u l-pjaneta
Il-partijiet
L-istrument ġie nnegozjat mid-delegazzjonijiet tal-194 pajjiż membru tad-WHO, l-aktar korp internazzjonali inklużiv u ta' esperjenza fejn il-pajjiżi kollha jistgħu jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet kruċjali tas-saħħa dinjija.
Saru wkoll konsultazzjonijiet mifruxa u estensivi mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti.
L-istadji tal-proċess tan-negozjati
Kronoloġija:
- Novembru 2020 – Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel jipproponi l-iżvilupp ta' strument internazzjonali dwar il-pandemiji fil-Forum ta' Pariġi dwar il-Paċi.
- Diċembru 2021 – Sessjoni speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa taqbel li tniedi l-abbozzar u n-negozjar ta' konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji.
- Marzu 2022 – Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex jinbdew in-negozjati.
- Marzu 2023 – Il-pajjiżi tad-WHO jibdew in-negozjati dwar l-ewwel abbozz ta' ftehim (l-"abbozz żero").
- Mejju 2023 – il-korp tan-negozjati jippreżenta rapport ta' progress lis-76 Assemblea Dinjija tas-Saħħa.
- Mejju 2024 – L-istrument propost jiġi ppreżentat għall-kunsiderazzjoni tas-77 Assemblea Dinjija tas-Saħħa.
- Mejju 2025 – L-istrument jiġi adottat fit-78 Assemblea Dinjija tas-Saħħa.
L-attenzjoni tad-WHO issa ser tgħaddi fuq in-negozjati għal sistema ta' Aċċess għall-Patoġeni u Qsim ta' Benefiċċji (PABS), li ser tidher bħala anness għal dan il-ftehim. Ladarba dan l-anness jiġi adottat, il-ftehim dwar il-pandemiji ser jinfetaħ għall-firma u r-ratifika mill-pajjiżi kollha tad-WHO.
Ladarba jiġi rratifikat, l-istrument ikun legalment vinkolanti u msejjes fil-kostituzzjoni tad-WHO.
L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Ġunju 2025