"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-pandemiji u t-tħejjija għalihom
Għalfejn strument internazzjonali kontra l-pandemiji?
Il-pandemija tal-COVID-19 hija sfida globali. L-ebda gvern jew istituzzjoni ma jistgħu jindirizzaw it-theddida ta' pandemiji futuri waħedhom.
Konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor huma legalment vinkolanti skont id-dritt internazzjonali. Ftehim dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji adottat taħt l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jippermetti lill-pajjiżi madwar id-dinja jsaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali, reġjonali u globali kif ukoll ir-reżiljenza għal pandemiji futuri.
Strument bħal dan:
jiżgura wkoll impenn politiku ogħla, sostnut u fit-tul fil-livell tal-mexxejja dinjija ta' stati jew gvernijiet
jiddefinixxi wkoll proċessi u kompiti ċari
isaħħaħ ukoll appoġġ fit-tul tas-settur pubbliku u privat fil-livelli kollha
irawwem ukoll l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tas-saħħa fl-oqsma kollha rilevanti ta' politika
Jeħtieġ li noħolqu ambjent fejn kull xjenzat, ħaddiem tas-saħħa u gvern jistgħu jingħaqdu flimkien għal kawża komuni. Naħdmu flimkien biex nibnu soluzzjonijiet ġodda biex nipproteġu dak li huwa l-aktar prezzjuż - saħħitna u ħajjitna.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, waqt is-Summit Dinji tas-Saħħa, 25 ta' Ottubru 2021
X'inhu l-għan ta' ftehim internazzjonali dwar il-pandemiji?
Il-proposta għal strument internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji hija ggwidata minn spirtu ta' solidarjetà kollettiva, ankrat fil-prinċipji ta' ġustizzja, inklużività u trasparenza.
La l-gvernijiet individwali u lanqas il-komunità globali ma jistgħu jipprevjenu kompletament il-pandemiji. Iżda l-komunità internazzjonali jeħtieġ li tkun ippreparata ferm aħjar u allinjata aħjar biex tirreaġixxi għal pandemiji futuri possibbli fiċ-ċiklu kollu ta' detezzjoni, allarm u rispons.
L-istrument jistabbilixxi l-objettivi u l-prinċipji fundamentali sabiex tiġi strutturata l-azzjoni kollettiva meħtieġa għall-ġlieda kontra l-pandemiji.
Konvenzjoni internazzjonali, ftehim jew strument internazzjonali ieħor dwar il-pandemiji jappoġġa u jiffoka fuq:
detezzjoni bikrija u prevenzjoni ta' pandemiji
reżiljenza għal pandemiji futuri
rispons għal kwalunkwe pandemija futura, b'mod partikolari billi jiġi żgurat aċċess universali u ekwu għal soluzzjonijiet mediċi, bħal tilqim, mediċini u dijanjostika
qafas internazzjonali tas-saħħa aktar b'saħħtu mad-WHO bħala l-awtorità ta' koordinazzjoni dwar kwistjonijiet globali ta' saħħa
l-approċċ "Saħħa Waħda", li jorbot is-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjaneta tagħna
B'mod aktar speċifiku, strument bħal dan jista' jsaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali f'għadd ta' oqsma ta' prijorità, bħas-sorveljanza, it-twissijiet u r-rispons, iżda wkoll b'mod ġenerali l-fiduċja fis-sistema tas-saħħa internazzjonali.
Il-ftehim dinji dwar il-pandemiji fil-qosor (Infografika)
X'inhuma l-inċentivi u l-benefiċċji potenzjali ewlenin?
Sorveljanza aħjar tar-riskji ta' pandemija
Il-monitoraġġ tar-riskji u, b'mod partikolari, il-kondiviżjoni tal-għarfien dwar mard infettiv ġdid li jinfirex mill-annimali għall-bnedmin huwa kruċjali għall-prevenzjoni ta' pandemiji futuri.
Dan jista' jinkiseb permezz ta':
żieda fil-kapaċità tal-laboratorju u tas-sorveljanza meħtieġa biex jiġi identifikat il-mard tal-annimali fil-pajjiżi kollha
kollaborazzjoni msaħħa bejn iċ-ċentri ta' riċerka fuq livell dinji
koordinazzjoni aħjar tal-finanzjament internazzjonali għall-kapaċitajiet ewlenin
Twissijiet aħjar
L-introduzzjoni ta' aktar livelli ta' twissija proporzjonati għall-grad ta' theddid għas-saħħa ttejjeb il-preċiżjoni fil-komunikazzjoni dwar it-theddid għas-saħħa pubblika. Din itejjeb it-trasparenza u l-leġittimità ta' miżuri restrittivi jew relatati mas-saħħa.
It-teknoloġiji diġitali u l-għodod innovattivi għall-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data kif ukoll l-analitika predittiva jistgħu jappoġġaw komunikazzjoni f'ħin reali u twissijiet bikrija li, min-naħa tagħhom, għandhom iwasslu għal rispons aktar rapidu.
Rispons aħjar
Provvisti u servizzi tas-saħħa
Kif intwera matul il-pandemija tal-COVID-19, il-ktajjen ta' provvista globali u s-sistemi loġistiċi jeħtieġ li jkunu aktar reżiljenti biex ilaħħqu mat-theddid globali għas-saħħa. Il-pajjiżi kollha għandu jkollhom aċċess mingħajr interruzzjoni għal provvisti, mediċini u tagħmir essenzjali minn kwalunkwe post fid-dinja.
Il-koordinazzjoni globali għal ħażna effettiva tista' wkoll tħaffef ir-rispons għall-pandemiji. Il-kapaċità li jiġi skjerat tagħmir mediku u timijiet mediċi internazzjonali b'livell għoli ta' ħiliet fuq il-post tirrappreżenta wkoll pass 'il quddiem fis-sigurtà tas-saħħa globali.
Riċerka u innovazzjoni
Il-pandemija tal-COVID-19 uriet kemm huwa kritiku li l-komunità xjentifika timmobilizza ruħha malajr u li l-industrija tkun tista' żżid rapidament il-kapaċità tal-manifattura tagħha.
Approċċ ikkoordinat globalment għall-iskoperta, l-iżvilupp u l-użu ta' soluzzjonijiet mediċi effettivi u sikuri, bħal tilqim, mediċini, dijanjostika u tagħmir protettiv ikun ta' benefiċċju għas-sigurtà tas-saħħa kollettiva.
Il-qsim ta' patoġeni, kampjuni bijoloġiċi u data ġenomika kif ukoll l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet mediċi f'waqthom (tilqim, trattamenti u dijanjostika) huma vitali sabiex jissaħħaħ l-istat ta' tħejjija globali għall-pandemiji.
Mekkaniżmi ta' rispons aħjar
L-inugwaljanzi fl-aċċess għat-tilqim, il-mediċini u d-dijanjostika jheddu li jtawlu l-pandemiji u li jħallu effett aktar serju fuq il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem kif ukoll fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna.
Il-ftehim jislet tagħlimiet ibbażati fuq l-esperjenza tal-Aċċelleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT-A), COVAX u strumenti kollettivi oħra żviluppati minn mindu bdiet il-pandemija tal-COVID-19, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet globali b'mod aktar ekwu f'pandemiji futuri.
Implimentazzjoni aħjar
Ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa pubblika hija element kruċjali fil-ġlieda kontra pandemija. Jeħtieġ li l-pajjiżi jkunu jistgħu jserrħu fuq is-sistemi tas-saħħa pubblika tagħhom sabiex jirrispondu b'mod effettiv għat-tifqigħa ta' pandemija. Dan jista' jinkiseb b'mekkaniżmu aktar robust ta' rappurtar mill-pajjiżi, kif ukoll permezz ta' użu aktar mifrux ta' evalwazzjonijiet esterni konġunti u segwitu aħjar.
Niksbu mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema tas-saħħa internazzjonali
Il-ftehim jiżgura li jkun hemm aktar trasparenza, aktar irfigħ ta' responsabbiltà, u aktar responsabbiltà kondiviża fis-sistema internazzjonali.
Barra minn hekk, jistabbilixxi l-pedament għal komunikazzjoni u informazzjoni aħjar liċ-ċittadini. Il-miżinformazzjoni thedded il-fiduċja tal-pubbliku u tirriskja li ddgħajjef ir-risponsi tas-saħħa pubblika. Biex tinfeda l-fiduċja taċ-ċittadini, għandhom jiġu previsti miżuri konkreti biex jitjieb il-fluss ta' informazzjoni affidabbli u preċiża kif ukoll biex tiġi indirizzata l-miżinformazzjoni fuq livell dinji.
10 inċentivi u benefiċċji ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji (Infografika)
Fil-Kunsill
Fl-20 ta' Mejju 2021 il-Kunsill adotta deċiżjoni biex jappoġġa t-tnedija ta' negozjati għal ftehim internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-pandemiji fi ħdan il-qafas tad-WHO.
Fit-3 ta' Marzu 2022, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji.
Fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, il-Kummissjoni tinnegozja f'isem l-UE, abbażi tad-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill.
Strument bħal dan jappoġġa l-isforzi internazzjonali biex tissaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa madwar id-dinja, b'mod partikolari dwar it-tħejjija u r-rispons għal emerġenzi tas-saħħa, fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija.
Matul il-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu 2022, il-mexxejja tal-UE qiesu l-ħidma dwar l-istrument futur biex tissaħħaħ il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji li għandu jiġi adottat fl-ambitu tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) twaqqfet fl-1948 bil-mandat li taġixxi bħala l-awtorità li tidderieġi u tikkoordina l-ħidma internazzjonali fil-qasam tas-saħħa. Għandha 194 stat membru, f'sitt reġjuni, u aktar minn 150 uffiċċju, u taħdem biex tikseb saħħa aħjar għal kulħadd, kullimkien.
Il-proposta għal trattat internazzjonali dwar il-pandemiji tħabbret għall-ewwel darba mill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, fil-Forum ta' Pariġi dwar il-Paċi f'Novembru 2020.
Jeħtieġ li mmorru lil hinn u nitgħallmu mill-pandemija. Aħna naraw li huwa assolutament kruċjali li nkunu kapaċi naġixxu aktar malajr u b'mod aktar koordinat, biex niżguraw li t-tagħmir mediku jkun disponibbli u biex niskambjaw informazzjoni ma' xulxin malajr ħafna sabiex nipproteġu liċ-ċittadini tagħna kif l-aħjar nistgħu.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, fil-Forum tal-Paċi ta' Pariġi fit-12 ta' Novembru 2020
Din is-sejħa għal trattat internazzjonali dwar il-pandemiji ġiet enfasizzata wkoll mill-mexxejja tal-G7 fid-dikjarazzjoni tagħhom fid-19 ta' Frar 2021.
Il-mexxejja tal-UE qablu li jaħdmu fuq trattat internazzjonali dwar il-pandemiji fil-25 ta' Frar 2021.
Aħna impenjati li mmexxu 'l quddiem is-sigurtà tas-saħħa madwar id-dinja, inkluż billi nsaħħu l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u billi naħdmu lejn trattat internazzjonali dwar il-pandemiji fi ħdan il-qafas tagħha.
Dikjarazzjoni tal-membri tal-Kunsill Ewropew, 25 ta' Frar 2021
Fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, fil-31 ta' Mejju 2021 il-194 membru tad-WHO adottaw id-deċiżjoni li jiddiskutu trattat internazzjonali ġdid dwar il-pandemiji f'sessjoni speċjali li bdiet fid-29 ta' Novembru 2021.
Fl-1 ta' Diċembru 2021, il-194 membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) laħqu kunsens biex jagħtu spinta lill-proċess biex jiġu abbozzati u nnegozjati konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor skont il-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jissaħħu l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji.
Ġie kostitwit korp intergovernattiv ta' negozjar biex jaħdem fuq in-negozjati. B’mod parallel għan-negozjati rigward il-ftehim dwar il-pandemiji, il-gvernijiet qed jiddiskutu wkoll emendi għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa.
Il-mexxejja dinjija jappellaw għal trattat internazzjonali ġdid biex jittejjeb ir-rispons għall-pandemiji
Fit-30 ta' Marzu 2021, mexxejja minn madwar id-dinja kollha ngħaqdu mal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel u d-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Dr. Tedros Adhanom Ghebreyesus f'sejħa miftuħa għal trattat internazzjonali dwar il-pandemiji, abbażi tat-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19.
Ser ikun hemm pandemiji oħra u emerġenzi kbar oħra tas-saħħa. Il-mistoqsija mhix jekk, iżda meta. Flimkien, irridu nkunu ppreparati aħjar biex b'mod ikkoordinat ħafna nipprevedu l-pandemiji, nipprevjenuhom, nindunaw bihom, nivvalutawhom u nirrispondu għalihom b'mod effettiv. Għal dak il-għan, nemmnu li n-nazzjonijiet għandhom jaħdmu flimkien lejn trattat internazzjonali ġdid għat-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji.
Sejħa konġunta għal trattat internazzjonali dwar il-pandemiji