"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Kunsill Ewropew Straordinarju, 17-21 ta' Lulju 2020
Riżultati ewlenin
Il-mexxejja tal-UE qablu dwar pakkett ta' rkupru u l-baġit 2021-2027 li ser jgħinu lill-UE terġa' tqum fuq saqajha wara l-pandemija u ser jappoġġaw l-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.
Ilħaqna ftehim dwar il-pakkett ta' rkupru u l-baġit Ewropew. Dawn kienu, ovvjament, negozjati diffiċli fi żminijiet diffiċli ħafna għall-Ewropej kollha. Maratona li ntemmet b'suċċess għas-27 stat membru kollha, iżda speċjalment għan-nies. Dan huwa ftehim tajjeb. Dan huwa ftehim b'saħħtu. U l-aktar importanti, dan huwa l-aħjar ftehim għall-Ewropa, f'dan il-mument.
Il-President Michel fil-konferenza stampa tal-Kunsill Ewropew
Ir-riperkussjonijiet soċjoekonomiċi mill-kriżi tal-COVID-19 jeħtieġu sforz konġunt u innovattiv fil-livell tal-UE sabiex jiġu appoġġati l-irkupru u r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-istati membri.
Sabiex jinkiseb ir-riżultat mixtieq u jkun sostenibbli, l-isforz ta' rkupru għandu jkun marbut mal-QFP tradizzjonali, li sawwar il-politiki baġitarji tal-UE mill-1988 u joffri perspettiva fit-tul.
Il-mexxejja tal-UE qablu dwar pakkett komprensiv ta' €1 824.3 biljun li jgħaqqad il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u sforz straordinarju għall-irkupru taħt l-istrument Next Generation EU (NGEU).
Baġit fit-tul tal-UE
Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid ser ikopri seba' snin bejn l-2021 u l-2027. Il-QFP, imsaħħaħ bin-Next Generation EU, ser ikun ukoll l-istrument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-pakkett ta' rkupru biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.
Id-daqs tal-QFP - €1 074.3 biljun - ser jippermetti li l-UE tissodisfa l-objettivi fit-tul tagħha u tippreserva l-kapaċità sħiħa tal-pjan ta' rkupru. Din il-proposta hija bbażata fil-biċċa l-kbira fuq il-proposta magħmula mill-President Michel fi Frar, li rriflettiet sentejn ta' diskussjonijiet bejn l-istati membri.
Next Generation EU ser jipprovdi lill-Unjoni bil-mezzi neċessarji biex tindirizza l-isfidi li ġġib magħha l-pandemija tal-COVID-19. Taħt dan il-ftehim il-Kummissjoni ser tkun tista' tissellef sa €750 biljun mis-swieq. Dawn il-fondi jistgħu jintużaw għal self back-to-back u għal nefqa li tgħaddi mill-programmi tal-QFP. Il-kapital miġbur fis-swieq finanzjarji ser jitħallas lura sal-2058.
L-ammonti disponibbli taħt NGEU ser jiġu allokati għal seba' programmi individwali:
Allokazzjoni mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF)
Il-pjan jiżgura li l-flus imorru għand il-pajjiżi u s-setturi l-aktar milquta mill-kriżi: 70% taħt l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser jiġu impenjati fl-2021 u l-2022 u 30% ser jiġu impenjati fl-2023.
L-allokazzjonijiet mill-RRF fl-2021-2022 ser jiġu stabbiliti skont il-kriterji tal-allokazzjoni tal-Kummissjoni li jqisu l-istandards tal-għajxien, id-daqs u l-livelli tal-qgħad rispettivi tal-istati membri.
Flessibbiltà
Il-mexxejja tal-UE qablu dwar Strument ta' Marġni Uniku (SMI) biex ikun possibbli l-finanzjament ta' nfiq speċifiku mhux previst f'impenji u pagamenti korrispondenti li ma setgħux jiġu ffinanzjati mod ieħor. Il-limitu annwali tal-SMI ser ikun stabbilit għal EUR 772 miljun (prezzijiet tal-2018).
Huma qablu wkoll fuq tliet strumenti speċjali tematiċi biex jipprovdu mezzi finanzjarji addizzjonali għal avvenimenti speċifiċi mhux previsti:
Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit biex tappoġġa lill-istati membri u lis-setturi ekonomiċi l-aktar milquta mill-Brexit (€5 biljun)
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jappoġġa lil ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom f'ristrutturar marbut mal-globalizzazzjoni (€1.3 biljun)
Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna f'Emerġenza (SEAR) biex tirrispondi għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jirriżultaw minn diżastri kbar fl-istati membri u pajjiżi ta' adeżjoni, u għal rispons rapidu għal ħtiġijiet ta' emerġenza speċifiċi fl-UE jew f'pajjiżi terzi (€1.2 biljun)
Governanza u kondizzjonalità
F'konformità mal-prinċipji ta' governanza tajba, l-istati membri ser iħejju pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għall-2021-2023. Dawn jeħtieġ li jkunu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. B'mod aktar speċifiku, il-pjanijiet huma meħtieġa biex jagħtu spinta lit-tkabbir u l-impjiegi u jsaħħu r-"reżiljenza ekonomika u soċjali" tal-pajjiżi tal-UE. Il-pjanijiet ser jiġu rieżaminati fl-2022. Il-valutazzjoni ta' dawn il-pjanijiet ser tiġi approvata mill-Kunsill permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.
L-iżborż ta' għotjiet ser iseħħ biss jekk jintlaħqu l-miri u l-objettivi intermedji fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza.
Jekk, eċċezzjonalment, stat membru wieħed jew aktar iqisu li jkun hemm devjazzjonijiet serji mill-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri rilevanti, huma jistgħu jitolbu li l-President tal-Kunsill Ewropew jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill Ewropew li jmiss.
Azzjoni klimatika
30% tal-infiq totali mill-QFP u min-Next Generation EU ser ikun immirat lejn proġetti relatati mal-klima. L-ispejjeż fl-ambitu tal-QFP u tan-Next Generation EU ser jikkonformaw mal-objettiv tal-UE ta' newtralità klimatika sal-2050, il-miri tal-UE għall-klima għall-2030 u l-Ftehim ta' Pariġi.
Stat tad-dritt
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni ser jiġu protetti f'konformità mal-prinċipji ġenerali inkorporati fit-Trattati tal-Unjoni, b'mod partikolari l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE. Il-Kunsill Ewropew jissottolinja wkoll l-importanza tar-rispett għall-istat tad-dritt. Abbażi ta' dan il-kuntest, ser jiġi introdott reġim ta' kondizzjonalità biex jiġu protetti l-baġit u n-Next Generation EU.
Il-Kummissjoni Ewropea ser tipproponi miżuri, f'każ ta' ksur, għall-adozzjoni mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata.
Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura malajr għal din il-kwistjoni.
Dħul tal-UE: riżorsi proprji
Il-mexxejja tal-UE qablu li jipprovdu lill-UE b'riżorsi ġodda biex jitħallsu lura l-fondi miġbura taħt in-Next Generation EU. Huma qablu dwar imposta ġdida tal-plastik li ser tiġi introdotta fl-2021. Fl-istess sena l-Kummissjoni hija mistennija tressaq proposta għal miżura ta' aġġustament tal-karbonju u imposta diġitali, li t-tnejn li huma ser jiġu introdotti mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2023.
Il-Kummissjoni mbagħad terġa' lura bi proposta riveduta dwar l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), billi possibbilment testendiha għas-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu. Jista' jkun hemm ukoll riżorsi ġodda oħra, bħal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Ir-rikavati mir-riżorsi proprji l-ġodda introdotti wara l-2021 ser jintużaw għall-ħlas lura antiċipat tas-self tal-NGEU.
Is-sorsi l-ġodda ta' finanzjament jiżdiedu mar-riżorsi proprji eżistenti:
riżorsi proprji tradizzjonali: primarjament dazji doganali u imposti fuq iz-zokkor (l-istati membri jżommu, permezz ta’ spejjeż ta' ġbir, 25% tal-ammonti miġbura, meta mqabbla ma' 20% għall-2014-2020)
Riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT: rata uniformi ta' 0.3% hija applikata fuq il-bażi tat-taxxa fuq il-valur miżjud ta' kull stat membru, bil-bażi taxxabbli tal-VAT tkun limitata għal 50% tad-DNG għal kull pajjiż (il-metodoloġija ser tiġi ssimplifikata)
Riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG: li tirriżulta minn rata uniformi applikata għad-dħul nazzjonali gross ta' stati membri, din ir-rata hija aġġustata kull sena sabiex tibbilanċja d-dħul u l-infiq (mhux mibdula)
Taħt il-QFP, il-limitu massimu allokat lill-UE biex tkopri l-approprjazzjonijiet annwali huwa ffissat:
għall-pagamenti: 1.40% tad-DNG tal-istati membri kollha
għall-impenji: 1.46% tad-DNG tal-istati membri kollha
Rifużjonijiet
Ser jinżammu r-rifużjonijiet ta' somma f'daqqa fuq il-kontribuzzjoni annwali bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross għad-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja.
Il-President Michel ippreżenta l-proposta tiegħu fl-10 ta' Lulju 2020
Informazzjoni ġenerali
Fl-10 ta' Lulju, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ippreżenta l-proposta tiegħu għall-QFP u l-pakkett għall-irkupru.
"L-għanijiet tal-irkupru tagħna jistgħu jinġabru fi tliet kelmiet: l-ewwel konverġenza, it-tieni reżiljenza u t-tielet trasformazzjoni. B'mod konkret, dan ifisser li: l-ħsara kkawżata mill-COVID-19 tiġi rimedjata, l-ekonomiji tagħna jiġu riformati u s-soċjetajiet tagħna jissawru mill-ġdid," qal il-President.
Wara diskussjonijiet bilaterali mal-mexxejja tal-UE, il-President Michel identifika sitt "elementi kostitwenti" għal ftehim possibbli.
Fid-19 ta' Ġunju, il-mexxejja tal-UE kellhom skambju ta' fehmiet, permezz ta' vidjokonferenza, dwar il-proposta għal pjan ta' rkupru ġdid u għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2021-2027, ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea fis-27 ta' Mejju 2020.
Wara l-laqgħa, Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, beda negozjati politiċi mal-mexxejja tal-UE.
Fit-23 ta' April 2020, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jaħdem biex jistabbilixxi fond għall-irkupru bħala reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19. Il-mexxejja nkarigaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta b'mod urġenti, kif ukoll biex tiċċara r-rabta bejn il-fond għall-irkupru u l-baġit fit-tul tal-UE.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.