Ġlieda kontra d-diżinformazzjoni
Azzjonijiet tal-UE biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19
L-UE hija impenjata li tipproteġi lis-soċjetajiet, iċ-ċittadini u l-libertajiet kontra t-theddid ibridu, inkluż azzjonijiet ta' miżinformazzjoni u ta' diżinformazzjoni, kif issottolinjat fl-Aġenda Strateġika għall-2019-2024. L-għan huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fid-detezzjoni, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-attakki, filwaqt li tissaħħaħ ir-reżiljenza għal dan it-theddid.
F'Diċembru 2020, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappellaw għal rispons imsaħħaħ ulterjuri fil-livell tal-UE biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu, inkluż id-diżinformazzjoni. Huwa rrikonoxxa li l-pandemija tal-COVID-19 tagħmel lill-UE u lill-istati membri tagħha aktar vulnerabbli għat-theddid ibridu.
Il-pandemija tal-COVID-19 għamlitha ċara li huma meħtieġa sforzi intensifikati biex l-Unjoni Ewropea, l-istati membri tagħha u s-soċjetajiet tagħhom u l-istituzzjonijiet tal-UE jiġu protetti minn theddid ibridu u l-effetti dannużi tiegħu. Irridu nipproteġu s-soċjetajiet u l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna minn theddid bħal dan, b’mod partikolari billi nsaħħu r-reżiljenza tagħna u nkomplu nsaħħu l-għodod tagħna fil-livell tal-UE u tal-istati membri. Markus Kerber, presidenza Ġermaniża tal-Kunsill
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill enfasizza li l-approċċ tal-UE biex tindirizza d-diżinformazzjoni huwa multidixxiplinari u jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati. Huwa appella għal tisħiħ ulterjuri tat-task forces għall-komunikazzjoni strateġika fi ħdan is-Servizz għall-Azzjoni Esterna tal-UE u tas-sistema ta’ twissija rapida bil-ħsieb li tiġi żviluppata pjattaforma komprensiva għall-istati membri u l-istituzzjonijiet tal-UE.
Il-ministri tal-UE stiednu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u eventwalment timplimenta aktar rekwiżiti ta' trasparenza għall-pjattaformi online. L-għan ta' dawn ir-rekwiżiti jkun li tiġi promossa sfera pubblika diġitali li taħdem tajjeb, tiġi żviluppata responsabbiltà akbar u tittejjeb it-trasparenza fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni.
X'inhi d-differenza?
Il-miżinformazzjoni hija informazzjoni falza li nħolqot jew inxterdet b'mod mhux intenzjonali. Id-diżinformazzjoni hija wkoll informazzjoni falza iżda magħmula deliberatament bl-iskop li tikkawża ħsara.
Fil-kuntest ta' attività ta' diżinformazzjoni li qed tikber relatata mat-tifqigħa tal-COVID-19, l-istituzzjonijiet tal-UE ħadmu biex jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar il-perikli tad-diżinformazzjoni u jippromwovu l-użu ta' sorsi awtorevoli.
Fl-10 ta' Ġunju 2020, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħarġu komunikazzjoni konġunta ''Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X'inhuma l-fatti'' biex jipproponu azzjonijiet konkreti biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE kontra l-isfida tad-diżinformazzjoni. Dawn jinkludu l-intensifikazzjoni tal-appoġġ tal-UE għall-verifikaturi tal-fatti u r-riċerkaturi, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni strateġika tal-UE u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, filwaqt li jiġu żgurati l-libertà ta' espressjoni u l-pluralità.
Matul il-pandemija, l-UE ħeġġet lill-pjattaformi online biex jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-fake news u tentattivi oħra ta' diżinformazzjoni billi jneħħu kontenut illegali jew falz. Bil-bidu tal-kampanji ta’ tilqim madwar l-UE, l-isforzi biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni dwar it-tilqim kontra l-COVID-19 intensifikaw. Il-pjattaformi online li huma firmatarji tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-azzjonijiet u l-miżuri tagħhom biex jillimitaw id-diżinformazzjoni.
Il-ħidma bi pjattaformi online wasslet, fost l-oħrajn, biex TikTok iniedi l-avviż “kun af il-fatti” li jwissi lill-utenti dwar kontenut li jista’ ma jkunx ivverifikat. Google irrapporta li neħħa erba’ kanali ta' YouTube u kont ta’ reklamar wieħed, u estenda l-mezz ta’ tiftix tiegħu biex juri lill-utenti informazzjoni awtoritattiva għall-istati membri kollha tal-UE.
Il-proġett EUvsDisinfo tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu l-għan li jżid is-sensibilizzazzjoni u l-fehim mill-pubbliku tal-operazzjonijiet ta' diżinformazzjoni tal-Kremlin.
Fatti kontra l-biża’
Mat-tifqigħa tal-coronavirus COVID-19, qed tinfirex ukoll dik li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddeskriviet bħala "infodemija". L-abbundanza żejda ta' informazzjoni, li parti minnha hija falza jew mhux preċiża, dwar il-virus, l-oriġini u l-effetti tiegħu, kif ukoll dwar l-azzjoni tal-awtoritajiet biex tiġi indirizzata l-pandemija, qed tagħmilha diffiċli għan-nies biex isibu sorsi affidabbli u l-gwida li jeħtieġu.
Il-Kummissjoni ġabret lista ta’ fatti biex ixxejjen il-qlajjiet dwar il-pandemija tal-coronavirus u r-rispons mill-UE u tgħin lin-nies jiddistingwu l-fatti minn stejjer foloz. Il-paġna web tinkludi wkoll informazzjoni u gwida dwar kif jiġu rikonoxxuti bots online u jiġu identifikati teoriji ta’ konfoffa.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ġabret informazzjoni dwar uħud mill-aktar qlajjiet mifruxa dwar il-pandemija tal-coronavirus.
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), li tikkoordina l-approvazzjoni u s-superviżjoni tal-mediċini fl-UE, elenkat uħud mill-fatti ewlenin dwar l-iżvilupp u l-approvazzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19. Il-portal Ewropew ta’ informazzjoni dwar it-tilqim jipprovdi wkoll fatti u informazzjoni dwar l-istrateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19 u l-benefiċċji tat-tilqim għall-individwi u l-komunità.
Skont stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru, aktar minn 50 % tal-Ewropej jemmnu li ġew esposti għal diżinformazzjoni online.
(Marzu 2021)
Sorsi uffiċjali ta' informazzjoni dwar il-COVID-19
Il-lista ta' hawn taħt toffri għażla ta' sorsi ta' informazzjoni fl-UE u lil hinn minnha kif ukoll minn organizzazzjonijiet rilevanti tal-UE u dawk internazzjonali.
Informazzjoni uffiċjali aġġornata dwar miżuri nazzjonali mill-pajjiżi tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u r-Renju Unit:
Organizzazzjonijiet internazzjonali:
Istituzzjonijiet u korpi tal-UE:
- Kunsill: Paġna dwar il-pandemija tal-coronavirus COVID-19
- Kummissjoni Ewropea: Rispons għall-Coronavirus
- Parlament Ewropew: Ir-Rispons tal-UE għall-Coronavirus
- SEAE: l-aħħar aġġornamenti
- Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard
- Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
Il-Kunsill joffri abbonament għall-aħħar informazzjoni dwar it-tifqigħa tal-COVID-19. Il-Librerija tal-Kunsill tipprovdi aċċess għal sorsi affidabbli li jistgħu jinstabu fil-katalogu Eureka.
Riżorsi nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-COVID-19
Għall-aħħar informazzjoni u gwida dwar il-pandemija tal-COVID-19, il-lista tas-siti web uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-aġenziji tas-saħħa pubblika fl-Ewropa tista' tinstab fis-sit web taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.
Il-COVID-19 u ċ-ċiberkriminalità
Il-kriminali jużaw il-pandemija biex iwettqu diversi inganni u attakki. Huma jisfruttaw id-domanda għall-informazzjoni u għall-provvisti u jkollhom fil-mira l-vulnerabbiltajiet fl-infrastruttura diġitali.
L-attivitajiet kriminali jinkludu:
- attakki ċibernetiċi kontra organizzazzjonijiet u individwi, inkluż kampanji ta' phishing li jxerrdu malware permezz ta' links u annessi malizzjużi
- skemi ta' frodi bit-telefon, skemi qarrieqa ta' forniment u taparsi dekontaminazzjoni
- il-bejgħ ta' prodotti għall-kura tas-saħħa u sanitarji foloz, kif ukoll tqassim ta' apparat falz tat-testijiet għall-corona fid-dar
- żjarat id-dar minn frodaturi li jagħmlu tabirruħhom li huma uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jew tal-kura tas-saħħa u joffru testijiet għall-COVID-19 sabiex jidħlu fid-djar u jisirqu oġġetti ta' valur
- żieda fil-faċilitazzjoni ta' migrazzjoni illegali u attivitajiet ta' sfruttament sesswali, inkluż tat-tfal
Il-Europol, l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-UE, tiġbor informazzjoni mill-istati membri tal-UE u tippubblika rapporti regolari dwar kif il-kriminali qed jadattaw ir-reati tagħhom biex jisfruttaw il-pandemija tal-coronavirus.