"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet ewlenin meħuda fil-livell tal-UE biex jiġi kkoordinat ir-rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19, jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija u jiġi appoġġat l-irkupru tal-pajjiżi tal-UE.
Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat lill-pajjiżi kollha tal-UE. Sa mit-tifqigħa tal-COVID-19, l-UE bdiet taħdem flimkien mal-istati membri tagħha biex tipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE, issaħħaħ is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa u tillimita t-tixrid tal-virus.
Fl-istess ħin, l-UE qed tikkoordina r-rispons sabiex jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tal-COVID-19 u jiġi appoġġat l-irkupru tal-pajjiżi tal-UE.
Ir-rispons ta' emerġenza tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19
F'Marzu 2020 il-mexxejja tal-UE qablu dwar erba' prioritajiet biex jiggwidaw ir-rispons ta' emerġenza tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19:
il-limitazzjoni tal-imxija tal-virus
l-iżgurar tal-provvista ta' tagħmir mediku
il-promozzjoni tar-riċerka għat-trattamenti u t-tilqim
l-appoġġ għall-impjiegi, in-negozji u l-ekonomija
Fl-eqqel tal-kriżi tal-COVID-19, il-mexxejja tal-UE ltaqgħu regolarment permezz ta' vidjokonferenza biex jiddiskutu u jivvalutaw is-sitwazzjoni u jikkoordinaw l-azzjoni. Anke wara l-emerġenza, il-Kunsill Ewropew reġa' lura regolarment għas-suġġett tal-COVID-19.
Waqt li qed jaħdmu fuq l-irkupru futur, il-mexxejja tal-UE qablu li jkomplu l-isforz ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE fuq aspetti differenti:
l-iżvilupp, il-manifattura u l-użu tat-tilqim kontra l-COVID-19
l-istrateġiji tal-ittestjar u r-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet
ir-rintraċċar tal-kuntatti transkonfinali
ir-regolamenti tal-kwarantina
ċertifikati tat-tilqim diġitali interoperabbli
Vaċċini sikuri u effettivi kontra l-COVID-19
L-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' vaċċini sikuri u effettivi kontra l-COVID-19 jirrappreżentaw soluzzjoni dejjiema u element fundamentali tar-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19.
Sa mill-bidu tal-pandemija, l-UE kienet qed tidderieġi mill-ġdid il-finanzjament tar-riċerka lejn l-aktar possibbiltajiet promettenti tal-vaċċini u tikkoordina sforz konġunt biex tiżgura l-produzzjoni u t-twassil ta' kwantità suffiċjenti ta' vaċċini lill-pajjiżi tal-UE.
Il-kampanji ta' tilqim kontra l-COVID-19 bdew fis-27 ta' Diċembru 2020 madwar l-Unjoni. Sa Ġunju 2022, 18-il xahar wara, disgħa minn kull għaxar adulti fil-popolazzjoni tal-UE (86%) huma kompletament imlaqqma kontra l-COVID-19.
Stronger together: the incredible journey of COVID-19 vaccines (Aktar b'saħħitna flimkien: il-vjaġġ inkredibbli tal-vaċċini kontra l-COVID-19)
Il-ħeffa li biha l-ħafna trufijiet tal-kobba ngħaqdu flimkien biex jipproteġu lin-nies mill-coronavirus hija eżempju ta' innovazzjoni u inġenwità xjentifiċi appoġġati minn kooperazzjoni kontinwa, deċiżjonijiet politiċi f'waqthom u sforzi mediċi u loġistiċi enormi.
Kif kien possibbli dan? X'inhuma l-isfidi li għad fadal biex tingħeleb il-pandemija? Segwi l-vjaġġ tal-vaċċini kontra l-COVID-19 mill-invenzjoni tagħhom f'laboratorju sal-amministrazzjoni tagħhom lil persuni madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.
Il-pajjiżi tal-UE kienu qed jikkoordinaw fil-Kunsill il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-19.
Biex jagħmlu dan, huma jadottaw rakkomandazzjonijiet komuni dwar miżuri tal-ivvjaġġar li jiġu aġġornati u aġġustati regolarment skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali. L-aħħar rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-miżuri tal-ivvjaġġar ġew adottati fit-13 ta' Diċembru 2022.
Skont ir-rakkomandazzjonijiet il-ġodda l-istati membri m'għandhom jimponu ebda restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar għal raġunijiet ta' saħħa pubblika. Madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu xi salvagwardji biex ikopru sitwazzjoni epidemjoloġika li tkun qed teħżien jew il-feġġ ta' varjant ta' tħassib ġdid.
L-UE qablet li toħroġ ċertifikat COVID diġitali tal-UE komuni biex jiffaċilita l-moviment sikur u liberu matul il-pandemija tal-COVID-19 billi jagħti prova li persuna:
hija mlaqqma kontra l-COVID-19
irċeviet riżultat negattiv tat-test
jew inkella fieqet mill-COVID-19
Ir-regolament tal-UE li jistabbilixxi ċ-ċertifikat COVID diġitali tal-UE kien validu mill-1 ta' Lulju 2021 sat-30 ta' Ġunju 2023.
Minn Ġunju 2023, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) adottat is-sistema tal-UE ta' ċertifikazzjoni diġitali tal-COVID-19 biex tistabbilixxi sistema globali li tgħin tipproteġi liċ-ċittadini madwar id-dinja minn theddid għas-saħħa attwali u futur, inkluż pandemiji.
Biex jiġu appoġġati ċ-ċittadini, in-negozji u l-pajjiżi tal-UE fl-irkupru mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, il-mexxejja tal-UE qablu li jaħdmu fuq pjan ta' rkupru għall-Ewropa. Fit-23 ta' April 2020, huma ntrabtu li jistabbilixxu fond għall-irkupru tal-UE li jkollu l-għan li jtaffi l-effetti tal-kriżi.
Fil-21 ta' Lulju 2020, il-mexxejja tal-UE qablu dwar baġit globali ta' €1 824 biljun għall-2021-2027. Permezz tal-ikkombinar tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u ta' sforz ta' rkupru straordinarju ta' €750 biljun (€800 biljun fi prezzijiet attwali), Next Generation EU (NGEU), il-pakkett jgħin lill-UE tibni mill-ġdid wara l-pandemija tal-COVID-19, u jappoġġa l-investiment fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Dawn l-elementi huma b'żieda mat-tliet xbieki ta' sikurezza ta' €540 biljun li diġà ġew implimentati mill-UE biex jiġu appoġġati l-ħaddiema, in-negozji u l-pajjiżi.
Baġit għall-2021-2027 u pjan ta' rkupru tal-UE (Infografika)
5 modi kif l-UE u l-istati membri jaħdmu flimkien kontra l-COVID-19
Hemm ħafna xi ngħidu dwar kif l-UE u l-istati membri tagħha ħadmu flimkien bħala tim biex jgħinu lin-nies jaffaċċaw il-pandemija tal-COVID-19. Mill-kisba ta' tilqim sikur u effettiv, sat-twassil ta' tagħmir mediku fejn ikun l-aktar meħtieġ, sat-teħid ta' pazjenti minn pajjiżi oħra; mill-protezzjoni tal-impjiegi u tal-ħaddiema sal-għajnuna lill-pajjiżi sħab madwar id-dinja, il-pajjiżi tal-UE stinkaw tabilħaqq biex jappoġġaw lil xulxin.
Il-pandemija tal-COVID-19 hija sfida dinjija u teħtieġ rispons dinji. Filwaqt li aġixxew flimkien, iggwidati mill-prinċipji tas-solidarjetà u l-multilateraliżmu, il-pajjiżi tal-UE pprovdew appoġġ lis-sħab madwar id-dinja u żguraw finanzjament sinifikanti biex jilqgħu għall-konsegwenzi ta' tfixkil tal-pandemija fuq skala globali.
Tim Ewropa huwa wieħed mid-donaturi ewlenin tal-COVAX, il-kollaborazzjoni globali biex jitħaffu l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-aċċess ekwu għat-testijiet, it-trattamenti u l-vaċċini tal-COVID-19.
F'Mejju 2021, l-istati membri tal-UE ntrabtu li jagħtu dożi ta' vaċċini kontra l-COVID-19 lis-sħab madwar id-dinja. Barra minn hekk, l-UE u l-istati membri tagħha qed jassistu lis-sħab b'donazzjonijiet u esportazzjonijiet ta' vaċċini, kif ukoll appoġġ finanzjarju u umanitarju għall-pajjiżi fil-bżonn.
Huwa biss spirtu komuni ta' solidarjetà u responsabbiltà dinjija li jista' jegħleb il-kriżi tal-COVID-19.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
COVID-19: il-kontribuzzjoni tal-UE għas-solidarjetà globali dwar il-vaċċini (Infografika)
Fit-30 ta' Marzu 2021, grupp ta' mexxejja dinjija ngħaqdu mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-appell għal trattat internazzjonali biex jitjieb l-istat ta' tħejjija u r-rispons għall-pandemija wara l-COVID-19, għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri.
F'sessjoni speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, il-194 membru tad-WHO li fl-1 ta' Diċembru 2021 adottaw id-deċiżjoni sabiex jingħata bidu għall-proċess biex jiġi abbozzat u nnegozjat ftehim internazzjonali ġdid dwar il-pandemiji.
Matul din il-kriżi, il-pajjiżi tal-UE qed iżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw lil xulxin, u b'hekk jgħinu lil dawk li l-aktar huma fil-bżonn u jaqsmu r-riżorsi biex jiġġieldu l-imxija tal-virus. Din hija s-solidarjetà Ewropea fl-aqwa tagħha.
L-UE kienet qed tgħin ukoll liċ-ċittadini tal-UE maqbudin f'pajjiżi terzi matul l-ewwel mewġa tal-pandemija. Fl-ewwel xhur tal-pandemija, id-delegazzjonijiet tal-UE ħadmu mal-ambaxxati tal-istati membri biex jikkoordinaw ir-ripatrijazzjoni ta' aktar minn 650 000 ċittadin tal-UE, biex jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' aktar minn 400 titjira ta' ripatrijazzjoni organizzati mill-istati membri.
Ir-rispons ta' emerġenza tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 (Infografika)
Ir-rwol tal-Kunsill: koordinazzjoni tal-kriżijiet
Fit-28 ta' Jannar 2020, il-presidenza Kroata ddeċidiet li tattiva l-mekkaniżmu integrat tal-UE għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR) fil-modalità ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni biex twieġeb għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-IPCR huwa l-qafas tal-UE għall-koordinazzjoni ta' kriżijiet transettorjali fl-ogħla livell politiku.
Il-modalità ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni tfisser li l-istati membri għandhom aċċess għal:
rapporti regolari ta' għarfien u analiżi tas-sitwazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
paġna ddedikata fuq pjattaforma sigura tal-internet għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni
Minħabba s-sitwazzjoni dejjem tinbidel u s-setturi differenti milquta (tas-saħħa, konsolari, tal-protezzjoni ċivili, tal-ekonomija) mill-pandemija tal-COVID-19, fit-2 ta' Marzu 2020 il-presidenza għolliet il-livell ta' attivazzjoni tal-mekkaniżmu tal-IPCR għal modalità sħiħa. Il-modalità ta' attivazzjoni sħiħa tippermetti li jiġu organizzati roundtables ta' kriżi bil-parteċipazzjoni ta':
l-istati membri milquta
il-Kummissjoni Ewropea
is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
l-uffiċċju tal-President tal-Kunsill Ewropew
aġenziji u esperti rilevanti tal-UE
Matul l-ewwel tifqigħa, il-presidenza Kroata ddeċidiet li torganizza roundtables regolarment biex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni u l-koordinazzjoni ta' rispons għall-kriżijiet għall-pandemija tal-COVID-19. Ir-roundtables baqgħu jsiru b'mod regolari mill-presidenzi li segwew.
Fit-2 ta' Mejju 2023, il-presidenza Żvediża ddeċidiet li tiddiżattiva l-modalità sħiħa tal-arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR) għall-COVID-19. L-IPCR għall-COVID-19 qed jinżamm fil-modalità ta' monitoraġġ u l-kwistjonijiet relatati mal-COVID-19 ikomplu jiġu ttrattati fil-kumitat tal-UE għas-sigurtà tas-saħħa u fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar is-Saħħa Pubblika.
Kif jaħdem il-mekkaniżmu ta' rispons għal kriżijiet, IPCR (Infografika)
Informazzjoni ġenerali
Il-COVID-19 hija marda kkawżata minn tip ġdid ta' coronavirus (SARS-CoV-2). Ġiet identifikat għall-ewwel darba f'Diċembru 2019 fiċ-Ċina.
F'Diċembru 2019, kien hemm tifqigħa tal-COVID-19 fil-muniċipalità Ċiniża ta' Wuhan, li malajr imxiet lejn reġjuni oħra fiċ-Ċina u xterdet mad-dinja. Minn Jannar 2020, bdew jidhru każijiet iżolati f'xi stati membri tal-UE.
Fl-aħħar ta' Frar 2020, l-Italja rrappurtat żieda sinifikanti ta' każijiet ta' COVID-19 ikkonċentrati fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiż. Il-biċċa l-kbira tal-istati membri l-oħra tal-UE bdew jirrappurtaw każijiet ta' nies infettati.
Sa Marzu 2020, l-istati membri kollha tal-UE kienu rrappurtaw każijiet ta' COVID-19. Minn dak iż-żmien l-għadd ta' każijiet kompla jiżdied.
Il-Kunsill, flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, qed isegwi s-sitwazzjoni mill-qrib u jieħu azzjoni. Din tinkludi l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u l-koordinazzjoni li għaddejja mal-istati membri biex tinqasam l-informazzjoni, jitqiesu l-ħtiġijiet u jiġi żgurat rispons koerenti fl-UE kollha.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tikkoordina r-rispons madwar id-dinja. Fil-11 ta' Marzu 2020, id-WHO ddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija globali. L-UE qed tikkontribwixxi direttament għar-rispons globali tad-WHO.
Sa Mejju 2023, il-pandemija, skont id-WHO, kienet ikkawżat kważi seba' miljun mewta (6 921 614). Fil-5 ta' Mejju 2023, id-WHO ddikjarat it-tmiem tal-COVID-19 bħala emerġenza tas-saħħa pubblika.
Għal aktar aġġornamenti dwar il-laqgħat tal-Kunsill relatati mal-COVID-19, l-istqarrijiet għall-istampa, l-infografika u l-pubblikazzjonijiet ara hawnhekk: