Iżlanda
L-Iżlanda applikat għal sħubija fl-UE f'Lulju 2009. In-negozjati tal-adeżjoni bejn l-UE u l-Iżlanda bdew f'Lulju 2010. Fuq talba tal-Iżlanda, in-negozjati tal-adeżjoni ġew sospiżi f'Diċembru 2013. F'Marzu 2015, l-Iżlanda talbet li ma titqiesx bħala pajjiż kandidat għall-UE, u l-Kunsill ħa nota ta' dan.
Applikazzjoni għas-sħubija fl-UE
L-applikazzjoni tal-Iżlanda għas-sħubija fl-UE ġiet ippreżentata fis-17 ta' Lulju 2009.
Fil-laqgħa tiegħu tas-27 ta' Lulju 2009, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Iżlanda. Fl-24 ta' Frar 2010 il-Kummissjoni tat opinjoni pożittiva u rrakkomandat il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni.
Negozjati tal-adeżjoni
Bidu ta' negozjati
F'laqgħa fis-17 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew innota li l-Iżlanda kienet tissodisfa l-kriterji ta' Copenhagen u ddeċieda li għandhom jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni. Fis-26 ta' Lulju 2010, il-Kunsill qabel dwar qafas għan-negozjati mal-Iżlanda, biex b'hekk bdew uffiċjalment in-negozjati tal-adeżjoni.
Status tan-negozjati
Fis-17 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill innota l-istadju avvanzat milħuq fin-negozjati tal-adeżjoni mal-Iżlanda u ħa nota tad-deċiżjoni tal-Gvern Iżlandiż li jissospendi n-negozjati tal-adeżjoni. Il-Kunsill issottolinja l-fehma tiegħu li l-adeżjoni tal-Iżlanda tkun kwistjoni ta' benefiċċju reċiproku. Il-Kunsill indika wkoll li l-UE kienet lesta li tkompli l-proċess tan-negozjati, jekk l-Iżlanda tiddeċiedi li tissokta bihom.
Fit-12 ta' Marzu 2015, f'ittra lill-presidenza tal-Kunsill, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iżlanda kkonferma li l-gvern tal-Iżlanda ma kellu ebda intenzjoni li jerġa' jibda t-taħditiet dwar l-adeżjoni u sostna li l-Iżlanda m'għandhiex titqies bħala pajjiż kandidat għal sħubija mal-UE. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tenna l-importanza tat-tkomplija ta' relazzjonijiet u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Iżlanda bbażati, b'mod partikolari, fuq il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-presidenza tal-Kunsill ħadet nota tal-ittra.
Wara l-elezzjonijiet ġenerali fl-Iżlanda fil-25 ta' Settembru 2021, il-gvern ta' koalizzjoni tal-Iżlanda stipula programm politiku li tenna l-pożizzjoni tiegħu li l-Iżlanda ma kinitx qed tfittex sħubija mal-UE u li ser tiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-ftehim taż-ŻEE b'mod li jiżgura l-interess u s-sovranità tal-Iżlanda.
Laqgħat tal-konferenza dwar l-adeżjoni
Ladarba jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni, in-negozjati jsiru f’konferenza intergovernattiva (imsejħa wkoll "konferenza dwar l-adeżjoni") bejn il-ministri u l-ambaxxaturi tal-istati membri tal-UE u l-pajjiż kandidat. In-negozjati jeżaminaw 35 qasam ta' politika differenti (imsejħa kapitoli). Dawn il-laqgħat jistgħu jsiru jew fil-livell ministerjali jew fil-livell tad-deputati.
Mill-35 kapitolu tan-negozjati, inbdew in-negozjati fuq 27 kapitolu, li minnhom ingħalqu b'mod proviżorju 11-il kapitolu.
Qabel ma ġew sospiżi n-negozjati tal-adeżjoni, l-UE u l-Iżlanda kellhom laqgħat tal-konferenza dwar l-adeżjoni bejn Lulju 2010 u Diċembru 2012. L-aħħar konferenza dwar l-adeżjoni saret fit-18 ta' Diċembru 2012 fil-livell ministerjali.
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin: