Skip to content

Kronoloġija - Spazju, sigurtà u difiża

L-UE għamlet progress sinifikanti f'dawn l-aħħar snin fl-iżgurar tal-użu sikur tal-ispazju.

  • 2023

    8 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal approċċ komprensiv għall-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju li:

    • saħqu fuq l-urġenza li jiġi żviluppat approċċ tal-UE għall-immaniġġjar tat-traffiku spazjali
    • jenfasizzaw ukoll l-importanza li jitqiesu l-ħtiġijiet kemm ċivili kif ukoll militari tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju
    • issottolinjaw ir-rwol tas-sistema ta' sorveljanza u insegwiment fl-ispazju tal-UE
  • 2023

    14 ta' Novembru

    Il-Kunsill japprova konklużjonijiet dwar l-ewwel Strateġija Spazjali tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża

    Il-Kunsill fakkar fl-impenn li ilu stabbilit tal-UE għad-dritt internazzjonali u għall-valuri u l-prinċipji gwida żviluppati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, u afferma mill-ġdid ir-rieda tal-istati membri tal-UE li jkomplu jaħdmu biex jistabbilixxu normi, regoli u prinċipji ta' mġiba responsabbli fil-firxa sħiħa ta' attivitajiet spazjali.

  • 2023

    23 ta' Mejju

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar użu ġust u sostenibbli tal-ispazju jsaħħu l-ispinta għal approċċ Ewropew għall-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar "Użu ġust u sostenibbli tal-ispazju" fi żmien meta l-orbiti qed ikunu dejjem aktar konġestjonati b'oġġetti spazjali.

    Il-konklużjonijiet:

    • jappellaw għal miżuri ta' mitigazzjoni għall-monitoraġġ u l-immaniġġjar tar-residwi spazjali eżistenti
    • jipproponu li jissaħħu l-kapaċitajiet, pereżempju, permezz tal-kontribut tas-servizz għas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju tal-Unjoni Ewropea, f'kollaborazzjoni mal-aġenzija tal-UE għall-programm spazjali, biex nimxu lejn approċċ tal-UE għall-immaniġġjar tat-traffiku spazjali
    • jirrikonoxxu li l-ispazju huwa ġid komuni dinji u għandu jibqa' ħieles għall-esplorazzjoni u l-użu mill-istati kollha
  • 2022

    10 ta' Ġunju

    Il-ministri tal-UE jadottaw konklużjonijiet li jenfasizzaw il-ħtieġa għal sorveljanza fl-ispazju avvanzata u koordinazzjoni leġiżlattiva

    Il-ministri adottaw konklużjonijiet dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju (STM), li jissottolinjaw l-importanza tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE ta' sorveljanza u insegwiment fl-ispazju u tal-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istandardizzazzjoni. Dan ser jamplifika l-vuċi tal-UE fix-xena internazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju.

    L-approċċ tal-UE għall-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju ser inaqqas ir-riskju ta' kolliżjonijiet u jiżgura li l-użu tal-ispazju jibqa' sikur u sostenibbli.

    Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar Copernicus sal-2035, biex jgħin fit-tħejjija tal-futur tal-programm spazjali Copernicus. Dawn jippreżentaw viżjoni għall-2035 u gwida politika għall-programm Copernicus madwar tliet pilastri ewlenin: il-Patt Ekoloġiku, it-tranżizzjoni diġitali, u s-sigurtà, it-tlieta li huma għas-servizz ta' Ewropa aktar reżiljenti.

  • 2022

    21 ta' Marzu

    Il-Kunsill jadotta l-Boxxla Strateġika

    Il-Kunsill approva formalment il-Boxxla Strateġika. Il-Boxxla tagħti lill-Unjoni Ewropea pjan ta' azzjoni ambizzjuż għat-tisħiħ tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE sal-2030.

    L-objettiv tal-Boxxla Strateġika huwa li l-UE tipprovdi s-sigurtà b'aktar saħħa u b'kapaċità akbar. Jeħtieġ li l-UE tkun tista' tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

    Dan huwa aktar u aktar importanti fi żmien meta l-gwerra rritornat lejn l-Ewropa, wara l-aggressjoni Russa mhux ġustifikata u mhux provokata kontra l-Ukrajna, kif ukoll minħabba bidliet ġeopolitiċi kbar. Din il-Boxxla Strateġika ser issaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE u l-kapaċità tagħha li taħdem mas-sħab biex tissalvagwardja l-valuri u l-interessi tagħha.

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2025