Skip to content

L-ispazju, is-sigurtà u d-difiża

L-UE tirrikonoxxi n-natura strateġika tal-ispazju u li l-ispazju huwa kruċjali għal-libertà ta' azzjoni u t-teħid awtonomu ta' deċiżjonijiet tal-UE fis-sigurtà u d-difiża.

It-theddid spazjali li qed tiffaċċa l-UE

Operazzjonijiet militari nazzjonali u multinazzjonali huma inkonċepibbli mingħajr l-użu ta' sistemi bbażati fl-ispazju. Dawn l-assi u l-applikazzjonijiet huma kruċjali għan-navigazzjoni u l-pożizzjonament, il-komunikazzjoni, il-meteoroloġija, is-servizzi ġeospazjali u ta' immaġni, il-mekkaniżmi ta' twissija bikrija u l-interċettazzjoni tal-missili ballistiċi.

L-ispazju huwa faċilitatur strateġiku għall-ħajja moderna, l-ekonomija u s-sigurtà, li jirfed aktar minn €1.5 triljun tal-PDG tal-UE, iżda l-UE qed tiffaċċa theddid dejjem akbar f'ambjent dejjem aktar ikkontestat.

30 satellita tal-UE li jipprovdu servizzi essenzjali, inkluż għan-navigazzjoni (Galileo) u l-osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus), qegħdin f'riskju sinifikanti.

Fl-2022 biss, kien hemm aktar minn 150 inċident irrappurtat ta' interferenza satellitari madwar id-dinja, li varjaw minn disturbazzjoni ta' sinjali għal tentattivi ta' hacking.

L-istrateġija spazjali tal-UE għas-sigurtà u d-difiża hija riżultat ewlieni tal-Boxxla Strateġika, pjan ta' azzjoni biex tissaħħaħ il-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE sal-2030.

Il-pilastri ewlenin tal-istrateġija huma:

  • iż-żieda tal-fehim tagħna tat-theddid spazjali
  • it-tisħiħ tar-reżiljenza u l-protezzjoni tas-sistemi u s-servizzi spazjali fl-UE
  • ir-rispons għat-theddid spazjali
  • it-tisħiħ tal-użu tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża
  • is-sħubija għal imġiba responsabbli fl-ispazju ekstratmosferiku

Tipi ta' theddid

Il-qasam tal-ispazju jinkludi l-elementi kollha essenzjali għat-tħaddim tas-sistemi spazjali u t-twassil ta' servizzi bbażati fl-ispazju. Dawn l-elementi jinkludu l-ambjent spazjali fiżiku, l-orbiti, l-inġenji spazjali, l-infrastruttura tal-art u tal-illanċjar, il-konnessjonijiet tar-radju, it-terminals tal-utenti, is-sistemi ċibernetiċi assoċjati u s-settur spazjali industrijali.

L-ispazju qed isir dejjem aktar konġestjonat u kkontestat, u dan joħloq riskji dejjem akbar għas-sigurtà globali. Azzjonijiet ostili reċenti, bħal testijiet distruttivi ta' missili antisatellitari u attakki ċibernetiċi fuq l-infrastruttura spazjali, jenfasizzaw il-vulnerabbiltajiet tas-sistemi kritiċi li jappoġġaw l-industriji u s-servizzi Ewropej.

Dawn l-inċidenti, inkluż it-test tal-missili tal-2021 u l-attakk ċibernetiku tal-2022 fuq Viasat mir-Russja, juru l-interkonnettività tas-sigurtà spazjali, it-theddid ċibernetiku u t-tensjonijiet ġeopolitiċi. Il-protezzjoni tal-infrastruttura spazjali hija vitali biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-istabbiltà ekonomika tal-UE, u r-reżiljenza ta' servizzi essenzjali li jirfdu l-istituzzjonijiet demokratiċi u s-sigurtà internazzjonali.

Ir-rispons tal-UE għat-theddid li jaffettwa s-sistemi u s-servizzi taħt il-programm spazjali tal-UE u li jista' jaffettwa s-sigurtà tal-UE jitwettaq fl-arkitettura tar-rispons għat-theddid spazjali.

Spazju reżiljenti, Ewropa sigura

Hekk kif ir-riskji fil-qasam tal-ispazju jikbru, l-UE tagħti prijorità lil governanzarobusta u miżuri protettivi biex tissalvagwardja l-kapaċitajiet spazjali tagħha.

L-enfasi hija fuq it-tnaqqis tad-dipendenzi teknoloġiċi, il-progress fir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista biex jiġu appoġġati s-sigurtà u l-kompetittività spazjali tal-UE, u ż-żamma ta' sħubijiet ma' alleati tal-istess fehma.

Tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi

Biex tiżgura l-awtonomija tagħha fl-ispazju, l-UE qed tinvesti fil-bażi industrijali tagħha:

  • finanzjament allinjat: il-programm spazjali tal-UE ta' EUR 13-il biljun juża sinerġiji ma' inizjattivi ffukati fuq id-difiża bħall-Fond Ewropew għad-Difiża, kif ukoll ma' Orizzont Ewropa, biex jiżgura riċerka u żvilupp bla xkiel
  • sovranità teknoloġika: qed jittieħdu miżuri biex titnaqqas id-dipendenza fuq fornituri mhux tal-UE, filwaqt li jiġu żgurati komponenti u materjali kritiċi għas-sistemi spazjali

Standardizzazzjoni tas-sistemi spazjali u governanza

Biex issaħħaħ ir-reżiljenza u l-kollaborazzjoni fost l-istati membri, l-UE qed taħdem fuq:

  • att unifikat dwar l-ispazju: qafas legali propost biex jiġu standardizzati miżuri ta' sikurezza, sigurtà u sostenibbiltà għall-operazzjonijiet spazjali madwar l-UE
  • kollaborazzjoni pubblika-privata: permezz ta' inizjattivi bħaċ-Ċentru tal-Kondiviżjoni u tal-Analiżi tal-Informazzjoni, l-UE qed trawwem sħubijiet biex issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi spazjali u tikkondividi l-aħjar prattiki
  • investimenti innovattivi: qed isiru investimenti mmirati f'teknoloġiji mill-aktar avvanzati biex jissaħħaħ l-aċċess awtonomu tal-Ewropa għall-ispazju

L-ispazju għas-sigurtà u d-difiża

L-ispazju huwa qasam operazzjonali ewlieni flimkien mal-operazzjonijiet tal-art, tal-baħar, tal-ajru u dak ċibernetiku, u faċilitatur strateġiku għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari, inkluż dawk imwettqa fil-qafas tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE.

Bl-iżvilupp ta' servizzi spazjali għall-użu governattiv mill-istati membri tal-UE, l-UE ssaħħaħ il-libertà ta' azzjoni tagħha u t-teħid ta' deċiżjonijiet awtonomu fis-sigurtà u d-difiża, filwaqt li żżomm in-natura ċivili tal-programmi ewlenin bħal Copernicus u Galileo. Il-prijoritajiet ewlenin jinkludu wkoll it-tisħiħ taċ-Ċentru Satellitari tal-UE biex tingħata spinta lill-kapaċità ta' intelligence ġeospazjali tal-UE, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' għarfien tad-dominju spazjali tal-istati membri.

Trawwim ta' sħubijiet globali

L-UE timpenja ruħha b'mod attiv mas-sħab internazzjonali biex tippromwovi mġiba responsabbli u ssaħħaħ is-sigurtà fl-ispazju.

Fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, l-UE taħdem biex tibni fehim kondiviż tal-isfidi tas-sigurtà spazjali u trawwem ftehimiet dinjija dwar attivitajiet spazjali sikuri u sostenibbli, filwaqt li tappoġġa l-ambizzjonijiet internazzjonali għall-prevenzjoni ta' tellieqa tal-armi fl-ispazju ekstratmosferiku permezz ta' miżuri ta' trasparenza u miżuri li jsaħħu l-fiduċja.

L-UE taħdem mill-qrib mal-Istati Uniti bħala sieħeb strateġiku ewlieni, filwaqt li tapprofondixxi l-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża spazjali biex tindirizza l-isfidi reċiproċi u tiżgura benefiċċji kondiviżi.

L-UE żżomm ukoll djalogi dwar is-sigurtà spazjali ma' pajjiżi mhux tal-UE, bl-għan li ttejjeb it-trasparenza, issaħħaħ il-fiduċja u taqsam l-aħjar prattiki għal operazzjonijiet spazjali reżiljenti u responsabbli.

L-UE qed issaħħaħ ir-rabtiet tagħha man-NATO, u qed torganizza skambji regolari biex tkompli ssaħħaħ, tapprofondixxi u tespandi l-kooperazzjoni dwar l-ispazju.

Dawn is-sħubijiet huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-ispazju jibqa' riżorsa sigura u sostenibbli għal kulħadd.

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2025