Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 26 ta' Mejju 2015 22:00

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sessi fl-Iżvilupp

  1. L-2015 hija sena kruċjali għall-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet fil-kuntest globali, b'negozjati intergovernattivi dwar l-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015. F'dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni u r-realizzazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet, b'mod partikolari fid-dawl tal-15-il anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u l-20 anniversarju mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing. Il-Kunsill jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, il-Programm ta' Azzjoni tal-Kajr, u l-eżiti tal-konferenzi għar-reviżjoni tagħhom, u l-osservanza tal-obbligi skont il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa. Barra minn hekk, huwa jilqa' d-Dikjarazzjoni Politika adottata fid-59 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, u t-talbiet sabiex in-nisa u l-bniet jiksbu b'mod sħiħ u ugwali d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet matul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom.

  2. L-Avveniment ta' Livell Għoli dwar 'It-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa u l-Iżvilupp Sostenibbli', li l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laqgħet f'Riga fit-2 ta' Marzu 2015 fil-kuntest tas-Sena Ewropea għall-Iżvilupp, ta opportunità għat-tiġdid tal-impetu politiku u l-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn qawwi tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġustizzja soċjali, in-nondiskriminazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem.

  3. L-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu impenjati għall-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem kollha għal kulħadd. Il-Kunsill jilqa' r-rwol ewlieni li l-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin iwettqu permezz tal-appoġġ tagħhom għall-inizjattivi internazzjonali ta' promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, u jappella biex jibqa' jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-korpi tan-NU, b'mod partikolari UN Women, kif ukoll ma' fora u atturi internazzjonali rilevanti oħra. L-organizzazzjonijiet tan-nisa huma sħab kruċjali tal-UE f'dak li jirrigwarda r-realizzazzjoni sħiħa tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet.

 

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024