- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 29 ta' Ġunju 2015 16:00
Il-proċedura għal talbiet żgħar: il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar regoli ġodda
Fid-29 ta’ Ġunju, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) approva, f’isem il-Kunsill, kompromess milħuq mal-Parlament Ewropew dwar regolament li jemenda r-regolament dwar talbiet żgħar Ewropej u r-regolament dwar l-ordni ta’ ħlas Ewropea.
L-objettiv tar-regolament emendatorju huwa li jżid l-effiċjenza tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, b’mod partikolari billi jirrifletti l-progress teknoloġiku li sar fis-sistemi ġudizzjarji fl-istati membri, u biex il-proċedura ssir aċċessibbli f’għadd akbar ta’ każijiet, b’mod partikolari għan-negozji.
Elementi ewlenin
- iż-żieda fil-limitu massimu għal talba żgħira minn EUR 2.000 għal EUR 5.000. Il-possibbiltà li l-limitu massimu jiżdied aktar ser tiġi eżaminata wara l-ewwel ħames snin ta’ applikazzjoni tar-regoli l-ġodda;
- l-obbligu tal-istati membri li jiżguraw li t-tariffi tal-qorti mitluba għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ma jkunux sproporzjonati u mhux ogħla mit-tariffi tal-qorti għal proċeduri nazzjonali simplifikati tal-qorti, kif ukoll l-obbligu li joffru mezzi ta’ ħlas mill-bogħod għall-ħlas tat-tariffi tal-qorti;
- żieda fl-użu ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod għal seduti orali u t-teħid ta’ evidenza f, u l-istabbiliment ta’ qafas ġenerali li jippermetti l-użu ta’ servizz elettroniku ta’ dokumenti;
- li titnaqqas kemm jista' jkun il-ħtieġa tat-traduzzjoni (u l-ispejjeż relatati) fir-rigward taċ-ċertifikat meħtieġ għall-infurzar ta' sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar;
- il-ħolqien ta' "pont" bejn il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u l-Proċedura tal-Ordni ta' Ħlas Ewropea billi r-rikorrent ikun jista' juża l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar meta tkun saret dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni kontra ordni ta' ħlas Ewropea.
Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar hija strument importanti għaċ-ċittadini u n-negozji li ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja billi tissimplifika l-litigazzjoni transkonfinali dwar talbiet żgħar fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u tnaqqas l-ispejjeż. Din ġiet stabbilita mir-regolament 861/2007 u ilha tapplika sa mill-1 ta’ Jannar 2009.
Is-sentenzi mogħtija skont din il-proċedura huma rikonoxxuti u eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. Il-proċedura hija fakultattiva, offruta bħala alternattiva għall-possibbiltajiet li jeżistu skont il-liġijiet nazzjonali tal-istati membri.
Il-passi li jmiss
Il-qbil intlaħaq waqt laqgħa ta’ trilogu fi Brussell fit-23 ta' Ġunju 2015. Issa li l-qbil ġie kkonfermat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, f’isem il-Kunsill, ir-regolament ser jitressaq, wara reviżjoni mill-ġuristi-lingwisti, quddiem il-Parlament Ewropew għal vot fl-ewwel qari, u quddiem il-Kunsill għal adozzjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024