- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 30 ta' Ġunju 2015 08:50
CEPOL: il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar regoli aġġornati
Fid-29 ta' Ġunju, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) approva, f'isem il-Kunsill, kompromess milħuq mal-Parlament Ewropew dwar regolament li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), li ser iħassar u jissostitwixxi d-deċiżjoni attwali tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija.
L-għan tar-regolament il-ġdid huwa li tiġi aġġornata l-bażi legali tas-CEPOL sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-UE permezz tal-implimentazzjoni ta' approċċ ġdid ta' taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-UE.
Skont ir-regoli l-ġodda, is-CEPOL ser ikun jista' jgħammar lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi ta' kull grad bl-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għall-prevenzjoni tal-kriminalità transkonfinali u l-ġlieda effettiva kontriha permezz ta' kooperazzjoni effiċjenti mal-kollegi tagħhom fl-istati membri l-oħra, l-aġenziji tal-UE, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Barra minn hekk, il-mandat tal-aġenzija ser jiġi estiż ukoll u l-governanza mtejba.
Sfond
Il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) huwa Aġenzija tal-Unjoni Ewropea, stabbilita fl-2005 mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI.
L-objettivi tas-CEPOL huma li jżid l-għarfien tas-sistemi u l-istrutturi nazzjonali tal-pulizija tal-istati membri l-oħra u tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn il-pulizija fl-Unjoni Ewropea, li jtejjeb l-għarfien tal-istrumenti internazzjonali u tal-Unjoni u li jipprovdi taħriġ xieraq fir-rigward tar-rispett għas-salvagwardji demokratiċi.
Fl-2013, meta l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal regolament ġdid dwar il-Europol, hija pproponiet il-fużjoni tas-CEPOL mal-Europol, iżda l-idea tal-fużjoni ġiet irrifjutata kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament Ewropew. Sadanittant, wara d-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jospitax aktar is-CEPOL, l-Aġenzija kellha tirriloka minn Bramshill (ir-Renju Unit) għal Budapest (l-Ungerija), mill-1 ta' Ottubru 2014.
Il-passi li jmiss
Issa li l-ftehim ġie kkonfermat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, f'isem il-Kunsill, ir-regolament ser jiġi ppreżentat, wara reviżjoni mill-ġuristi-lingwisti, lill-Parlament Ewropew għal vot fl-ewwel qari, u lill-Kunsill għall-adozzjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024