- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 28 ta' Settembru 2015 19:45
EUNAVFOR Med: L-UE taqbel li tibda l-fażi attiva tal-operazzjoni kontra l-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' persuni u li tingħata l-isem ġdid "Operazzjoni Sophia"
Wara l-gwida politika mogħtija mill-ministri għad-difiża u l-affarijiet barranin waqt il-laqgħat informali tagħhom fit-3 u l-5 ta' Settembru, l-Ambaxxaturi tal-UE fi ħdan il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qablu li jibda l-ewwel pass tat-tieni fażi tal-operazzjoni mis-7 ta’ Ottubru 2015 u approvaw ir-regoli korrispondenti tal-ingaġġ.
L-operazzjoni navali tal-UE kontra l-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' persuni fil-Mediterran se tkun tista' tmur abbord, tagħmel tiftix, tieħu f'idejha u tiddevja bastimenti li jkunu ssuspettati li qed jintużaw għat-traffikar u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin fl-ibħra internazzjonali, f’konformità mad-dritt internazzjonali.
Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel ukoll li l-EUNAVFOR Med għandha tingħata l-isem ġdid ta' "Sophia", li huwa l-isem li ngħata lit-tarbija li twieldet abbord il-bastiment tal-operazzjoni li salva lil ommha fit-22 ta' Awwissu 2015 'il barra mill-kosta tal-Libja.
"Id-deċiżjoni tal-lum tieħu l-operazzjoni navali tal-UE mill-fażi tagħha ta' ġbir ta' intelligence għall-fażi operattiva u attiva tagħha kontra l-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta' persuni fl-ibħra internazzjonali. L-Unjoni Ewropea wriet il-kapaċità tagħha li taġixxi b’ħeffa u b’mod unit. Aħna wkoll magħqudin fl-isforzi diplomatiċi tagħna biex insibu kemm soluzzjoni politika għall-kriżijiet fis-Sirja u l-Libja, kif ukoll, fi sħubija mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu tal-flussi migratorji, nappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' dawn il-pajjiżi."
Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
L-isem il-ġdid tal-operazzjoni ser jiġi adottat formalment mill-Kunsill mal-ewwel opportunità.
Id-deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà għat-tnedija tal-ewwel pass tat-tieni fażi tal-operazzjoni ssegwi valutazzjoni mill-Kunsill fl-14 ta’ Settembru li l-kondizzjonijiet biex wieħed jibda dan l-istadju ġew sodisfatti.
Il-Kmandant tal-Operazzjoni l-Kontrammirall Credendino qies din it-transizzjoni bħala waħda possibbli peress li l-istati membri pprovdew l-assi meħtieġa għal din il-fażi aktar attiva fil-konferenza għall-ġenerazzjoni tal-forza tas-16 ta’ Settembru 2015.
L-operazzjoni għandha l-għan li tħarbat il-mudell kummerċjali tan-netwerks ta' traffikar u faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin fil-Mediterran u biex jiġu evitati aktar imwiet fuq il-baħar. Hija parti minn approċċ komprensiv usa’ tal-UE għall-migrazzjoni, li jindirizza kemm is-sintomi kif ukoll il-kawżi sottostanti bħall-konflitti, il-faqar, it-tibdil fil-klima u l-persekuzzjoni.
- EUNAVFOR Med: Il-Kunsill jadotta valutazzjoni pożittiva dwar il-kondizzjonijiet biex wieħed jgħaddi għall-ewwel pass tat-tieni fażi fl-ibħra miftuħa
- EUNAVFOR Med: Riżultati pożittivi mit-tieni fażi tal-Konferenza tal-Ġenerazzjoni ta’ Forza
- EU NAVFOR Med (EEAS)
- It-tiftix ta’ soluzzjonijiet għal pressjonijiet migratorji (informazzjoni ġenerali)
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024