- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 14 ta' Marzu 2016 10:35
Il‑Burundi: L‑UE tagħlaq konsultazzjonijiet skont l‑Artikolu 96 tal‑ftehim ta' Cotonou
Fl‑14 ta' Marzu 2016, il‑Kunsill ikkonkluda konsultazzjonijiet mal‑Burundi skont l‑Artikolu 96 tal‑ftehim ta' sħubija AKP‑KE (ftehim ta' Cotonou). L‑impenji proposti mill‑gvern Burundjan mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw it‑tħassib tal‑UE. L‑UE ssospendiet l‑appoġġ finanzjarju dirett lill‑amministrazzjoni Burundjana, inkluż l‑appoġġ baġitarju, iżda qiegħda żżomm bis‑sħiħ kemm l‑appoġġ finanzjarju tagħha lill‑popolazzjoni kif ukoll l‑assistenza umanitarja tagħha.
Fid‑deċiżjoni tiegħu, il‑Kunsill stabbilixxa wkoll miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mill‑gvern Burundjan li jistgħu jwasslu għat‑tkomplija tal‑kooperazzjoni sħiħa.
Federica Mogherini, ir‑Rappreżentant Għoli tal‑UE għall‑Affarijiet Barranin u l‑Politika ta' Sigurtà, qalet: "Is‑sitwazzjoni fil‑Burundi tibqa' ta' tħassib serju għall‑UE, għalkemm reċentement rajna xi xquq ta' dawl. Id‑deċiżjoni tal‑lum tagħmilha ċara li biex ir‑relazzjonijiet tagħna jissoktaw b'mod sħiħ nistennew li jitwettqu għadd ta' miżuri konkreti. L‑azzjoni li qegħdin infittxu tista' tinkiseb bir-rieda u d‑determinazzjoni: hija tibni fuq il‑miżuri u l‑proċessi li diġà nbdew mill‑Unjoni Afrikana, il‑Komunità tal‑Afrika tal‑Lvant u n‑Nazzjonijiet Uniti, u ntlaqgħet mill‑ħames Kapijiet ta' Stat tal‑Afrika b'mandat mill‑Unjoni Afrikana. B'mod partikolari nemmnu li tista' tappoġġa d‑djalogu fost il‑Burundjani medjat mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant li huwa kruċjali biex tinsab soluzzjoni politika durabbli għall-kriżi."
Neven Mimica, il‑Kummissarju tal‑UE għall‑Kooperazzjoni u l‑Iżvilupp Internazzjonali, żied jgħid: "L‑UE hija, u ser tibqa', impenjata bis‑sħiħ biex tappoġġa l‑poplu Burundjan f'din il‑kriżi, li diġà wasslet għal aktar minn 400 persuna mejta, eluf midruba, u sfurzat aktar minn 240 000 persuna biex tfittex refuġju fil‑pajjiżi ġirien. Aħna naffermaw mill‑ġdid is‑solidarjetà sħiħa tagħna man‑nies tal‑Burundi, li huma l‑ewwel vittmi ta' din il‑kriżi. Inħeġġu lill‑gvern biex juri l‑impenji meħtieġa biex tissokta n‑normalizzazzjoni tar‑relazzjoni tagħna mal‑Burundi. Sadanittant, qegħdin jiġu mħejjija proġetti ffinanzjati mill‑UE li għandhom l‑għan li jiżguraw aċċess għas‑servizzi bażiċi għall‑popolazzjoni, iżda mingħajr ma r‑riżorsi finanzjarji jgħaddu mill‑kontijiet tal‑Gvern tal‑Burundi, u l‑UE tibqa' impenjata li tipprovdi assistenza ta' emerġenza".
Id‑deċiżjoni tal‑Kunsill ser tiġi rieżaminata regolarment, mill‑anqas kull sitt xhur, inkluż permezz ta' missjonijiet ta' monitoraġġ konġunti mis‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna u tal‑Kummissjoni.
Sfond
Fit‑8 ta' Diċembru 2015, saru konsultazzjonijiet mal‑gvern Burundjan skont l‑Artikolu 96 tal‑ftehim ta' Cotonou sabiex jiġi eżaminat dan it‑tħassib u jinsabu mezzi ta' rimedju. Id‑djalogu sar fil‑preżenza tar‑rappreżentanti tal‑Grupp ta' Stati Afrikani, tal‑Karibew u tal‑Paċifiku, l‑Unjoni Afrikana, il‑Komunità tal‑Afrika tal‑Lvant, u n‑Nazzjonijiet Uniti.
Matul il‑laqgħa, il‑partijiet iddiskutew il‑miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat ritorn rapidu għar‑rispett tal‑prinċipji u l‑valuri demokratiċi, id‑drittijiet tal‑bniedem u l‑istat tad‑dritt, abbażi tal‑ftehim ta' Cotonou u l‑prinċipji stipulati fil‑ftehimiet ta' Arusha. Ir‑rappreżentanti tal‑gvern Burundjan pproponew impenji. Madankollu, s'issa l‑UE kkunsidrathom bħala mhux sodisfaċenti.
L‑Artikolu 96 jipprovdi l‑bażi legali għas‑sospensjoni tal‑ftehim ta' Cotonou, wara perjodu ta' djalogu, f'każijiet fejn waħda mill‑partijiet tħoss li l‑elementi essenzjali u fundamentali tal‑ftehim mhumiex qegħdin jiġu rispettati.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024