Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 20 ta' Ġunju 2016 15:40

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani

  1. F'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill preċedenti dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani u b'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kwartett - bil-ħsieb tar-rapport u r-rakkomandazzjonijiet li jmiss tiegħu, l-UE tkompli taħdem mal-kontropartijiet Iżraeljani u Palestinjani tagħha, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha fir-reġjun u lil hinn minnu, favur soluzzjoni ta' żewġ stati. Jinħtieġ li ż-żewġ partijiet tal-konflitt, permezz ta' linji ta' politika u azzjonijiet, juru impenn ġenwin għal soluzzjoni paċifika sabiex terġa' tinbena l-fiduċja reċiproka u jinħolqu l-kondizzjonijiet għal negozjati diretti u sinifikattivi bil-għan li tintemm l-okkupazzjoni li nbdiet fl-1967, u li jiġu solvuti l-kwistjonijiet kollha fir-rigward tal-istatus permanenti.
  2. F'dan il-kuntest, il-Kunsill jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-inizjattiva ta' paċi fil-Lvant Nofsani adottata fil-Laqgħa Ministerjali li saret f'Pariġi fit-3 ta' Ġunju 2016. Il-Kunsill itenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni ġusta, sostenibbli u komprensiva għall-konflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u l-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun.
  3. L-UE tinsab determinata li, flimkien ma' sħab internazzjonali u reġjonali oħra, tagħti kontribut konkret u sostanzjali għal ġabra globali ta' inċentivi biex il-partijiet jagħmlu paċi bil-ħsieb ta' konferenza internazzjonali ppjanata li ssir qabel tmiem is-sena. Għal dan il-għan, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jippreżentaw proposti, inkluż inċentivi ekonomiċi, mingħajr dewmien. Il-Kunsill itenni wkoll il-proposta Ewropea, kif approvata fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2013, ta' pakkett bla preċedent ta' appoġġ politiku, ekonomiku u ta' sigurtà li ser jiġi offrut lil u żviluppat maż-żewġ partijiet fil-kuntest ta' ftehim dwar l-istatus finali.
Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024