Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 28 ta' Novembru 2016 09:50

Il-baġit tal-UE għall-2017 approvat mill-Kunsill

Fit-28 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill ta l-kunsens finali tiegħu għall-baġit tal-UE għall-2017 billi approva l-ftehim milħuq mal-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Novembru. Jekk il-Parlament japprova l-ftehim fil-votazzjoni tiegħu fl-1 ta’ Diċembru, il-baġit tal-UE għall-2017 jitqies bħala adottat.

"Il-baġit tal-UE għall-2017 huwa pjan ta’ azzjoni għall-futur. Huwa vijabbli, iffukat u jixhed solidarjetà. Dan jittratta t-tħassib ewlieni taċ-ċittadini billi jindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni, isaħħaħ is-sigurtà, jagħti spinta lit-tkabbir u joħloq l-impjiegi. U jipprevedi żidiet sinifikanti għal programmi bħal Erasmus+ li minnu jibbenefikaw b’mod partikolari ż-żgħażagħ", qal is-Sur Ivan Lesay, Segretarju tal-Istat għall-Finanzi tas-Slovakkja u President tal-Kunsill.

Il-baġit tal-UE għall-2017 jinkludi €157.86 biljun f’impenji, b'marġni ta’ flessibbiltà ta' €1.1 biljun għal reazzjonijiet għall-ħtiġijiet imprevisti. Il-ħlasijiet huma stabbiliti għal €134.49 biljun, li huwa 1.6% aktar baxx mill-baġit tal-UE għall-2016 wara li jiġu allinjati għall-ħtiġijiet reali.

Rati ta’ tkabbir b’żewġ ċifri għal prijoritajiet ewlenin

Rati ta’ tkabbir b’żewġ ċifri huma pprovduti għal numru ta’ prijoritajiet ewlenin:

  • madwar €6 biljun f’impenji u għalhekk madwar 11.3% aktar milli fl-2016 ser ikunu disponibbli biex tiġi indirizzata l-pressjoni migratorja u biex il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej tkun aktar sigura; il-flus ser jgħinu lill-istati membri fir-risistemazzjoni tar-refuġjati, biex jinħolqu ċentri ta’ akkoljenza, jiġu integrati l-persuni li għandhom id-dritt jibqgħu fil-pajjiż u għar-ritorn ta’ dawk li ma m'għandhomx dan id-dritt; ser jikkontribwixxu wkoll biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri, jiġu intensifikati l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-attivitajiet ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu u tiġi protetta l-infrastruttura kritika
  • Qed jiġu mobilizzati €21.3 biljun f'impenji biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi ġodda taħt is-subintestatura 1a (kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi); Din hija żieda ta' madwar 12% meta mqabbel mal-2016; din il-parti tal-baġit tkopri strumenti bħal Erasmus +, li jiżdied bi 19 % għal €2.1 biljun u l-fond Ewropew għal investimenti strateġiċi li jogħla b’25 % għal €2.7 biljun

Aktar flus għaż-żgħażagħ

Minbarra ż-żieda sinifikanti għal Erasmus +, il-baġit tal-UE għall-2017 jagħti wkoll riżultati pożittivi f'għadd ta’ miżuri oħra li jibbenefikaw liż-żgħażagħ b’mod partikolari. Dan jinkludi l-inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ li għaliha huma disponibbli €500.00 miljun addizzjonali biex jgħinu liż-żgħażagħ isibu impjieg. Il-baġit tal-UE għall-2017 jippermetti wkoll lill-Kummissjoni tniedi inizjattiva biex tgħin liż-żgħażagħ jivvjaġġaw u jiskopru pajjiżi Ewropej oħra.

Il-baġit tal-UE għall-2017 jinkludi wkoll il-pakkett ta’ għajnuna ta’ €500.00 miljun imħabbar f’Lulju biex jingħata appoġġ lill-bdiewa fis-settur tal-ħalib u dawk li jrabbu l-bhejjem.

  IntestaturiBaġit tal-UE għall-2017 (f'miljuni ta' €)
  ImpenjiPagamenti
 1. Tkabbir intelliġenti u inklużiv74,89956,522
 - 1a. Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi21,31219,321
 - 1b. Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali53,58737,201
 2. Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali58,58454,914
 3. Sigurtà u ċittadinanza4,2843,787
 4. Ewropa Globali10,1629,483
 5. Amministrazzjoni9,3959,395
 Strumenti speċjali534390
 TOTAL157,858134,490

Il-passi li jmiss

Il-baġit tal-UE għall-2017 huwa mistenni li jiġi adottat formalment mill-Parlament fl-1 ta’ Diċembru. Jekk il-Parlament jirrifjuta l-ftehim, il-Kummissjoni għandha tipproponi abbozz ġdid ta’ baġit tal-UE għall-2017. Jekk il-baġit ma jiġix adottat fil-bidu tal-2017, somma ekwivalenti għal mhux aktar minn wieħed minn kull tnax tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-2016 jew tal-abbozz ta' baġit propost mill-Kummissjoni, skont liema jkun l-inqas, tista' tintefaq kull xahar għal kull kapitolu tal-baġit.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024