Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 12 ta' Diċembru 2016 11:05

Somalja: Missjonijiet estiżi tal-UE, l-EUCAP u l-EUTM

Il-Kunsill estenda l-mandat taż-żewġ missjonijiet PSDK tiegħu fis-Somalja, il-missjoni ċivili ta' bini ta' kapaċità EUCAP u l-missjoni ta' taħriġ militari EUTM, it-tnejn li huma sal-31 ta' Diċembru 2018. Il-Kunsill bidel l-isem tal-missjoni ta' bini ta' kapaċità EUCAP Nestor għal "EUCAP Somalia".

L-objettiv ta' EUCAP Somalia huwa li tassisti lil dan il-pajjiż fit-tisħiħ tal-kapaċità tas-sigurtà marittima tiegħu, sabiex il-liġi marittima tiġi infurzata b'mod aktar effettiv. Il-missjoni militari tal-UE EUTM Somalia tikkontribwixxi għall-bini ta' kapaċità tal-Armata Nazzjonali tas-Somalja (SNA).

L-UE għandha approċċ komprensiv fis-Somalja bbażat fuq id-diplomazija attiva u l-appoġġ għall-proċess politiku, l-appoġġ għas-sigurtà, l-assistenza għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. Dan għandu l-għan li jindirizza kemm is-sintomi kif ukoll il-kawżi ewlenin tal-piraterija. L-appoġġ tal-UE jinkludi ż-żewġ missjonijiet estiżi llum, kif ukoll EU NAVFOR Operazzjoni Atalanta, l-operazzjoni militari tal-UE kontra l-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja. L-operazzjoni ġiet estiża fit-28 ta' Novembru 2016 sal-31 ta' Diċembru 2018.

EUCAP Somalia

Il-Kunsill estenda l-missjoni sal-31 ta' Novembru 2018. Il-missjoni għandha l-mandat li ttejjeb il-kapaċità tas-Somalja ta' infurzar tal-liġi marittima ċivili, pereżempju, bit-tisħiħ tal-kapaċità Somala li twettaq spezzjonijiet fuq is-sajd, il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u kontra l-piraterija, bl-appoġġ lill-awtoritajiet Somali fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni neċessarja u t-tisħiħ tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fil-qasam marittimu, u l-għoti ta' taħriġ u tagħmir.

EUCAP Nestor (issa EUCAP Somalia) tnediet f'Lulju 2012. Il-mandat tagħha kien li tassisti lill-pajjiżi mill-Qarn tal-Afrika u r-reġjuni fl-Oċean Indjan tal-Punent biex jiżviluppawkapaċità li ssostni lilha nnifisha għat-tisħiħ kontinwu tas-sigurtà marittima, inkluż il-ġlieda kontra l-piraterija u l-governanza marittima. Ġie deċiż li l-missjoni għandha tiffoka fuq is-Somalja, li issa ġie rifless fl-isem ġdid tal-missjoni. Il-kap tal-missjoni hija Maria-Cristina Stepanescu (Rumanija).

EUTM Somalia

Il-missjoni militari tal-UE tikkontribwixxi għall-bini ta' kapaċità tal-Armata Nazzjonali Somala permezz tal-approċċ ta' tliet pilastri, taħriġ, mentoraġġ u konsulenza. EUTM Somalia ġiet estiża wkoll sal-31 ta' Diċembru 2018, b'baġit ta' madwar €23 miljun għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018. Hija għandha l-għan li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-gvern federali transizzjonali u l-istituzzjonijiet tad-difiża u s-sigurtà ta' dan il-pajjiż. Il-kmandant tal-missjoni huwa l-Brigadier Ġenerali Maurizio Morena (Italja).

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024