Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 8 ta' Frar 2017 18:15

Riformi strutturali fl-istati membri: Il-presidenza u l-PE jaqblu dwar programm ta’ appoġġ

Fit-8 ta’ Frar 2017, il-presidenza laħqet qbil proviżorju mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew dwar programm li jgħin lill-istati membri jimplimentaw riformi strutturali.

Il-programm ser jiġi stabbilit għall-perijodu li jibda mid-dħul fis-seħħ tiegħu sal-31 ta' Diċembru 2020 b'pakkett finanzjarju ta' €142.8 miljun.

“Dan huwa programm li ser jappoġġa lill-gvernijiet fit-titjib tal-istrutturi ekonomiċi u ta’ governanza tagħhom. Dan huwa pass ieħor ’il quddiem biex l-istati membri jkunu mgħammra aħjar għall-implimentazzjoni ta’ riformi importanti li fl-aħħar mill-aħħar ser ikunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej.”

Ian Borg, is-segretarju parlamentari Malti għall-presidenza UE 2017 u għall-fondi Ewropej

Il-qbil ser jiġi ppreżentat lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fil-jiem li ġejjin għall-approvazzjoni. Il-Parlament u l-Kunsill imbagħad ser jintalbu jadottaw ir-regolament propost fl-ewwel qari.

Objettivi

Il-programm ser jikkontribwixxi għal riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali mmirati lejn it-titjib tal-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir, l-impjiegi, il-koeżjoni u l-investiment.

Huwa ser jopera b’appoġġ għall-proċessi ta’ governanza ekonomika tal-UE, inkluż permezz ta’ assistenza għall-użu effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-UE. Il-programm ser jiffinanzja azzjonijiet u attivitajiet b’valur miżjud Ewropew.

Finanzjament

Skont il-qbil, l-istati membri li jixtiequ jirċievu appoġġ jistgħu jippreżentaw talba għal appoġġ finanzjarju sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena kalendarja. Ir-riżorsi finanzjarji tal-programm ser jittieħdu minn programmi oħra ta’ assistenza teknika fil-qafas tal-fondi strutturali u ta’ żvilupp rurali tal-UE.

Monitoraġġ u implimentazzjoni

Il-Kummissjoni ser timplimenta l-programm, abbażi tal-aħjar prattiki żviluppati meta Ċipru u l-Greċja ngħataw assistenza teknika skont il-programmi ta’ aġġustament ekonomiku tagħhom. Il-Kummissjoni ser timmonitorja wkoll l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024