- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 13 ta' Marzu 2017 13:35
L-UE ttawwal is-sanzjonijiet minħabba azzjonijiet kontra l-integrità territorjali tal-Ukrajna sal-15 ta' Settembru 2017
Dan id-dokument hu disponibbli b'lingwi mhux tal-UE :
Fit-13 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill tawwal il-miżuri restrittivi minħabba azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna għal sitt xhur oħra, sal-15 ta’ Settembru 2017. Il-miżuri jikkonsistu mill-iffriżar tal-assi u projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ma kinitx tiġġustifika tibdil fir-reġim tas-sanzjonijiet. Il-lista ġiet riveduta u l-Kunsill neħħa żewġ persuni deċeduti mil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal dawn il-miżuri restrittivi, li issa japplikaw għal 150 persuna u 37 entità. L-informazzjoni għall-identifikazzjoni u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet ġew aġġornati kif meħtieġ.
L-atti legali huma disponibbli fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE tal-14 ta’ Marzu 2017. Dawn ġew adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub.
Dawn il-miżuri restrittivi ġew introdotti f’Marzu 2014 u kienu estiżi l-aħħar f’Settembru 2016. Hemm fis-seħħ diversi miżuri tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi fl-Ukrajna, fosthom ukoll:
- sanzjonijiet ekonomiċi mmirati lejn setturi speċifiċi tal-ekonomija Russa, attwalment fis-seħħ sal-31 ta’ Lulju 2017;
- miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol, limitati għat-territorju tal-Krimea u Sevastopol, attwalment fis-seħħ sat-23 ta’ Ġunju 2017.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024