- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 21 ta' Marzu 2017 09:25
Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali
Il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali jġegħilna nfakkru li mad-dinja kollha rġiel, nisa u tfal għadhom iġarrbu diskriminazzjoni razzjali dovuta għall-kulur, ir-razza, id-dixxendenza, il-kasta, ir-reliġjon u l-oriġini etnika jew nazzjonali tagħhom. Huma mċaħħda mid-drittijiet fundamentali l-aktar bażiċi tagħhom u milquta sproporzjonatament mill-faqar u l-inugwaljanza.
Ferm 'il bogħod milli jiġi eradikat, id-diskors ta’ mibegħda u manifestazzjonijiet oħra ta’ razziżmu, diskriminazzjoni razzjali u ksenofobija qed jiżdiedu. Dan jaffettwa l-ugwaljanza, il-libertà, is-solidarjetà u l-ġustizzja fid-dinja kollha.
L-UE qed tkompli bl-impenn tagħha li tiġġieled kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni razzjali, ġewwa u barra mill-fruntieri tagħna. Aħna naħdmu mal-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u sħab internazzjonali fuq azzjonijiet li jistgħu jagħmlu differenza: ftehimna mal-kumpanniji l-kbar tal-informatika li nieħdu azzjoni kontra d-diskors ta' mibegħda fuq l-internet. Ħloqna pjattaformi, bħall-Grupp ta’ Livell Għoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza. Qed inħeġġu l-iskambju tal-aħjar prattiki. Naħdmu biex il-komunitajiet jifhmu lil xulxin aħjar u nindirizzaw il-preokkupazzjonijiet tal-gruppi affettwati, inkluż il-komunitajiet Lhud u Musulmani. Qed infittxu li jkun hemm integrazzjoni aħjar tal-migranti, u nrawmu edukazzjoni ta’ kwalità. Kemm fi ħdan l-UE, kif ukoll mal-pajjiżi sħab tagħna, qed naħdmu favur il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali u l-ksenofobija.
Fl-impenn tagħna fuq livell globali, qed inkomplu nappoġġaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali. Qed naħdmu kontinwament favur l-implimentazzjoni globali tad-Dikjarazzjoni ta’ Durban u l-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Dinjija tal-2001 kontra r-Razziżmu, id-Diskriminazzjoni Razzjali, il-Ksenofobija u l-Intolleranza Relatata. Bl-impenn tagħna favur id-Deċennju għall-Popli ta' Dixxendenza Afrikana qed niżguraw ukoll li tingħata attenzjoni għad-diskriminazzjoni mġarrba mill-komunitajiet ta' dixxendenza Afrikana jkun fejn ikun fid-dinja.
L-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni razzjali hija sfida globali u trid tiġi indirizzata mill-komunità internazzjonali, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u mis-soċjetà ċivili kollha flimkien. Hija r-responsabbiltà tagħna lkoll li nħarsu, nippreservaw u nippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tagħna stess. Ħadd ma jkun irrispettat jekk ma nkunux irrispettati lkoll bħala bnedmin, fir-rikkezza kulturali u d-diversità tagħna.
Il-Pajjiżi Kandidati t-Turkija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, is-Serbja u l-Albanija*, il-pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina, il-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-Dikjarazzjoni.
*L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Maja Kocijančič Kelliem tas-SEAE
- +32 2 298 65 70
- +32 498 98 44 25
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024