Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 21 ta' Marzu 2017 11:00

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini f'isem l-UE fil-Jum Dinji u Ewropew tal-Ilma, 22 ta' Marzu 2017

Dan id-dokument hu disponibbli b'lingwi mhux tal-UE :

L-ilma tax-xorb sikur u s-servizzi sanitarji huma kruċjali għal ħajja b'saħħitha u dinjituża. Madankollu, 663 miljun ruħ, jiġifieri 1 minn kull 10 persuni fid-dinja, għad ma għandhomx aċċess għal ilma tax-xorb sikur u huma mċaħħda minn dritt bażiku tal-bniedem. Barra minn hekk, id-dinja ma rnexxilhiex tilħaq il-mira fil-qasam tas-servizzi sanitarji, u b'hekk 2.4 biljun ruħ, jiġifieri 1 minn kull 3 persuni, għadhom mingħajr aċċess għal faċilitajiet sanitarji adegwati. Minħabba t-tibdil fil-klima u l-iżviluppi demografiċi, il-persistenza tal-iskarsezza tal-ilma u tal-istress fuq ir-riżorsi tal-ilma x’aktarx li fil-ġejjieni ser jaffettwaw għadd dejjem akbar ta' nies.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ilma, bħala l-Unjoni Ewropea, intennu l-impenn tagħna, permezz tal-Aġenda 2030, li niksbu aċċess u ġestjoni sostenibbli tal-ilma u tas-servizzi sanitarji għal kulħadd, b’mod partikolari għall-gruppi l-aktar vulnerabbli. L-impenn tagħna li ma ninsew lil ħadd ifisser li ħadd ma għandu jiġi miċħud l-aċċess għal ilma nadif. Intennu wkoll l-impenn tagħna favur il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Proklamazzjoni ta' Azzjoni ta’ Marrakech li riaffermaw id-determinazzjoni fil-livell dinji li niġġieldu t-tibdil fil-klima u li ngħinu biex jiġu indirizzati l-impatti tat-tibdil fil-klima, inkluż fuq l-ilma.

L-ilma tax-xorb sikur u s-servizzi sanitarji huma servizzi bażiċi. Dawn huma prerekwiżiti għas-saħħa, it-tkabbir u l-produttività. Minbarra l-kooperazzjoni bilaterali mill-Istati Membri tal-UE, l-Unjoni Ewropea pprovdiet aktar minn EUR 2.2 biljun għal proġetti fil-qasam tal-ilma u s-servizzi sanitarji f’aktar minn 62 pajjiż madwar id-dinja mill-2007 'l hawn. B'reazzjoni għaż-żieda fil-ħtiġijiet umanitarji u l-ispostament sfurzat, l-UE hija determinata li tkompli tappoġġa lill-persuni milquta minn diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, billi tipprovdi aċċess li jsalva l-ħajja għall-ilma sikur u nadif.

L-UE ser tkompli wkoll tappoġġa l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma permezz ta’ approċċ strateġiku għall-iżvilupp reġjonali abbażi tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2013 dwar id-Diplomazija fil-Qasam tal-Ilma, billi tippromwovi ġestjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali madwar id-dinja kollha li hija kruċjali għall-iżvilupp kif ukoll għall-istabbiltà, ir-reżiljenza, il-paċi u s-sigurtà. F’dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-interkonnessjonijiet kritiċi bejn l-ilma, l-enerġija u s-sigurtà alimentari. L-UE tippromwovi wkoll l-adeżjoni mal-ftehimiet internazzjonali dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ilma, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tal-UNECE fuq il-Protezzjoni u l-Użu ta' Passaġġi tal-Ilma Transkonfinali u Għadajjar Internazzjonali kif ukoll il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Użu Mhux Navigazzjonali ta' Passaġġi tal-Ilma internazzjonali. L-ilma huwa l-għajn tal-ħajja, il-ħajja li aħna għandna dmir nipproteġuha kullimkien madwar id-dinja.

Il-Pajjiżi Kandidati l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, is-Serbja* u l-Albanija*, il-pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina, il-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-Dikjarazzjoni.


* L-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

 Din id-dikjarazzjoni qed tinħareġ fl-okkażjoni tal-Jum Dinji u Ewropew tal-Ilma (22 ta’ Marzu 2017).

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024