Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 25 ta' April 2017 11:05

L-UE tikkoordina l-ispettru ewlieni biex tingħata spinta lill-konnettività fit-tħejjija għall-5G

Il-Kunsill illum adotta deċiżjoni li ser tiżgura r-rilaxx ta’ frekwenzi ta’ kwalità għolja għal servizzi ta’ broadband bla fili fl-istati membri kollha tal-UE sabiex tingħata spinta lill-konnettività mobbli u tixpruna t-tnedija tat-teknoloġija 5G. L-użu kkoordinat tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz, li toffri veloċità għolja u kopertura eċċellenti, ser iwassal għal konnessjonijiet tal-internet aħjar u aktar rapidi madwar l-Ewropa. Dan ser inaqqas id-distakk diġitali u jagħmilha possibbli li jiġu żviluppati u offruti servizzi diġitali innovattivi ġodda bħal karozzi kollegati jew Saħħa Elettronika, mhux biss f’żoni urbani iżda wkoll f’żoni rurali u remoti.

B'riżultat ta’ din id-deċiżjoni, l-operaturi mobbli ser jiksbu aċċess esklużiv għall-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz (694-790 MHz) sat-30 ta’ Ġunju 2020. Dan il-perjodu ta' żmien stabbilit jikkoinċidi mat-tnedija mistennija tan-netwerks 5G fl-Ewropa. L-istati membri, madanakollu, jistgħu idewmu din ir-riallokazzjoni b’mhux iktar minn sentejn, iżda biss f’każijiet ġustifikati kif xieraq stipulati fid-deċiżjoni.

Il-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz hija parti mill-medda ta’ 470-790 MHz li bħalissa tintuża ħafna għax-xandir televiżiv diġitali u mikrofoni bla fili f’diversi avvenimenti. Biex jiġi żgurat li jkun hemm spettru adegwat disponibbli għas-settur awdjoviżiv anke wara li l-ogħla parti tal-medda ikun instabilha użu ġdid, is-servizzi tax-xandir ser jibqgħu prijorità fil-banda ta’ taħt 700 MHz (470-694 MHz) mill-inqas sal-2030, abbażi tal-ħtiġijiet nazzjonali. L-istati membri ser ikollhom l-għażla li jużaw din il-medda għal għanijiet oħra, li jinkludu s-servizzi tal-internet mobbli, sakemm dan ikun kompatibbli mal-ħtiġijiet tax-xandir.

Il-pajjiżi kollha tal-UE għandhom jistabbilixxu pjan ta’ implimentazzjoni għal din l-assenjazzjoni mill-ġdid sal-aħħar ta’ Ġunju 2018.

“Il-ftuħ tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz għal apparati tal-internet mobbli jgħin biex jiżgura konnettività tal-aqwa kwalità mal-Ewropa kollha u jista’ tassew tittrasforma l-ħajja ta’ ħafna nies - pereżempju ejjew inqisu l-użu tat-telemediċina f’żoni remoti,” qal Dr Emmanuel Mallia, il-Ministru Malti għall-Kompetittività u l-Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi. “Jirrappreżenta wkoll pass kbir fil-bidla industrijali lejn il-5G, li hija essenzjali għall-kompetittività futura tal-UE.”

Il-passi li jmiss

Dan il-vot finali mill-Kunsill jikkonkludi l-proċedura fl-ewwel qari. Il-Parlament Ewropew ivvota fil-15 ta’ Marzu 2017. L-att legali ser jiġi ffirmat miż-żewġ istituzzjonijiet f’nofs Mejju u ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fit-30 ta’ Mejju. Ser jidħol fis-seħħ 20 jum wara li jiġi ppubblikat.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024