- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 26 ta' Ġunju 2017 19:10
Effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija: niżguraw progress lejn il-kisba tal-għanijiet klimatiċi u enerġetiċi tal-UE
Illum il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar proposta għal direttiva riveduta dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan il-ftehim ser jippermetti li jinbdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew taħt il-presidenza Estonjana.
L-objettiv ewlieni tad-direttiva proposta huwa li ttejjeb id-dispożizzjonijiet eżistenti u żżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri ewlenin għall-2020, u l-għanijiet klimatiċi u enerġetiċi għall-2030, tal-Unjoni Ewropea.
L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija meqjusa bħala sors ta’ enerġija fiha nnifisha. Effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija hija ta' ġid għall-ambjent, tnaqqas l-emissjoni ta' gass b'effett ta' serra, ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija, tnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija għall-familji u l-kumpaniji, tgħin biex jitnaqqas il-faqar fl-enerġija u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.
L-elementi ewlenin tad-direttiva riveduta huma:
- Mira globali tal-UE għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta' 30 %
- Obbligu ta’ ffrankar tal-enerġija ta’ 1.5 %, li jonqos għal 1.0 % għall-perjodu 2026-2030, dment li l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-2024 ma tikkonkludix li l-UE ma tkunx fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha
- Azzjonijiet individwali fit-tul jistgħu jgħoddu bħala obbligi tal-iffrankar tal-enerġija
- Miżuri alternattivi huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-iskemi ta’ obbligi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija
- Il-possibbiltà li l-enerġija rinnovabbli ġġenerata fuq il-post tingħadd parzjalment bħala ffrankar fil-perjodu 2020–2030
- Obbligu li fit-tfassil ta' miżuri ġodda jittieħed kont tal-faqar fl-enerġija
- Dispożizzjonijiet imtejba fir-rigward tal-kejl tal-konsum u l-kontijiet għall-benefiċċju tal-utenti aħħarin ta’ tisħin u ta’ tkessiħ
“Ninsabu kuntenti għall-aħħar li rnexxielna naqblu dwar din il-leġislazzjoni importanti, li kienet prijorità għall-Presidenza tagħna. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hi element kruċjali għal għat-transizzjoni b'suċċess tal-Ewropa fil-qasam tal-enerġija. Għaldaqstant ser inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem bl-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa.”
Joe Mizzi, il-ministru Malti għall-Enerġija u l-Ġestjoni tal-Ilma
Kuntest
Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija taġġorna d-Direttiva 2012/27/UE attwali u ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni f’Novembru 2016. Tagħmel parti mill-Pakkett estensiv dwar l-Enerġija Nadifa, l-għodda ta' implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija.
L-għan ġenerali tal-istrateġija huwa li nimxu lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE sal-2030 u lil hinn, filwaqt li jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-innovazzjoni u l-kompetittività.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 stabbilixxew mira indikattiva ta’ żieda ta’ mill-inqas 27 % fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni fl-2030. Din il-mira jenħtieġ li terġa’ tiġi riveduta sal-2020 bil-ħsieb li l-livell tal-Unjoni jkun ta’ 30 %.
Kuntatti għall-istampa
-
Niels Timmermans Press officer
- +32 470 18 22 47
- +32 2 281 32 65
- @timmermansniels
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024