Il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030
Fil-qosor
Il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 fit-23 ta' Ottubru 2014.
Il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fit-22 ta' Jannar 2014. Dan huwa komunikazzjoni li tistabbilixxi qafas għall-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għall-perjodu 2020-2030. Il-qafas huwa maħsub biex iniedi diskussjonijiet dwar kif għandu jsir progress f'dawn il-politiki fi tmiem il-qafas attwali għall-2020.
Il-qafas għall-2030 għandu l-għan li jgħin lill-UE tindirizza kwistjonijiet bħal:
- it-teħid tal-pass li jmiss lejn l-objettiv tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra bi 80-95% taħt il-livell tal-1990 sal-2050
- il-prezzijiet għoljin tal-enerġija u l-vulnerabbiltà tal-ekonomija tal-UE għal żidiet futuri fil-prezzijiet, speċjalment taż-żejt u l-gass
- id-dipendenza tal-UE minn importazzjonijiet tal-enerġija, spiss minn żoni politikament instabbli
- il-ħtieġa li tiġi sostitwita u aġġornata l-infrastruttura tal-enerġija u jiġi pprovdut qafas regolatorju stabbli għall-investituri potenzjali
- qbil dwar mira għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għall-2030
Fid-dettall
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija mill-2020 sal-2030 - COM(2014) 0015
Il-qafas għall-2030 jipproponi miri u miżuri ġodda sabiex l-ekonomija u s-sistema tal-enerġija tal-UE ssir aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli. Dan jinkludi miri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u jiżdied l-użu ta' enerġiji rinnovabbli, u jipproponi sistema ġdida ta' governanza u indikaturi tal-prestazzjoni.
B'mod partikolari, jipproponi l-azzjonijiet li ġejjin:
- impenn biex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, bl-istabbiliment ta' mira għat-tnaqqis ta' 40% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990
- mira għall-enerġija rinnovabbli ta' mill-inqas 27% tal-konsum enerġetiku, bi flessibbiltà għall-istati membri sabiex jistabbilixxu miri nazzjonali
- effiċjenza enerġetika mtejba permezz ta' emendi possibbli għad-direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika
- riforma tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet sabiex tinkludi riżerva għall-istabbiltà tas-suq
- indikaturi ewlenin - dwar il-prezzijiet tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvista, interkonnessjonijiet bejn l-istati membri u żviluppi teknoloġiċi - sabiex jitkejjel il-progress lejn sistema ta' enerġija aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli
- qafas ġdid ta' governanza għar-rappurtar mill-istati membri, abbażi tal-pjani nazzjonali koordinati u evalwati fil-livell tal-UE
Fil-Kunsill
Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni mhux leġislattiva dwar il-qafas għall-2030 fil-5 ta’ Frar 2014.
Il-qafas għall-2030 ġie diskuss kemm fil-livell ta' Kunsill Ewropew kif ukoll f'dak tal-Kunsill.
Il-Kunsill kellu dibattiti pubbliċi ta' orjentazzjoni rigward il-qafas għall-2030 fit-3 ta' Marzu, l-4 ta' Marzu, it-12 ta' Ġunju u t-13 ta' Ġunju 2014. Ir-riżultati ta' dawn id-dibattiti pprovdew kontribut utli għad-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew rigward il-qafas.
Dibattitu ta' orjentazzjoni ieħor dwar il-qafas sar fid-9 ta' Diċembru 2014, matul laqgħa tal-Kunsill TTE. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-proċess il-ġdid ta' governanza. B'mod partikolari l-ministri enfasizzaw il-ħtieġa li l-proċess ta' governanza jinżamm flessibbli kemm jista' jkun, peress li dan ser japplika għal perjodu twil u ma għandux iżid il-piż amministrattiv fuq l-istati membri. Id-dibattitu ttratta wkoll l-indikaturi ewlenin tal-enerġija għall-monitoraġġ tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija. Ġew diskussi wkoll għadd ta' kwistjonijiet oħra inkluż:
- il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni reġjonali fil-proċessi ta' ppjanar
- l-importanza tad-dekarbonizzazzjoni
- ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju
- prezzijiet tal-enerġija mhux għoljin kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industrija
- it-tlestija tal-interkonnessjonijiet tal-gass u l-elettriku u l-iżvilupp ta' 'netwerks intelliġenti tal-enerġija'
- il-potenzjal tas-settur tal-enerġija u l-klima li jattira investimenti fil-qafas tal-pjan ta' investiment propost għall-Ewropa.
Ittieħed kont tal-kontributi tal-ministri mill-Kummissjoni fl-iżvilupp tagħha tal-proċess ta' governanza flimkien mal-istati membri.
Fil-Kunsill Ewropew
Il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet dwar il-qafas għall-2030 f'Marzu 2014 u evalwa l-progress fil-laqgħa tiegħu f'Ġunju 2014. Fil-laqgħa ta' Ġunju, il-mexxejja tal-UE ddiskutew ukoll l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà tal-enerġija, li hija marbuta mill-qrib mal-qafas għall-2030.
Fil-laqgħa tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija 2030 għall-UE. Huwa adotta wkoll konklużjonijiet, u b'mod partikolari approva erba' miri importanti:
- mira vinkolanti tal-UE ta' mill-inqas 40% inqas emissjonijiet ta' gassijiet serra sal-2030, meta mqabbla mal-1990
- mira, vinkolanti fil-livell tal-UE, ta' mill-inqas 27% konsum ta' enerġija rinnovabbli fl-2030
- mira indikattiva fil-livell tal-UE ta' mill-inqas 27% titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-2030
- appoġġ għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija bil-kisba urġenti tal-mira eżistenti ta' interkonnessjoni tal-elettriku ta' 10% mhux aktar tard mill-2020, b'mod partikolari għall-istati Baltiċi u l-Peniżola Iberika, u għall-objettiv li tintlaħaq il-mira ta' 15% sal-2030
Fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija, il-Kunsill Ewropew approva aktar miżuri biex titnaqqas id-dipendenza tal-enerġija tal-UE u tiżdied is-sigurtà tal-provvisti tal-gass u l-elettriku tagħha.
Il-qbil dwar il-qafas għall-2030, b'mod speċifiku l-mira tal-UE għat-tnaqqis ta' gassijiet serra fuq livell domestiku ta' mill-inqas 40%, ifforma l-bażi tal-kontribut tal-UE għall-ftehim globali l-ġdid dwar it-tibdil fil-klima. Dan il-kontribut, magħruf bħala l-Kontribut Intenzjonat Stabbilit f’Livell Nazzjonali (INDC) ġie approvat formalment f’laqgħa tal-Kunsill Ambjent fis-6 ta’ Marzu 2015. L-UE u l-istati membri tagħha kienu l-ewwel ekonomija prinċipali li kkomunikat l-INDCs tagħha għan-negozjati.
Il-Kunsill Ewropew ser ikompli jagħti gwida strateġika lill-qafas għall-2030 kif meħtieġ, b'mod partikolari dwar l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), l-interkonnessjonijiet u l-effiċjenza tal-enerġija.
Il-Kummissjoni għamlet il-proposti leġislattivi inizjali tagħha għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika tal-klima u l-enerġija għall-2030 fi tmiem Frar 2015. Il-proposti, ippreżentati fil-pakkett dwar l-unjoni tal-enerġija, għandhom l-għan li jipprovdu approċċ koerenti għat-tibdil fil-klima, is-sigurtà u l-kompetittività tal-enerġija, u jikkontribwixxu għall-kisba ta' wħud mill-għanijiet miftehma skont il-qafas għall-2030.