- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 4 ta' Diċembru 2018 11:00
Ħasil tal-flus: Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar pjan ta' azzjoni għal monitoraġġ imsaħħaħ
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati aħjar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Il-konklużjonijiet stabbilixxew numru ta' azzjonijiet mhux leġislattivi fuq perijodu qasir biex jiġu indirizzati tmien objettivi ewlenin:
- l-identifikazzjoni tal-fatturi li kkontribwew għall-każijiet ta' ħasil tal-flus reċenti f'banek tal-UE, biex jiġu informati aħjar azzjonijiet addizzjonali possibbli fuq perijodu medju u fit-tul;
- l-immappjar tar-riskji rilevanti ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu u l-aħjar prattiki superviżorji prudenzjali sabiex jiġu indirizzati;
- it-titjib tal-konverġenza superviżorja u l-kunsiderazzjoni aħjar tal-aspetti ta' AML fil-proċess superviżorju prudenzjali;
- l-iżgurar ta' kooperazzjoni effettiva bejn superviżuri prudenzjali u dawk tal-ħasil tal-flus;
- l-iċċarar tal-aspetti relatati mal-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta' bank fil-każ ta' ksur serju;
- it-titjib tas-superviżjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti;
- il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u li jinstabu bażijiet għal konverġenza fost l-awtoritajiet nazzjonali;
- it-titjib tal-kapaċità tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej biex jagħmlu użu aħjar mis-setgħat u l-għodod eżistenti.
Ir-regoli Ewropej dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ġew imsaħħa b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin, fejn mill-2015 'l hawn ġew adottati żewġ riformi konsekuttivi. L-aktar reviżjoni reċenti tad-direttiva AML, il-ħames AMLD, kienet adottata f'April 2018 u mistennija tiġi trasposta fil-livell nazzjonali sa Jannar 2020. F'Settembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta biex is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE tissaħħaħ ulterjorment u biex il-ħasil tal-flus u t-theddid relatat ma' finanzjament terroristiku jiġu indirizzati aħjar. Din il-proposta attwalment qed tiġi diskussa fil-Kunsill.
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024