Skip to content

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-UE

Ir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu jipproteġu s-sistema finanzjarja tagħha u jikkontribwixxu għas-sigurtà u t-tkabbir.

Il-ġlieda tal-UE kontra l-ħasil tal-flus

Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma ta' tħassib serju għall-UE. Dawn jirrappreżentaw riskji kbar għall-ekonomija u s-sistema finanzjarja tal-UE u għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħha.

Għal aktar minn 30 sena, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kienet fuq quddiem fl-aġenda politika tal-UE, bl-ewwel direttiva kontra l-ħasil tal-flus (AMLD) adottata fl-1991. Minn dak iż-żmien 'l hawn, id-direttiva għaddiet minn diversi riformi.

Biex jiġi żgurat li r-riskji relatati kollha jiġu indirizzati b'mod korrett, ir-regoli tal-UE jridu jadattaw kontinwament għar-riskji emerġenti, inkluż ir-riskji relatati ma':

  • innovazzjoni teknoloġika – bħall-muniti virtwali
  • in-natura globali tal-organizzazzjonijiet terroristiċi
  • l-inġenjożità tal-kriminali fl-isfruttar tan-nuqqasijiet jew il-lakuni fis-sistema
Karti tal-flus tal-euro mdendlin fuq ħabel tal-inxir.
X'inhu l-ħasil tal-flus (Infografika)

X'inhu l-ħasil tal-flus (Infografika)

Regoli tal-UE kontra l-ħasil tal-flus

Fit-30 ta' Mejju 2024, il-Kunsill adotta liġijiet ġodda li għandhom l-għan li jipproteġu ċ-ċittadini tal-UE u s-sistema finanzjarja tagħha mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-pakkett jinkludi:

  • regolament li jistabbilixxi awtorità ġdida tal-UE kontra l-ħasil tal-flus
  • regolament dwar ir-rekwiżiti kontra l-ħasil tal-flus għas-settur privat
  • direttiva dwar mekkaniżmi kontra l-ħasil tal-flus fil-livell nazzjonali
  • reviżjoni tar-regolament dwar it-trasferimenti ta' fondi, li ġie adottat fl-2023

Regolament kontra l-ħasil tal-flus

Ir-regolament il-ġdid dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għall-ewwel darba jarmonizza u jiċċara r-regoli fis-seħħ madwar l-UE u b'hekk jagħlaq il-lakuni għall-frodaturi. Dan ser jiżgura wkoll li r-regoli japplikaw b'mod aktar konsistenti u jiġu infurzati aħjar. Pereżempju, fih dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar id-diliġenza dovuta tal-klijenti u s-sjieda benefiċjarja u dwar is-setgħat tas-superviżuri nazzjonali u l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (UIF).

Entitajiet marbutin b'obbligu

Permezz tar-regolament il-ġdid, l-UE stabbilixxa qafas regolatorju applikabbli direttament b'rekwiżiti għall-entitajiet marbutin b'obbligu – prinċipalment l-istituzzjonijiet ta' kreditu u dawk finanzjarji u negozji u professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati (eż. avukati u kontabilisti). Dawn l-entitajiet għandhom rwol ċentrali bħala gwardjani fil-qafas tal-AML/CTF peress li għandhom pożizzjoni privileġġata biex jaqbdu attivitajiet suspettużi.

Ir-regoli l-ġodda ser ikopru wkoll il-biċċa l-kbira tas-settur tal-kripto. Il-fornituri kollha ta' servizzi tal-kriptoassi ser ikollhom jużaw diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti tagħhom. Dan ifisser li ser ikollhom jivverifikaw il-fatti dwar il-klijenti tagħhom u jirrappurtaw kwalunkwe suspett lil FIU.

Setturi oħra kkonċernati mill-obbligi ta' diliġenza dovuta tal-klijenti u ta' rappurtar huma n-negozjanti ta' oġġetti ta' lussu bħal metalli u ħaġar prezzjużi, ġojjellerija u arġentiera tad-deheb. In-negozjanti ta' karozzi lussużi, ajruplani, jottijiet u beni kulturali (bħal xogħlijiet tal-arti) ser isiru wkoll entitajiet marbutin b'obbligu

Ir-regolament jirrikonoxxi li s-settur tal-futbol jirrappreżenta riskju għoli u jespandi l-lista ta' entitajiet marbutin b'obbligu biex tinkludi klabbs u aġenti tal-futbol professjonali. Madankollu, peress li s-settur u r-riskju tiegħu huma soġġetti għal varjazzjonijiet kbar, l-istati membri ser ikollhom il-flessibbiltà li jneħħuhom mil-lista jekk jirrappreżentaw riskju baxx.

Informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja

Is-sjieda benefiċjarja tirreferi għal persuni li fil-fatt jikkontrollaw jew igawdu l-benefiċċji tas-sjieda ta' entità ġuridika (bħal kumpanija, fondazzjoni jew trust), filwaqt li t-titolu jew il-proprjetà jkunu f'isem persuna oħra. Ir-regolament ser jagħmel ir-regoli tal-UE dwar is-sjieda benefiċjarja aktar armonizzati u aktar trasparenti.

Iż-żewġ komponenti tas-sjieda benefiċjarja – is-sjieda u l-kontroll – ser jiġu analizzati sabiex jiġu identifikati s-sidien benefiċjarji kollha ta' entità ġuridika jew ta' diversi tipi ta' entitajiet, inkluż entitajiet mhux tal-UE meta jagħmlu negozju fl-UE jew jixtru proprjetà fl-UE. Il-ftehim jistabbilixxi l-limitu tas-sjieda benefiċjarja għal 25%.

Ir-regoli relatati applikabbli għal strutturi ta' sjieda u kontroll b'diversi saffi huma ċċarati wkoll biex jiġi żgurat li l-ħabi wara diversi saffi ta' sjieda ta' kumpaniji ma jibqax jaħdem aktar. B'mod parallel, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u ż-żamma tar-rekords huma ċċarati biex il-ħidma tal-awtoritajiet kompetenti ssir aktar faċli u aktar rapida.

Ħlas bi flus kontanti

Il-ħlas bi flus kontanti ser ikunu soġġetti għal limitu massimu ta' €10 000 għall-UE kollha sabiex ikun aktar diffiċli għall-kriminali li jaħslu flus illegali. L-istati membri ser ikollhom il-flessibbiltà li jimponu limitu massimu aktar baxx jekk jixtiequ.

Pajjiżi terzi b'riskju kbir

L-entitajiet marbutin b'obbligu ser ikunu meħtieġa japplikaw miżuri ta' diliġenza dovuta msaħħa għal tranżazzjonijiet okkażjonali u relazzjonijiet ta' negozju li jinvolvu pajjiżi terzi b'riskju kbir li minħabba nuqqasijiet fir-reġimi nazzjonali tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu huma theddida għall-integrità tas-suq intern tal-UE.

Il-Kummissjoni ser tagħmel valutazzjoni tar-riskju, abbażi tal-inklużjonijiet fil-lista tat-task force ta' azzjoni finanzjarja (FATF). Barra minn hekk, livell għoli ta' riskju jiġġustifika l-applikazzjoni ta' kontromiżuri speċifiċi tal-UE jew nazzjonali addizzjonali, kemm jekk fil-livell tal-entitajiet marbutin b'obbligu kif ukoll jekk mill-istati membri.

Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Flimkien mar-regolament, id-direttiva dwar il-mekkaniżmi kontra l-ħasil tal-flus tagħmel parti minn "ġabra unika tar-regoli" dwar l-AML. Din tieħu post il-ħames direttiva kontra l-ħasil tal-flus, adottata fl-2018.

Ir-regoli kollha li japplikaw għas-settur privat ser jiġu ttrasferiti għar-regolament, filwaqt li d-direttiva tindirizza l-organizzazzjoni tas-sistemi istituzzjonali tal-AML/CFT fil-livell nazzjonali fl-istati membri. Għalhekk, id-direttiva fiha dispożizzjonijiet li għandhom jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali, bħar-regoli dwar ir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja, is-superviżuri nazzjonali u r-responsabbiltajiet tal-UIF.

Informazzjoni dwar trasferiment ta' fondi

Fid-29 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim proviżorju dwar l-aġġornament tar-regolament tal-UE dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi, li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għal trasferimenti ta' kriptoassi.

Ir-regoli jintroduċu obbligu għall-fornituri ta' servizzi tal-kriptoassi li jiġbru u jagħmlu aċċessibbli ċerta informazzjoni dwar l-oriġinaturi u l-benefiċjarji involuti fit-trasferimenti tal-kriptoassi li joperaw. Dan ser jiżgura li t-trasferimenti tal-kriptoassi jkunu traċċabbli biex ikun aktar faċli li jiġu identifikati tranżazzjonijiet potenzjalment suspettużi u biex dawn jiġu mblukkati.

L-UE issa għandha qafas solidu u proporzjonali li jikkonforma mal-istandards internazzjonali l-aktar rigorużi dwar l-iskambju ta' kriptoassi u, b'mod partikolari, isegwi r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-FATF, l-entità globali li tissorvelja l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

X'inhi t-task force ta' azzjoni finanzjarja (FATF)?

L-isfidi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus huma globali, u jeħtieġu kooperazzjoni b'saħħitha fil-livell internazzjonali. L-UE taħdem mas-sħab tagħha fil-FATF biex tibni u timplimenta standards internazzjonali.

Il-FATF tiżviluppa u tippromwovi politiki kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u toħroġ rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu applikati mill-pajjiżi.

Aġġornamenti leġiżlattivi oħra rilevanti għall-AML/CFT

Il-ħames direttiva dwar ir-rekwiżiti ta' kapital iċċarat ir-rwol tas-superviżuri prudenzjali. Superviżuri prudenzjali għandhom ir-responsabbiltà li jidentifikaw u jikkoreġu dgħufijiet fl-istituzzjonijiet finanzjarji involuti fil-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-awtoritajiet kompetenti jridu jqisu dan it-tħassib fl-attivitajiet superviżorji tagħhom.

Id-direttiva dwar il-faċilitazzjoni tal-użu ta' informazzjoni finanzjarja biex tiġi miġġielda l-kriminalità tagħmilha aktar faċli għall-awtoritajiet kompetenti biex jaċċessaw u jużaw informazzjoni finanzjarja u dwar il-kontijiet bankarji. Din tiffaċilita wkoll l-aċċess għal informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi minn UIF nazzjonali.

Awtorità kontra l-ħasil tal-flus

Fit-30 ta' Mejju 2024, il-Kunsill adotta regolament li jistabbilixxi awtorità ġdida kontra l-ħasil tal-flus (AMLA) biex ittejjeb is-superviżjoni tal-AML/CFT fl-UE u tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-FIUs. L-AMLA ser tkun ibbażata fi Frankfurt u ser tibda topera f'nofs l-2025.

Billi l-ħasil tal-flus huwa reat finanzjarju transfruntier, l-AMLA ser issaħħaħ il-qafas tal-AML/CFT tal-UE billi toħloq mekkaniżmu integrat mas-superviżuri nazzjonali fl-istati membri biex jiġi żgurat li l-entitajiet marbutin b'obbligu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

Ir-rwol tal-AMLA ser ikun li:

  • tissorvelja direttament xi wħud mill-aktar istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji riskjużi fl-UE, inkluż il-fornituri ta' servizzi tal-kriptoassi
  • taqdi rwol ta' sostenn għas-settur mhux finanzjarju
  • tikkoordina l-UIF fl-istati membri
  • timponi sanzjonijiet pekunarji f'każ ta' ksur serju

Fit-18 ta' Diċembru 2023, ir-rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Parlament laħqu fehim komuni dwar il-proċess għall-għażla tal-uffiċċju reġistrat tal-AMLA. Il-ftehim finali dwar il-post tal-uffiċċju reġistrat tal-AMLA ntlaħaq fit-22 ta' Frar 2024

X'qed tagħmel l-UE biex tiġġieled it-terroriżmu?

Ara fuq għoxrin sena ta' storja u esplora kif il-pajjiżi tal-UE kkooperaw dejjem aktar mill-qrib fil-ġlieda kontra t-terroriżmu: mill-prevenzjoni li t-terroristi jixtru l-armi jew jibnu bombi, sal-ġlieda, l-ewwel u qabel kollox, kontra r-radikalizzazzjoni.

L-istampa turi globu u fuqu ikoni ta' informazzjoni konnessi permezz ta' tikek. Jidhru tliet idejn u kull waħda minnhom għandhom lenti li tiffoka fuq passaport, xi karti tal-flus u marka tas-swaba'. Fl-isfond jidher sema msaħħab.

L-aħħar reviżjoni: 18 ta' Frar 2026