- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 13 ta' Marzu 2019 19:35
L-UE tifforma l-programm tal-politika spazjali futur tagħha
L-UE qed tfassal il-programm tal-politika spazjali tagħha għas-snin 2021-2027. L-ambaxxaturi għall-UE li ltaqgħu fil-Coreper illum ikkonfermaw il-fehim komuni milħuq mill-Presidenza Rumena mal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament dwar programm spazjali tal-UE.
Il-fehim komuni jeskludi aspetti finanzjarji u oħrajn orizzontali tal-programm, li ser jiddependu fuq il-ftehim ġenerali futur dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.
Ir-regolament ser jiżgura:
- data u servizzi relatati mal-ispazju ta' kwalità għolja, aġġornati u siguri;
- benefiċċji soċjoekonomiċi akbar mill-użu ta' tali data u servizzi, bħal aktar tkabbir u ħolqien ta' impjiegi fl-UE;
- aktar sigurtà u awtonomija strateġika tal-UE;
- rwol aktar b'saħħtu għall-UE bħala attur ewlieni fis-settur tal-ispazju.
Ser jikseb dan billi:
- jissimplifika u jirrazzjonalizza l-qafas legali eżistenti tal-UE dwar il-politika spazjali;
- jipprovdi lill-UE b'baġit adegwat għas-settur tal-ispazju sabiex tkompli għaddejja bil-programmi emblematiċi eżistenti dwar l-ispazju u ttejjibhom, bħal EGNOS, Galileo u Copernicus, kif ukoll timmonitorja l-perikli spazjali permezz tal-programm "għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju" (SSA), u tipprovdi aċċess għal komunikazzjonijiet siguri bis-satellita għall-awtoritajiet nazzjonali (GOVSATCOM);
- jistabbilixxi r-regoli għall-governanza tal-programm spazjali tal-UE; jistandardizza l-qafas tas-sigurtà tal-programm spazjali.
Il-passi li jmiss
Il-Kunsill jistenna li n-negozjati mal-Parlament Ewropew li jmiss jerġgħu jibdew malajr kemm jista' jkun, bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati abbażi tal-progress miksub, kif rifless fil-fehim komuni. Jeħtieġ li n-negozjati jqisu wkoll il-ftehim ġenerali futur dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027.
Sfond
Fis-6 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal Regolament għal programm spazjali għall-Unjoni Ewropea. Ir-regolament propost huwa parti mis-segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa (SSE).
Il-baġit għall-programm ser jiġi ffinalizzat biss ladarba jkun hemm ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021–2027. Il-proposta tal-Kummissjoni tissuġġerixxi baġit globali għall-programm ta' €16-il biljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu 2021-2027 bit-tqassim indikattiv li ġej: €9.7 biljun għal Galileo u EGNOS, €5.8 biljun għal Copernicus u €0.5 biljun għal SSA u GOVSATCOM.
Kuntatti għall-istampa
-
Ferran Tarradellas Espuny Press officer
- +32 473 95 45 74
- +32 2 281 6291
- @TarradellasEU
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025