Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 13 ta' Mejju 2019 16:55

Libja: Dikjarazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Il-Kunsill illum iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Libja u adotta d-dikjarazzjoni li ġejja:

"L-attakk militari tal-Armata Nazzjonali Libjana fuq Tripli u l-eskalazzjoni sussegwenti fil-kapital u madwar jikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u jkompli jhedded l-istabbiltà tal-Libja.

Barra minn hekk, iżid ir-riskju ta’ theddid terroristiku akbar madwar il-pajjiż.

L-UE tibqa’ impenjata b'mod sħiħ favur is-sovranità, l-indipendenza, l-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tal-Libja.

L-UE tappella lill-partijiet kollha biex jimplimentaw immedjatament il-waqfien mill-ġlied u jikkooperaw man-Nazzjonijiet Uniti biex jiżguraw waqfien sħiħ u komprensiv tal-ostilitajiet. Hija tappella wkoll biex jiddiżassoċjaw lilhom infushom kemm pubblikament kif ukoll fuq il-post minn elementi terroristiċi u kriminali involuti fil-ġlied, u minn dawk suspettati b’delitti tal-gwerra, inkluż individwi elenkati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

L-UE hija profondament imħassba dwar it-telf ta’ ħajjiet, l-għadd dejjem jikber ta’ persuni spostati internament u l-impatt fuq il-flussi migratorji. Il-partijiet kollha jridu jipproteġu liċ-ċivili, inkluż il-migranti u r-refuġjati, billi jippermettu u jiffaċilitaw twassil sikur, rapidu u mingħajr xkiel ta’ għajnuna u servizzi umanitarji lil dawk kollha affettwati, u kif stipulat skont il-Liġi Umanitarja Internazzjonali u l-Liġi Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

L-UE tfakkar li l-attakki indiskriminati fuq żoni residenzjali b’popolazzjoni densa jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra. Dawk li jiksru l-Liġi Umanitarja Internazzjonali jridu jinżammu responsabbli.

L-UE tfakkar li m’hemmx soluzzjoni militari għall-kriżi fil-Libja u tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom mill-ġdid għad-djalogu politiku ffaċilitat min-Nazzjonijiet Uniti u biex jaħdmu favur soluzzjoni politika komprensiva għall-kriżi fil-Libja kif miftiehem f’Pariġi f’Mejju 2018, f’Palermo f’Novembru 2018, u f’Abu Dhabi fi Frar 2019 sabiex iwittu t-triq biex isiru l-elezzjonijiet nazzjonali.

L-UE tafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tagħha għall-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali (SRSG) u l-Missjoni ta’ Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL). Hija tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jirrispettaw bis-sħiħ l-embargo fuq l-armi u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ tkompli ddgħajjef id-djalogu politiku ffaċilitat min-NU. Hija tħeġġiġhom ukoll biex jikkooperaw b’mod kostruttiv mal-SRSG bil-għan li tinkiseb soluzzjoni politika mmexxija mil-Libja u li l-Libja tkun responsabbli għaliha permezz ta’ proċess politiku inklużiv, bil-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa, biex l-Libja jkollha s-sigurtà, sostenibbiltà politika u ekonomika, u unità nazzjonali".

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Libja.
Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024