Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 7 ta' Ottubru 2019 17:22

Ġestjoni tal-fruntieri: l-UE tiffirma ftehim mal-Montenegro dwar kooperazzjoni mal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

Illum, l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehim mal-Montenegro dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri bejn il-Montenegro u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). Il-Ftehim ġie ffirmat f'isem l-UE minn Maria Ohisdalo, Ministru għall-Intern tal-Finlandja u President tal-Kunsill, u minn Dimitris Avramopoulos, Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, u f'isem il-Montenegro mill-Ministru għall-Intern, Mevludin Nuhodžić.

L-objettiv ta' dan il-ftehim huwa li l-Frontex tkun tista' tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-istati membri tal-UE u l-Montenegro dwar il-ġestjoni tal-fruntieri li jaqsmu l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro. L-iffirmar ta' dan il-ftehim huwa dimostrazzjoni oħra tal-approfondiment u l-espansjoni tal-kooperazzjoni mal-Montenegro. Dan ser iġib benefiċċji għaż-żewġ partijiet, b'mod partikolari fit-titjib tal-attivitajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri. Maria Ohisalo, Ministru għall-Intern tal-Finlandja
Illum, qed insaħħu aktar il-kooperazzjoni tagħna mal-Montenegro dwar il-fruntieri, waqt li nagħmlu pass ieħor biex inqarrbu r-reġjun tal-Balkani tal-Punent lejn l-UE. Quddiemna għandna l-istess sfidi migratorji u ta' sigurtà u r-rispons tagħna jrid ikun konġunt ukoll. Dimitris Avramopoulos, Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza

Dan il-ftehim jippermetti lill-Frontex tgħin lill-Montenegro fil-ġestjoni tal-fruntieri, twettaq operazzjonijiet konġunti u tistazzjona timijiet fir-reġjuni tal-Montenegro li jmissu mal-UE, soġġett għall-qbil tal-Montenegro.

Dawn l-attivitajiet għandhom l-għan li jindirizzaw l-immigrazzjoni illegali, b'mod partikolari bidliet f'daqqa fil-flussi migratorji, u l-kriminalità transkonfinali, u jistgħu jinvolvu żieda fil-provvista ta' assistenza teknika u operazzjonali fuq il-fruntiera.

Il-kooperazzjoni msaħħa bejn pajjiżi terzi prijoritarji u l-Frontex ser tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-immigrazzjoni illegali u tissaħħaħ aktar is-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE.

Il-passi li jmiss

L-abbozz ta' deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim intbagħat lill-Parlament Ewropew, li jeħtieġ li jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex il-ftehim jiġi konkluż.

L-UE nnegozjat jew qed tinnegozja ftehimiet dwar il-ġestjoni tal-fruntieri ma' pajjiżi mhux tal-UE. Skopri d-dettalji fl-infografika tagħna.
Ġestjoni tal-fruntieri: ftehimiet ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE (Infografika)

Ġestjoni tal-fruntieri: ftehimiet ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE (Infografika)

Informazzjoni ġenerali

Il-ftehim tal-lum dwar l-istatus huwa t-tieni ftehim bħal dan li ġie konkluż ma' pajjiż sieħeb, wara li ġie ffirmat ftehim simili mal-Albanija f'Ottubru 2018. In-negozjati mal-Montenegro ġew konklużi fil-5 ta' Lulju 2018 u l-abbozz tal-ftehim dwar l-istatus ġie inizjalat mill-Kummissarju Avramopoulos u l-Ministru għall-Intern tal-Montenegro Mevludin Nuhodžić fi Frar 2019. Fid-19 ta' Marzu 2019 il-Kunsill imbagħad awtorizza l-iffirmar tal-ftehim.

Ftehimiet ta' status simili ġew inizjalati wkoll mal-Maċedonja ta’ Fuq (Lulju 2018), mas-Serbja (Settembru 2018) u mal-Bożnija-Ħerzegovina (Jannar 2019) u għad iridu jiġu ffinalizzati.

Fit-22 ta' Mejju ta' din is-sena, il-Frontex nediet fl-Albanija l-ewwel operazzjoni konġunta li qatt saret fit-territorju ta' pajjiż ġar li mhuwiex fl-UE.

Il-Frontex tista' tistazzjona u twettaq operazzjonijiet konġunti fit-territorju ta' pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE, soġġett għall-konklużjoni minn qabel ta' ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiż ikkonċernat.

Aktar kmieni din is-sena, wara proposta mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jsaħħu l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Dan ser jippermetti li l-operazzjonijiet konġunti u l-istazzjonamenti jsiru f'pajjiżi lil hinn mill-viċinat immedjat tal-UE.

Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi hija element importanti tal-kunċett ta' ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Dan il-kunċett huwa applikat permezz ta' mudell ta' aċċess fuq erba' livelli li jinkludi: miżuri f'pajjiżi terzi, miżuri ma' pajjiżi terzi ġirien, miżuri ta' kontroll tal-fruntieri u miżuri fiż-żona Schengen.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025