- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 5 ta' Mejju 2020 15:30
COVID-19: Il-Kunsill japprova pakkett ta' għajnuna ta' €3 biljun biex jappoġġa pajjiżi sħab
L-ambaxxaturi għall-UE llum approvaw proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi sa €3 biljun ta' għajnuna makrofinanzjarja lil għaxar sħab tat-tkabbir u tal-viċinat biex tgħinhom ilaħħqu mal-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.
Il-pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat huma l-eqreb sħab tagħna. Issa aktar minn qatt qabel, huwa assolutament essenzjali li nieqfu ma' xulxin u nuru solidarjetà meta nindirizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali ta' din il-kriżi dinjija. Zdravko Maric, Ministru għall-Finanzi tal-Kroazja
L-għajnuna finanzjarja ser tingħata f'forma ta' self b'termini favorevoli ħafna u ser tiġi allokata kif ġej:
- L-Albanija: €180 miljun
- Il-Bożnija-Ħerzegovina: €250 miljun
- Il-Georgia: €150 miljun
- Il-Ġordan: €200 miljun
- Il-Kosovo*: €100 miljun
- Il-Moldova: €100 miljun
- Il-Montenegro: €60 miljun
- Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq: €160 miljun
- It-Tuneżija: €600 miljun
- L-Ukrajna: €1200 miljun.
L-għajnuna tal-UE ser tgħin lil dawn il-ġurisdizzjonijiet ikopru l-ħtiġijiet finanzjarji immedjati tagħhom li żdiedu b'riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19. Flimkien mal-appoġġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali, il-fondi ser jgħinu biex isaħħu l-istabbiltà makroekonomika u joħolqu spazju biex ir-riżorsi jkunu jistgħu jiġu allokati għall-protezzjoni taċ-ċittadini u biex jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-coronavirus.
Il-fondi ser ikunu disponibbli għal tnax-il xahar u ser jingħataw f'żewġ pagamenti. Is-self ikollu maturità medja massima ta' 15-il sena. L-għajnuna ser tkun soġġetta għal memorandum ta' qbil (MtQ), li għandu jintlaħaq qbil dwaru bejn kull sieħeb u l-Kummissjoni.
Jeħtieġ li t-test jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill qabel ma jkun jista' jidħol fis-seħħ.
*Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Frar 2024