- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 14 ta' Diċembru 2020 10:00
Kriptaġġ: Il-Kunsill jadotta riżoluzzjoni dwar is-sigurtà permezz tal-kriptaġġ u sigurtà minkejja l-kriptaġġ
Illum il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar il-kriptaġġ, li tenfasizza l-ħtieġa għas-sigurtà permezz tal-kriptaġġ u sigurtà minkejja l-kriptaġġ.
F'din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill jissottolinja l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu ta' kriptaġġ b'saħħtu bħala mezz meħtieġ għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u s-sigurtà diġitali taċ-ċittadini, il-gvernijiet, l-industrija u s-soċjetà. Fl-istess ħin, il-Kunsill jinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat legali tagħhom, kemm online kif ukoll offline, biex jipproteġu s-soċjetajiet u ċ-ċittadini tagħna.
L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura qegħdin jiddependu dejjem aktar mill-aċċess għal evidenza elettronika biex jiġu miġġielda b'mod effettiv it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, l-abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll għadd ta' reati oħra marbuta maċ-ċiberkriminalità u ffaċilitati miċ-ċibernetika. It-tali aċċess huwa essenzjali għas-suċċess tal-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju. Madankollu, hemm każijiet fejn il-kriptaġġ jagħmel l-aċċess għall-evidenza u l-analiżi tagħha estremament diffiċli jew impossibbli fil-prattika.
L-UE qed tistinka biex tistabbilixxi diskussjoni attiva mal-industrija tat-teknoloġija, u bl-involviment mill-qrib tar-riċerka, id-dinja akkademika, l-industrija, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra, sabiex jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-iżgurar tal-użu kontinwu ta' teknoloġija ta' kriptaġġ b'saħħitu u l-garanzija tas-setgħat tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura biex joperaw bl-istess termini bħal dawk fid-dinja offline. Soluzzjonijiet tekniċi potenzjali ser ikollhom bżonn jirrispettaw il-privatezza u d-drittijiet fundamentali, u jippreservaw il-valur li jġib miegħu l-progress teknoloġiku għas-soċjetà.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Frar 2025