- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 22 ta' Frar 2022 14:05
L-Ukrajna: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar id-deċiżjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jkomplu jdgħajfu s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna
L-UE tikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-President Putin li jirrikonoxxi ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tar-reġjuni tal-Ukrajna ta' Donetsk u Luhansk bħala entitajiet indipendenti u d-deċiżjoni sussegwenti li jintbagħtu truppi Russi f'dawn iż-żoni. Dan l-att illegali jkompli jdgħajjef is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u huwa ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inkluż il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, il-Karta ta' Pariġi u l-Memorandum ta' Budapest.
Bħala firmatarja tal-ftehimiet ta' Minsk, ir-Russja għandha responsabbiltà ċara u diretta li taħdem biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitt f'konformità ma' dawn il-prinċipji. Bid-deċiżjoni li r-reġjun mhux ikkontrollat mill-gvern tal-Ukrajna tal-Lvant jiġi rikonoxxut bħala "stati indipendenti", ir-Russja qed tikser b'mod ċar il-ftehimiet ta' Minsk, li jistipulaw ir-ritorn sħiħ ta' dawn iż-żoni għall-kontroll tal-gvern Ukren.
Għalhekk ir-Russja qed tikser l-impenn tagħha li taħdem fil-format tan-Normandija u l-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali biex tinstab soluzzjoni paċifika għal dan il-kunflitt, impenn li rrepetiet f'diversi okkażjonijiet, inkluż reċentement ħafna. Qed tikser ukoll ir-Riżoluzzjoni 2202 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li teħtieġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk.
Aħna nħeġġu lir-Russja, bħala parti fil-kunflitt, biex treġġa' lura r-rikonoxximent, tonora l-impenji tagħha, tirrispetta d-dritt internazzjonali u terġa' lura għad-diskussjonijiet fil-format tan-Normandija u l-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali. Nappellaw lil Stati oħra biex ma jsegwux id-deċiżjoni illegali tar-Russja li tirrikonoxxi din l-indipendenza proklamata.
L-UE ser twieġeb għal dan il-ksur l-aktar reċenti bħala kwistjoni ta' urġenza b'miżuri restrittivi addizzjonali, inkluż fir-rigward tar-relazzjonijiet ekonomiċi kollha maż-żoni kkontrollati mhux governattivi, kif ukoll deżinjazzjonijiet kontra individwi u entitajiet responsabbli għad-dgħajfien tal-integrità territorjali tal-Ukrajna, f'koordinazzjoni mas-sħab tagħna.
Aħna nwissu lir-Russja kontra l-użu tal-patti ġodda ffirmati mar-"repubbliki" awtoproklamati bħala skuża biex jittieħdu passi militari ulterjuri kontra l-Ukrajna. L-UE tinsab lesta biex tadotta malajr aktar sanzjonijiet politiċi u ekonomiċi mifruxin.
L-UE ttenni l-appoġġ u l-impenn sod tagħha għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment. L-UE tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħha mal-Ukrajna.
Il-Pajjiżi Kandidati tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija1), il-pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u l-kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.
1)Il-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni
Kuntatti għall-istampa
-
Peter Stano Kelliem Ewlieni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
- +32 2 295 45 53
- +32 460 75 45 53
- @ExtSpoxEU
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Frar 2024