"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill jaqbel dwar mekkaniżmu temporanju biex jiġu limitati l-prezzijiet eċċessivi tal-gass
Illum il-ministri għall-enerġija tal-UE laħqu qbil politiku dwar Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq biex jipproteġi liċ-ċittadini u lill-ekonomija kontra prezzijiet eċċessivament għoljin. Ir-regolament għandu l-għan li jillimita l-episodji ta' prezzijiet eċċessivi tal-gass fl-UE li ma jirriflettux il-prezzijiet tas-suq dinji, filwaqt li jiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.
Irnexxielna nilħqu qbil importanti li ser jipproteġi liċ-ċittadini mill-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew. Ser nistabbilixxu mekkaniżmu realistiku u effettiv, li jinkludi s-salvagwardji meħtieġa li ser jiggwidawna 'il bogħod mir-riskji għas-sigurtà tal-provvista u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Għal darb'oħra, urejna li l-UE hija magħquda u mhu ser tħalli lil ħadd juża l-enerġija bħala arma.
Jozef SÍKELA, ministru għall-industrija u l-kummerċ taċ-Ċekja
Attivazzjoni u diżattivazzjoni
Il-mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq jiġi attivat awtomatikament jekk iseħħ l-"avveniment ta' korrezzjoni tas-suq" li ġej:
- Il-prezz ta' xahar bil-quddiem fuq il-Faċilità ta' Trasferiment ta' Titoli (TTF) jaqbeż il-180€/MWh għal tlett ijiem ta' xogħol;
u
- Il-prezz tat-TTF xahar bil-quddiem huwa €35 ogħla mill-prezz ta' referenza għal-LNG fis-swieq globali għall-istess tlett ijiem ta' xogħol.
Il-mekkaniżmu ser japplika mill-15 ta' Frar 2023. L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) ser timmonitorja kontinwament is-swieq u jekk tosserva li seħħ avveniment ta' korrezzjoni tas-suq, ser tippubblika "avviż ta' korrezzjoni tas-suq" fuq is-sit web tagħha.
Waqt li l-mekkaniżmu jkun attiv, it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-futuri tal-gass naturali fil-kamp ta' applikazzjoni tal-MCM li jkunu ogħla mill-hekk imsejjaħ "limitu dinamiku tal-offerti" mhux ser jitħallew isiru. Il-"limitu dinamiku tal-offerti" huwa l-prezz ta' referenza għal-LNG fis-swieq globali (ibbażat fuq basket internazzjonali ta' ċentri tat-tranżazzjonijiet tal-LNG) flimkien ma' €35/MWh. Jekk il-prezz ta' referenza għal-LNG ikun inqas minn €145, il-limitu dinamiku tal-offerti jibqa' fis-somma ta' €145 u €35.
Ladarba jiġi attivat, il-limitu dinamiku tal-offerti ser japplika għal mill-inqas 20 jum ta' xogħol. Jekk il-limitu dinamiku tal-offerti jkun inqas minn €180/MWh għall-aħħar tlett ijiem ta' xogħol konsekuttivi, dan jiġi diżattivat awtomatikament.
Il-limitu dinamiku tal-offerti ser jiġi diżattivat awtomatikament ukoll, fi kwalunkwe ħin, jekk emerġenza reġjonali jew tal-Unjoni tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-regolament dwar is-sigurtà tal-provvista, b'mod partikolari f'sitwazzjoni fejn il-provvista tal-gass ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa d-domanda għall-gass ("razzjonalizzazzjoni").
Fiż-żewġ każijiet, l-ACER ser tippubblika "nota ta' diżattivazzjoni" fuq is-sit web tagħha.
Mekkaniżmu ta' sospensjoni
Ir-regolament jinkludi mekkaniżmu ta' sospensjoni, jekk jiġu identifikati riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-istabbiltà finanzjarja, il-flussi tal-gass intra-UE, jew riskji ta' żieda fid-domanda għall-gass.
Il-Kummissjoni, l-ESMA u l-ACER ser jimmonitorjaw u jirrieżaminaw kontinwament il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq mill-jum tad-dħul fis-seħħ tar-regolament fl-1 ta' Frar 2023. Fi kwalunkwe ħin, meta tali riskji jew disturbi fis-suq jimmaterjalizzaw, il-Kummissjoni ser tadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni biex tissospendi l-mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq.
Il-mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq ser jiġi sospiż, b'mod partikolari jekk id-domanda għall-gass tiżdied bi 15% f'xahar jew b'10% f'xahrejn, l-importazzjoni tal-LNG tonqos b'mod sinifikanti, jew il-volum innegozjat fuq it-TTF jonqos b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-istess perjodu sena ilu.
Id-deċiżjoni ta' sospensjoni tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara.
Kamp ta' applikazzjoni
Ir-regolament jintroduċi mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq fuq pjattaformi virtwali għan-negozjar tal-gass fl-UE.
L-istati membri qablu li l-mekkaniżmu ser japplika għal kuntratti tad-derivattivi xahar bil-quddiem, tliet xhur bil-quddiem u sena bil-quddiem. Dan jirreferi għaż-żmien li matulu l-kuntratt jista' jinxtara b'ċertu prezz qabel ma jiskadi. Il-limitu massimu mhux ser japplika għall-kummerċ barra l-Borża (OTC) (fejn il-parteċipanti jinnegozjaw direttament bejn żewġ partijiet, mingħajr ma jkunu elenkati fuq skambju), skambji ta' ġurnata bil-quddiem u skambji tal-istess ġurnata.
Sat-23 ta' Jannar 2023, l-ESMA u l-ACER ser jippubblikaw rapport preliminari dwar id-data rigward l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq. L-ESMA u l-ACER ser jivvalutaw l-effetti tal-mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq fuq is-swieq finanzjarji u tal-enerġija u fuq is-sigurtà tal-provvista, biex jivverifikaw jekk l-elementi ewlenin u l-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq għadhomx xierqa fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq finanzjarju u tal-enerġija u fis-sigurtà tal-provvista, u jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni sal-1 ta' Marzu 2023. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tipproponi emendi biex teskludi ċentri oħra għajr it-TTF mir-regolament f'każ li l-inklużjoni tagħhom ikollha effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-mekkaniżmu, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2023.
Sal-1 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni ser twettaq rieżami tar-regolament fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-provvista tal-gass u abbażi ta' dak ir-rapport, tista' tipproponi li testendi l-validità tiegħu.
It-test ser ikun disponibbli aktar tard.
Informazzjoni ġenerali u l-passi li jmiss
Ir-regolament issa ser jiġi adottat formalment mill-Kunsill permezz ta' proċedura bil-miktub u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
Ir-regolament ser jidħol fis-seħħ fil-15 ta' Frar 2023. Ir-regolament huwa temporanju u ser japplika għal sena.
Il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament tal-Kunsill fit-22 ta' Novembru 2022 skont l-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, maħsub għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza.