Skip to content

Kif wieġbet għall-kriżi tal-enerġija tal-2022 l-UE?

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat kriżi tal-enerġija bla preċedent fl-Ewropa fl-2022. Il-pajjiżi tal-UE kienu magħqudin u r-rispons tagħhom għen biex il-prezzijiet jinżammu baxxi.

Kif l-UE wieġbet għall-kriżi tal-enerġija

Il-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna u l-użu tal-enerġija bħala arma politika mir-Russja kellhom impatt devastanti fuq is-swieq tal-enerġija. Il-kriżi tal-enerġija laħqet l-eqqel tagħha f'Awwissu 2022, meta l-prezzijiet tal-enerġija laħqu livelli rekord. Il-kontijiet tal-enerġija eċċezzjonalment għoljin kienu daqqa qawwija għan-nies u n-negozji madwar l-UE.

Il-pajjiżi tal-UE kienu magħqudin u rapidi fir-rispons tagħhom. Ġimgħat biss wara li r-Russja invadiet lill-Ukrajna, il-mexxejja tas-27 stat membru tal-UE ddeċidew li l-UE tibda titbiegħed mid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi malajr kemm jista' jkun billi:

  • tiddiversifika l-provvisti u l-fornituri
  • tnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili u tħaffef il-bidla lejn enerġija aktar nadifa

Il-Kummissjoni Ewropea malajr nediet il-pjan REPowerEU – pjan dettaljat biex tiżdied l-awtonomija enerġetika tal-UE u tingħata spinta lill-enerġija nadifa.

Fix-xhur ta' wara, il-pajjiżi tal-UE ħadmu bla hedafil-Kunsill biex jadottaw leġiżlazzjoni biex jitwettqu l-miri ta' REPowerEU.

Għall-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet, il-Kunsill aġixxa waħdu bħala leġiżlatur tal-UE, kif permess skont l-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

Fil-Kunsill, il-pajjiżi tal-UE adottaw sitt ġabriet ta' miżuri leġiżlattivi f'inqas minn sena. Ir-regoli ġew adottati fi żmien rekord – bħala medja damu ftit xhur biss biex jaslu mill-istadju tal-proposta għad-dħul fis-seħħ, meta mqabbla mas-sentejn li ġeneralment ikunu meħtieġa biex tiġi ppromulgata l-leġiżlazzjoni tal-UE.

Kooperazzjoni u solidarjetà

Il-ħidma flimkien irriżultat l-aħjar mod kif il-pajjiżi tal-UE jtaffu l-impatt tal-kriżi u jnaqqsu r-riskji komuni u individwali marbutin mal-provvista tal-enerġija.

Il-ministri għall-enerġija tas-27 stat membru tal-UE kellhom għaxar laqgħat tal-Kunsill, inkluż għadd li saru fi żmien qasir, bejn il-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa Russa u tmiem l-2022. Dawn kienu kruċjali biex jintlaħaq qbil dwar regoli komuni biex iċ-ċittadini u n-negozji jitħarsu aħjar mill-ispejjeż tal-enerġija li qed jiżdiedu.

Is-solidarjetà fost il-pajjiżi tal-UE kienet kruċjali biex tiġi żgurata l-provvista tal-gass, b'mod partikolari għal dawk il-pajjiżi li kienu aktar dipendenti fuq l-enerġija Russa u għalhekk milquta aktar minn qtugħ fil-provvista.

Ir-riżultati tal-azzjoni konġunta

L-isforzi konġunti taw il-frott. Wara xhur ta' żieda qawwija fil-prezzijiet, il-prezz tal-gass fl-UE naqas sostanzjalment lejn tmiem l-2022 u baqa' relattivament stabbli fl-2023. F'Diċembru 2023, megawatt siegħa (MWh) ta' gass kienet tiswa €34 – kważi disa' darbiet inqas milli kienet tiswa fl-eqqel tal-kriżi, meta l-prezz laħaq aktar minn €300/MWh.

Sigurtà fil-provvista

Il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass kienu mimlija b'aktar minn 99% tal-kapaċità tagħhom f'Ottubru 2023 u b'aktar minn 90% tal-kapaċità tagħhom f'Ottubru 2024. Dan żgura riżervi abbundanti qabel kull staġun kiesaħ.

Tnaqqis fid-domanda għall-enerġija

Il-pajjiżi tal-UE ħadmu flimkien biex inaqqsu d-domanda għall-enerġija. Il-konsum tal-gass naqas bi 18% bejn Awwissu 2022 u Mejju 2024, meta mqabbel mal-ħames snin ta' qabel.

Anqas dipendenza fuq ir-Russja

L-UE ddiversifikat malajr l-importazzjoni tal-enerġija lil hinn mir-Russja. L-importazzjonijiet tal-gass naturali likwifikat (LNG) u tal-gass naturali bil-pipelines mir-Russja naqsu minn 45% fis-snin ta' qabel il-kriżi għal 13% fl-2025, u ser jiġu pprojbiti kompletament minn tmiem l-2026 u l-ħarifa tal-2027 rispettivament.

Spinta lis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli

L-2023 kienet sena rekord ġdida għall-enerġija solari, b'56 gigawatt ta' kapaċità fotovoltajka ġdida installata, li hija 60% aktar minn fl-2021 (26 GW). F'Mejju 2022, għall-ewwel darba, fl-UE ġie ġġenerat aktar elettriku mill-enerġija mir-riħ u mix-xemx milli mill-fjuwils fossili.

Miżuri ta' emerġenza fil-prattika

1. Diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija

Aktar minn nofs l-enerġija kollha disponibbli fl-UE hija importata. Filwaqt li fl-2020 ir-Russja kienet għadha l-fornitur ewlieni tal-UE għall-fjuwils fossili, dan inbidel malajr wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022. F'Marzu 2022, il-mexxejja tal-UE qablu li jeliminaw gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet mir-Russja ta' gass, żejt u faħam. Bħala konsegwenza, il-fornituri ewlenin tal-fjuwils fossili tal-UE issa huma pajjiżi bħall-Istati Uniti, in-Norveġja, l-Alġerija u l-Awstralja.

Id-diversifikazzjoni tal-provvisti u tal-fornituri hija pass meħtieġ biex jissaħħu r-reżiljenza u l-awtonomija enerġetika tal-UE, speċjalment f'każ ta' nuqqas ta' enerġija.

Azzjonijiet tal-UE:

  • l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-enerġija Russa
  • żieda fil-volumi tal-importazzjonijiet minn pajjiżi sħab, b'mod partikolari l-Istati Uniti u n-Norveġja
  • żieda fl-importazzjonijiet tal-LNG

F'Jannar 2026, il-Kunsill adotta regolament li jtemm għalkollox l-importazzjonijiet tal-LNG u tal-gass bil-pipeline Russi sa tmiem l-2026 u l-ħarifa tal-2027 rispettivament.

L-infografika tipprovdi data reċenti dwar il-provvista tal-gass tal-UE.
Minn fejn jiġi l-gass tal-UE? (Infografika)

Minn fejn jiġi l-gass tal-UE? (Infografika)

2. Mili tar-riżervi

Waqt li l-konsenji tal-gass saru inqas prevedibbli matul il-kriżi tal-enerġija, inkluż minħabba li r-Russja waqqfet il-konsenji lejn għadd ta' pajjiżi tal-UE, il-Kunsill ħa miżuri urġenti biex:

  • jiżgura l-provvisti tal-gass għall-istaġun kiesaħ
  • inaqqas id-domanda għall-gass fl-UE

F'Ġunju 2022, il-Kunsill adotta regolament biex jiġi żgurat li l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass jimtlew mill-anqas sa 90% tal-kapaċità qabel l-istaġun tal-kesħa. Dan żgura li l-pajjiżi tal-UE kellhom biżżejjed riżervi biex isaħħnu d-djar u jmexxu n-negozji.

F'Lulju 2025, il-Kunsill adotta estensjoni ta' sentejn tar-regoli u introduċa flessibbiltà addizzjonali, li tippermetti lill-istati membri jaġġustaw għal kundizzjonijiet tas-suq li dejjem jevolvu u jiġġieldu l-manipulazzjoni potenzjali tas-suq.

Ir-riżervi tal-gass fl-UE f'dawn l-aħħar snin

Verżjoni testwali

Il-grafika lineari tqabbel il-livell tal-mili tal-ħżin tal-gass matul is-sena għas-snin 2021-2025. Fl-2022, l-2023 u l-2024, il-livell medju tal-ħżin kien ferm ogħla milli fl-2021. Fl-2022, il-mira ta' mili sa 80% intlaħqet f'Awwissu. Fl-2023, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass f'Lulju kienu mimlija b'aktar minn 80% tal-kapaċità u f'Awwissu b'aktar minn 90%. Fl-2024, il-limitu ta' 90% kien diġà ntlaħaq sa Awwissu. Fl-2025, il-livelli ta' riżerva kienu aktar baxxi, parzjalment minħabba xitwa relattivament ħarxa fl-Ewropa, iżda fil-biċċa l-kbira baqgħu ogħla mill-medji tal-2021.

Id-data ġejja minn Gas Infrastructure Europe.

3. Tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija

Il-pajjiżi tal-UE adottaw regolament ta' emerġenza biex jgħinu liċ-ċittadini u lin-negozji l-aktar affettwati mill-kriżi tal-enerġija.

Ir-regolament kien jinkludi tliet miżuri ta' emerġenza:

  • it-tnaqqis tal-użu tal-elettriku
  • limitu massimu fuq id-dħul tal-produtturi tal-elettriku
  • l-iżgurar ta' kontribuzzjoni ta' solidarjetà min-negozji tal-fjuwils fossili

Ir-regoli l-ġodda ppermettew lill-istati membri jiġbru fondi mis-surplus tal-profitti tal-kumpaniji tal-enerġija u jqassmuhom mill-ġdid lill-persuni u n-negozji l-aktar vulnerabbli fl-UE, u b'hekk jagħtu appoġġ dirett lil dawk li qed jitħabtu biex iħallsu l-kontijiet tagħhom.

Barra minn hekk, l-UE ħadmet fuq riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku. Ir-riforma għandha l-għan li tevita żidiet kbar fil-prezzijiet tal-elettriku b'enfasi fuq:

  • protezzjoni aħjar għall-konsumaturi
  • aktar stabbiltà għall-kumpaniji
  • żieda fis-sehem tal-elettriku ekoloġiku

Fil-mudell attwali tas-suq, il-prezz tal-elettriku huwa ddeterminat mis-sors tal-enerġija bl-ogħla spejjeż (matul il-kriżi tal-enerġija, dan kien il-gass). L-għan tar-riforma huwa li l-prezzijiet tal-elettriku jsiru inqas dipendenti fuq il-prezz tal-fjuwils fossili u b'dan il-mod jitnaqqsu l-kontijiet tal-elettriku mħallsa mill-konsumaturi.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar ir-riforma f'Diċembru 2023. Il-Kunsill adotta r-riforma fir-rebbiegħa tal-2024.

Collage ta' graph b'linja ħadra b'ikoni tal-enerġija u prezzijiet differenti u bozza li fiha munita ta' euro, li tissimbolizza l-ispejjeż tal-elettriku li qed jinbidlu.
Riforma tas-suq tal-elettriku

Riforma tas-suq tal-elettriku

4. Tisħiħ tas-solidarjetà

Ġew stabbiliti wkoll miżuri biex jissaħħu l-kooperazzjoni u s-solidarjetà fost l-istati membri u biex isir possibbli li l-istati membri u l-kumpaniji tal-enerġija jixtru l-gass b'mod konġunt fis-swieq globali.

Il-ġbir flimkien tad-domanda fil-livell tal-UE ta lill-pajjiżi tal-UE ingranaġġ aħjar fir-rigward tax-xiri tal-gass fis-swieq globali u evita li l-offerti tal-istati membri jaqbżu lil xulxin.

Ir-regoli l-ġodda jespandu wkoll il-ftehimiet ta' solidarjetà bejn il-pajjiżi tal-UE. Il-pajjiżi li għad m'għandhomx ftehim ma' stat membru ieħor tal-UE setgħu jitolbu solidarjetà jekk kienu jeħtiġuha.

Taqsima ta' pipeline tal-gass bi vleġeġ li juru l-fluss tal-gass. Fin-nofs: 12-il stilla f'ċirku bħal fl-emblema tal-UE.

5. Prevenzjoni ta' xokkijiet fil-prezzijiet

Il-pajjiżi tal-UE qablu dwar mekkaniżmu tas-suq biex jiġu limitati l-episodji ta' prezzijiet tal-gass straordinarjament għoljin fl-UE u b'hekk jitnaqqas l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet fuq iċ-ċittadini u l-ekonomija.

Kif ħadmet? Seta' jiġi applikat prezz massimu għat-tranżazzjonijiet tal-gass jekk il-prezzijiet tal-gass jilħqu livelli eċċezzjonali.

Ir-riforma tas-suq tal-elettriku wkollgħandha l-għan li tevita xokkijiet fil-prezzijiet.

6. Nimxu aktar malajr lejn enerġija aktar nadifa

Il-pjan fit-tul tal-UE huwa li tiddekarbonizza s-settur tal-enerġija, f'konformità mal-għanijiet klimatiċi tagħha. Il-kriżi tal-enerġija wasslet lill-mexxejja biex iħaffu l-azzjoni lejn dan l-objettiv.

Il-pajjiżi tal-UE qablu li jagħmlu l-pjanijiet tal-UE aktar ambizzjużi u li jħaffu l-azzjoni:

  • mira ġdida għall-enerġija rinnovabbli: sal-2030 tal-inqas 42.5% tal-enerġija tal-UE ser tiġi minn sorsi rinnovabbli (il-mira inizjali proposta kienet 40%)
  • mira ġdida għall-effiċjenza enerġetika: l-UE ser tnaqqas l-użu tal-enerġija bi 11.7% sal-2030, meta mqabbla mal-previżjonijiet tal-konsum għall-2030 li saru fl-2020
  • miżuri biex titħaffef l-introduzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u jiġu aċċellerati l-proċeduri għall-għoti ta' permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli
  • Ir-riforma tas-suq tal-gass tal-UE, biex il-gass fossili jiġi sostitwit progressivament minn gassijiet rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, inkluż l-idroġenu

Il-bidla lejn enerġija aktar nadifa tgħin ukoll biex tissaħħaħ l-awtonomija enerġetika tal-UE, peress li l-enerġija ekoloġika tista' tiġi prodotta fl-UE u tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet.

Illustrazzjoni ta' żewġ turbini eoliċi moderni quddiem forom astratti.
Kif l-UE qed tekoloġizza l-enerġija

Kif l-UE qed tekoloġizza l-enerġija

Xi kkawża l-kriżi tal-enerġija?

Il-prezzijiet tal-enerġija fl-UE bdew jiżdiedu b'mod sostanzjali fl-2021, bħala riżultat tal-irkupru ekonomiku mill-pandemija tal-COVID-19, li kkawża żieda fid-domanda għall-gass naturali likwifikat u konsum akbar tal-gass fl-Asja.

L-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022 kellha impatt devastanti fuq is-suq tal-enerġija u għolliet il-prezzijiet tal-enerġija għal livelli rekord.

Id-deċiżjoni unilaterali tar-Russja li taqta' l-provvista tal-gass lil għadd ta' pajjiżi tal-UE kkawżat inċertezza, li wasslet għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-gass. Dan kellu impatt ukoll fuq l-ispiża tal-elettriku, li l-prezz tiegħu fl-UE huwa marbut mal-prezz tal-fjuwils fossili.

Ara wkoll

Illustrazzjoni ta' pilun tal-elettriku b'linji tal-elettriku, flimkien ma' network ekoloġiku ta' tikek konnessi li jirrappreżentaw grilja tal-enerġija, b'xemx ċara fl-isfond.
Nikkonnettjaw l-infrastruttura tal-enerġija fl-UE

Nikkonnettjaw l-infrastruttura tal-enerġija fl-UE

Sistema ta' pipelines b'diversi punti mmarkati tul il-mogħdija tagħha. Fuq il-lemin hemm valv skonnettjat b'simbolu tal-bandiera Russa.
It-tmiem tal-importazzjonijiet tal-enerġija Russa

It-tmiem tal-importazzjonijiet tal-enerġija Russa

Mappa li turi ċrieki ta' daqsijiet differenti, kull wieħed minnhom jinsab fi stat membru tal-UE fejn hemm faċilitajiet għall-ħżin tal-gass. Id-daqs ta' kull ċirku jikkorrispondi għall-kapaċità ta' ħżin ta' dak il-pajjiż.
Kemm ħażnu gass il-pajjiżi tal-UE?

Kemm ħażnu gass il-pajjiżi tal-UE?

L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Frar 2026