"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Enerġija), 19 ta' Diċembru 2022
Riżultati prinċipali
Prezzijiet tal-enerġija
Il-ministri għall-enerġija tal-UE laħqu qbil politiku dwar proposta għall-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' korrezzjoni tas-suq biex jipproteġi liċ-ċittadini u lill-ekonomija kontra prezzijiet eċċessivament għoljin.
Irnexxielna nilħqu qbil importanti li ser jipproteġi liċ-ċittadini mill-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew. Ser nistabbilixxu mekkaniżmu realistiku u effettiv, li jinkludi s-salvagwardji meħtieġa li ser jiggwidawna 'il bogħod mir-riskji għas-sigurtà tal-provvista u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Għal darb'oħra, urejna li l-UE hija magħquda u mhu ser tħalli lil ħadd juża l-enerġija bħala arma.
Jozef SÍKELA, ministru għall-industrija u l-kummerċ taċ-Ċekja
Ir-Regolament huwa miżura temporanja ta' emerġenza li għandu l-għan li jillimita l-episodji ta' prezzijiet eċċessivi tal-gass li ma jirriflettux il-prezzijiet tas-suq dinji, filwaqt li jiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.
Il-ministri addottaw formalment regolament tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-solidarjetà permezz ta' koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, skambji transfruntieri tal-gass u parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet. Il-kontenut ta' dan ir-regolamenti ġie maqbul fil-Kunsill tal-Enerġija fl-24 ta' Novembru 2022.
Il-ministri laħqu qbil politiku dwar regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas temporanju biex jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Ħafna mill-kontenut ta' dan ir-regolamenti ġie maqbul fil-Kunsill tal-Enerġija fl-24 ta' Novembru 2022. Il-ministri llum żiedu dispożizzjoni biex titħaffef u tiġi ssimplifikata l-introduzzjoni tal-grilji.
Mekkaniżmu tas-suq biex jiġu limitati ż-żidiet eċċessivi fil-prezzijiet tal-gass (Infografika)
Il-ministri għall-enerġija tal-UE laħqu approċċ ġenerali dwar proposta rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija.
L-approċċ ġenerali jirrikjedi li s-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam ikejlu, jirrapportaw u jivverifikaw l-emissjonijiet tal-metan. Dan jipproponi regoli stretti għad-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet tal-metan u biex jiġu limitati l-ivventjar u l-ivvampjar għall-każijiet ristretti.
Din il-proposta hija parti mit-tieni lott ta' proposti taħt il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" li għandu l-għan li jallinja l-liġijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija mal-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2030 tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.
Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali dwar il-proposta għal direttiva REPowerEU li ġġib emendi mmirati għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli. L-istati membri ser jiddeżinjaw "żoni go-to" apposta għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli bi proċessi mqassra u simplifikati għall-għoti ta' permessi f'żoni b'riskji ambjentali aktar baxxi.
Il-Kunsill ikkonferma li l-mira tas-sehem ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030 ikun ta' mill-inqas 40%, kif stabbilit fl-approċċ ġenerali tiegħu dwar id-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli adottata f'Ġunju 2022.
Din il-proposta hija parti mit-tieni lott ta' proposti skont il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" li għandu l-għan li jallinja l-liġijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija mal-miri tal-2030 tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.
Il-presidenza ppreżentat rapport ta' progress dwar il-pakkett tal-gass li jinkludi proposta għal direttiva u proposta għal regolament dwar ir-regoli komuni tas-suq intern għall-gassijiet rinnovabbli u naturali u l-idroġenu.
Il-proposti jfittxu li jiffaċilitaw il-penetrazzjoni tal-gassijiet rinnovabbli u b'livell baxx tal-karbonju fis-sistema tal-enerġija, u b'hekk tippermetti l-bidla mill-gass naturali u tippermetti li dawn il-gassijiet il-ġodda jaqdu r-rwol tagħhom favur l-għan tan-newtralità klimatika fl-UE fl-2050.
Taħt affarijiet oħra, il-presidenza pprovdiet informazzjoni dwar il-proposti leġiżlattivi attwali, inkluż ir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija u d-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli, li bħalissa qed jiġu nnegozjati fi trilogi bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-presidenza informat lill-ministri dwar il-Konferenza tal-Pjan SET u l-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari (ENEF).
Il-Kummissjoni informat lill-ministri dwar ir-reviżjoni tat-tfassil tas-suq tal-elettriku. Il-Kummissjoni tat ukoll informazzjoni dwar żviluppi reċenti rigward ir-relazzjonijiet esterni fil-qasam tal-enerġija. L-Ungerija ppreżentat informazzjoni dwar il-pipeline taż-żejt Janaf. Il-Lussemburgu informa lill-ministri dwar il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija fuq terminu qasir fiċ-ċentri tad-data.
L-Iżvezja ppreżentat il-programm ta' ħidma għall-presidenza tagħha li jmiss.
Il-Kunsill adotta wkoll il-punti inklużi fil-lista ta' ''punti A'' hawn taħt, bl-eċċezzjoni tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas temporanju biex jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli, li ser jiġi adottat formalment fi stadju aktar tard.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.