Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 16 ta' Ottubru 2023 21:35

Ftehim ta' Pariġi: il-Kunsill jippreżenta NDC aġġornat f'isem l-UE u l-istati membri

Din l-istqarrija għall-istampa ġiet aġġornata fis-17 ta' Ottubru 2023 biex tinkludi d-dokument bit-test tal-preżentazzjoni.

Illum il-Kunsill approva l-preżentazzjoni ta' kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC) aġġornat tal-UE u l-istati membri tagħha lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). Dan id-dokument jissostitwixxi l-preżentazzjoni preċedenti, datata s-17 ta' Diċembru 2020, u ser jitqies bħala l-NDC attwali tal-UE u l-istati membri tagħha.

Il-preżentazzjoni tal-NDC aġġornat tal-UE tħejjiet fid-dawl tal-adozzjoni tal-elementi essenzjali kollha tal-pakkett leġiżlattiv "Lesti għall-mira ta' 55 %", li ser iwassal biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet netti tagħha ta' gassijiet serra (GHG) b'mill-inqas 55% sal-2030 (meta mqabbla mal-livelli tal-1990). Permezz tal-NDC aġġornat, l-UE u l-istati membri tagħha jtennu l-impenn tagħhom għal din il-mira legalment vinkolanti.

Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi prim ministru ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Bil-preżentazzjoni tagħna tal-NDC aġġornat, qed nibagħtu sinjal qawwi lis-sħab tagħna biex isegwuna fit-triq lejn futur newtrali għall-klima. L-UE u l-istati membri tagħha huma impenjati li jilħqu l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħhom. Aħna lesti li nagħmlu l-parti tagħna biex nindirizzaw il-kriżi klimatika globali.
Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi prim ministru ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi prim ministru ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika

Fl-NDC aġġornat, l-UE tfakkar fil-passi li wasslu għalih, mir-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi f'Ottubru 2016, meta l-NDC ta' dak iż-żmien kien fih mira ta' tnaqqis tal-gassijiet serra ta' mill-inqas 40% sal-2030 (meta mqabbel mal-livelli tal-1990). Wara l-gwida tal-Kunsill Ewropew mogħtija fil-11 ta' Diċembru 2020, l-UE ppreżentat NDC aġġornat li fih mira msaħħa ta' tnaqqis ta' mill-inqas 55%. Din il-mira mbagħad ġiet stabbilita bħala legalment vinkolanti permezz tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, adottata fit-30 ta' Ġunju 2021.

Il-Kunsill jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn il-politiki domestiċi ewlenin adottati f'konformità mal-mira klimatika l-ġdida maqbula f'Diċembru 2020, inkluż ir-reviżjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS), ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR), u r-regolament dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti relatati mal-użu tal-art (LULUCF), kif ukoll l-elementi essenzjali kollha tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%". F'dan il-kuntest, skont l-istimi tal-Kummissjoni, l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas leġiżlattiv "Lesti għall-mira ta' 55%" tista' tippermetti lill-UE u lill-istati membri tagħha li sal-2030 jaqbżu l-mira tal-UE għat-tnaqqis domestiku nett tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ta' mill-inqas 55% meta mqabbel mal-1990.

Il-NDC aġġornat jinkludi l-informazzjoni meħtieġa għaċ-ċarezza, it-trasparenza u l-fehim (ICTU) li tiddeskrivi l-elementi kollha tal-NDC.

Informazzjoni ġenerali

L-NDCs huma parti integrali mill-Ftehim ta' Pariġi, li l-Artikolu 4(9) tiegħu jirrikjedi li mill-2020 u kull ħames snin wara dan il-partijiet kollha jikkomunikaw l-azzjonijiet klimatiċi tagħhom għal wara l-2020. Abbażi ta' dan, l-UE u l-istati membri tagħha ppreżentaw NDC aġġornat u msaħħaħ fis-17 ta' Diċembru 2020, li jissostitwixxi l-ewwel NDC ippreżentat fl-2015 bħala NDC maħsub.

L-NDCs jistipulaw l-isforzi li jagħmel kull pajjiż biex inaqqas l-emissjonijiet nazzjonali u jadatta għall-impatti tat-tibdil fil-klima. L-UE tippreżenta NDC f'isem l-UE u l-istati membri tagħha.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025