"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ambjent

Kunsill Ambjent, 16 ta' Ottubru 2023

Riżultati ewlenin

Konferenza dwar it-tibdil fil-klima COP28

Il-ministri għall-ambjent tal-UE approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tħejjijiet għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (COP28) tal-2023, li ser issir f'Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda, mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru 2023. Il-konklużjonijiet ser iservu bħala l-pożizzjoni ġenerali ta' negozjar tal-UE waqt il-COP28.

Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi president tal-gvern ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Illum qed nibagħtu messaġġ qawwi lis-sħab tagħna: l-UE hija l-mexxejja globali fl-azzjoni dwar il-klima. F'Dubai, ser inkunu fuq quddiem nett fin-negozjati biex nuru l-aktar impenn qawwi tal-UE għat-tranżizzjoni ekoloġika u nħeġġu lis-sħab tagħna jsegwu l-eżempju tagħna. L-UE hija forza li tixpruna l-bidla u rridu nitkellmu b'vuċi waħda fid-dinja. Sempliċiment ma nistgħux nużaw id-diffikultajiet bħala skuża biex nerġgħu lura għas-sitwazzjoni ta' qabel il-Ftehim ta' Pariġi.
Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi president tal-gvern ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika
Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi president tal-gvern ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill enfasizza l-importanza li jiżdiedu b'mod sostanzjali l-ambizzjonijiet klimatiċi globali biex l-objettiv ta' 1.5°C stabbilit f'Pariġi jkun jista' jintlaħaq. Huwa appella wkoll għal eliminazzjoni gradwali globali tal-fjuwils fossili b'emissjonijiet mhux imnaqqsa ferm qabel l-2050 u għal eliminazzjoni tas-sussidji għall-fjuwils fossili malajr kemm jista' jkun biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Il-ministri inkoraġġew azzjoni globali lejn it-triplikar tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli installata għal 11 TW u l-irduppjar tar-rata ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika sal-2030.

Il-Kunsill enfasizza wkoll l-importanza li jitwettaq b'suċċess l-ewwel Rendikont Globali fil-COP28 u ġedded l-impenn qawwi li sar mill-UE u l-istati membri tagħha biex ikomplu jżidu l-finanzjament internazzjonali tagħhom għall-klima.

Kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tal-UE għall-UNFCCC

Il-ministri approvaw il-preżentazzjoni mill-UE ta' kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC) aġġornat għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). L-NDCs huma parti integrali mill-Ftehim ta' Pariġi, li jirrikjedi li kull parti għall-konvenzjoni tikkomunika l-azzjonijiet klimatiċi tagħha ta' wara l-2020. L-NDC il-ġdid tal-UE ġie aġġornat fid-dawl tal-adozzjoni tal-elementi essenzjali kollha tal-pakkett leġiżlattiv "Lesti għall-mira ta' 55%". F'dan il-kuntest, l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas "Lesti għall-mira ta' 55%" tista' tippermetti lill-UE u lill-istati membri tagħha jaqbżu l-mira tal-UE għat-tnaqqis domestiku nett tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ta' mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-1990.

L-NDCs jistabbilixxu l-isforzi li jagħmel kull pajjiż biex inaqqas l-emissjonijiet nazzjonali u jadatta għall-impatti tat-tibdil fil-klima. L-UE tippreżenta NDC f'isem l-UE u l-istati membri tagħha.

L-infografika tispjega kif l-UE twettaq il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

Il-Ftehim ta' Pariġi: it-triq tal-UE lejn in-newtralità klimatika (Infografika)

Standards tal-emissjonijiet tas-CO₂ għal vetturi heavy-duty

Il-ministri laħqu qbil ("approċċ ġenerali") dwar proposta biex jiġi rieżaminat ir-regolament għall-istandards tal-emissjonijiet tas-CO₂ għal vetturi heavy-duty ġodda.

Bil-qbil tal-lum affermajna mill-ġdid l-impenn tagħna li nilħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tagħna. It-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u l-kowċis huma parti importanti mit-trasport bit-triq, u jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' ċittadini. Iċ-ċittadini jistħoqqilhom jgħixu f'ambjent aktar ekoloġiku u aktar b'saħħtu, u issa ninsabu pass eqreb lejn dan l-objettiv. Fl-istess ħin, qed niżguraw il-kompetittività tal-industrija, billi niċċaraw il-pjan direzzjonali għal investimenti ġodda. Teresa Ribera Rodríguez, aġent tielet viċi president tal-gvern ta' Spanja u ministru għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-isfida demografika

Il-proposta għandha l-għan li tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO₂ fis-settur tat-trasport bit-triq f'konformità mal-objettivi klimatiċi tal-UE billi tgħolli l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 u billi tintroduċi miri ġodda għall-2035 u l-2040. Barra minn hekk, ser jiġu inklużi aktar kategoriji ta' vetturi fil-miri, b'mod partikolari l-karozzi tal-linja u t-trejlers. Fir-rigward tal-karozzi tal-linja urbani, il-ministri qablu li l-karozzi tal-linja urbani l-ġodda kollha ser ikollhom ikunu b'emissjonijiet żero mill-2035 u stabbilew ukoll mira intermedja ta' 85% għal din il-kategorija sal-2030.

It-trattament tal-ilma urban mormi

Il-Kunsill laħaq qbil ("approċċ ġenerali") dwar proposta biex tiġi riveduta d-direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi.

Il-proposta testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva għal agglomerazzjonijiet żgħar u titlob lill-istati membri jfasslu pjanijiet għal bliet kbar biex jittrattaw l-ilma tax-xeba' urban mill-ilma tax-xita. Tintroduċi wkoll mira vinkolanti tan-newtralità enerġetika għas-settur tat-trattament tal-ilma urban mormi li għandha tintlaħaq f'kull stat membru sal-2040, flimkien ma' miri interim fl-2030 u l-2035.

L-approċċ ġenerali ser iservi bħala mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni.

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-Kummissjoni:

  • informat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-preżentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali aġġornati għall-enerġija u l-klima (NECPs)
  • ippreżentat proposta leġiżlattiva dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart
  • ippreżentat regolament dwar il-prevenzjoni tat-telf ta' gerbub tal-plastik (plastic pellets) sabiex jitnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastiċi
  • ippreżentat rakkomandazzjoni dwar it-titjib tar-rata ta' ritorn ta' telefowns ċellulari, tablets u laptops użati u għar-rimi.

Id-delegazzjoni griega infurmati lill-ministri kif id-direttiva dwar l-għargħar serviet ta' għodda ta' prevenzjoni matul l-għargħar reċenti fil-Greċja.

Il-ministri semgħu mill-Italja, il-Greċja u l-Portugall dwar l-impatt tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) fuq it-trasport marittimu tal-merkanzija.

Il-Polonja infurmat lill-ministri dwar l-impatt tal-ETS u l-prezzijiet tal-enerġija riveduti fuq il-politika tal-UE dwar il-klima.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ambjent

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Lulju 2025