Skip to content

Lesti għall-Mira ta' 55%

Il-liġi Ewropea dwar il-klima tistabbilixxi bħala obbligu legali l-ilħuq tal-għan tal-UE dwar il-klima li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-UE b'mill-inqas 55% sal-2030. Il-pajjiżi tal-UE adottaw leġiżlazzjoni ġdida biex jilħqu dan l-għan u jagħmlu l-UE newtrali għall-klima sal-2050.

X'inhu l-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55%"?

Il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" huwa sett ta' liġijiet li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE b'mill-inqas 55% sal-2030 u jpoġġu lill-UE fit-triq biex tikseb in-newtralità klimatika sal-2050.

Il-pakkett:

  • jiżgura tranżizzjoni ġusta u soċjalment ekwa
  • iżomm u jsaħħaħ l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija tal-UE filwaqt li jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi ta' pajjiżi terzi
  • jirfed il-pożizzjoni li għandha l-UE fuq quddiem nett fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima

Il-Kunsill bħala koleġiżlatur

Il-proposti tal-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55%" ġew ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea u mbagħad diskussi l-ewwel fil-livell tekniku, fil-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill responsabbli għall-oqsma ta' politika kkonċernati.

Aktar tard ġew diskussi mill-ambaxxaturi tal-istati membri għall-UE fil-Coreper biex titwitta t-triq għal ftehimiet bejn is-27 stat membru. Il-ministri tal-UE, f'diversi konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-proposti sabiex jilħqu ftehim dwar pożizzjoni komuni dwar kull att propost.

Wara l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kunsill imbagħad daħal f'negozjati mal-Parlament Ewropew biex jinstab ftehim komuni bil-ħsieb tal-adozzjoni finali tal-atti leġiżlattivi.

L-infografika tispjega l-pakkett Lesti għall-mira ta' 55%, l-oqsma ewlenin ta' azzjoni biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex il-proposti jinbidlu f'liġi tal-UE.
Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE ser issarraf il-miri klimatiċi f'liġi (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE ser issarraf il-miri klimatiċi f'liġi (Infografika)

X'inhu inkluż fil-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55%"?

Verżjoni testwali

Immaġni interattiva b'ikoni li jwasslu għal infografiki. Kull ikona twassal għal infografika waħda li tispjega proposta jew tnejn li jagħmlu parti mill-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55%".

skema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet

Is-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) hija suq tal-karbonju bbażat fuq sistema ta' limitu u skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-industriji intensivi fl-enerġija u s-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Hija l-għodda ewlenija tal-UE biex tindirizza t-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Il-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55%" għandu l-għan li jirriforma l-EU ETS billi jagħmilha aktar ambizzjuża. Dispożizzjonijiet ġodda jinkludu:

  • estensjoni għall-emissjonijiet mit-trasport marittimu
  • tnaqqis aktar mgħaġġel tal-kwoti tal-emissjonijiet fis-sistema u t-tneħħija gradwali tal-kwoti bla ħlas għal xi setturi
  • implimentazzjoni tal-iskema globali ta' kumpens u tnaqqis tal-karbonju għall-avjazzjoni internazzjonali (CORSIA) permezz tal-EU ETS
  • żieda fil-finanzjament għall-fond għall-modernizzazzjoni u l-fond għall-innovazzjoni
  • reviżjoni tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq

Barra minn hekk, ser tinħoloq sistema awtonoma ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini, it-trasport bit-triq u l-fjuwils għal setturi addizzjonali.

Il-Kunsill Ambjent adotta approċċ ġenerali dwar ir-reviżjoni tal-EU ETS f'Ġunju 2022. F'Diċembru 2022, il-Kunsill laħaq ftehim proviżorju mal-Parlament Ewropew. Dan inkluda żieda fl-ambizzjoni ġenerali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030 fis-setturi koperti mill-EU ETS għal 62%, meta mqabbla mal-mira ta' 61% proposta mill-Kummissjoni.

F'Diċembru 2022, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu wkoll ftehim politiku proviżorju dwar ir-reviżjoni tar-regoli tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) li japplikaw għas-settur tal-avjazzjoni. Il-ftehim żgura li l-avjazzjoni tikkontribwixxi għall-objettivi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi.

Il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq, parti mill-EU ETS, f'Marzu 2023. Huwa adotta formalment ir-reviżjoni tal-EU ETS f'April 2023.

L-infografika tispjega r-riforma tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, liema setturi tkopri, il-bidliet li ser jirriżultaw mir-riforma u kif tikkontribwixxi għan-newtralità klimatika.
Lesti għall-mira ta' 55%: riforma tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: riforma tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (Infografika)

F'Diċembru 2022, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar in-notifika tar-rekwiżiti ta' kumpens ta' CORSIA. CORSIA (Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali) hija skema globali għall-kumpens tal-emissjonijiet tas-CO₂ mill-avjazzjoni internazzjonali, li fiha jipparteċipaw l-istati membri tal-UE.

Fond soċjali għall-klima

Il-fond soċjali għall-klima għandu l-għan li jindirizza l-impatt soċjali u distributtiv tas-sistema l-ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u t-trasport bit-triq.

Abbażi ta' pjanijiet klimatiċi soċjali li għandhom jiġu żviluppati mill-istati membri, il-fond għandu l-għan li jipprovdi miżuri ta' appoġġ u investimenti għall-benefiċċju ta' dawk vulnerabbli:

  • familji
  • mikrointrapriżi
  • utenti tat-trasport

Il-fond jista' jkopri wkoll l-appoġġ temporanju dirett għall-introjtu. Il-fond huwa parti mill-baġit tal-UE u ser ikun alimentat minn dħul assenjat estern sa ammont massimu ta' €65 biljun.

F'Ġunju 2022, il-ministri għall-ambjent tal-UE qablu dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill għall-ħolqien tal-fond soċjali għall-klima. F'Diċembru 2022, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku proviżorju dwar il-proposta għall-fond. Ir-regoli l-ġodda ġew adottati mill-Kunsill f'April 2023.

L-infografika tippreżenta l-elementi ewlenin tal-fond soċjali għall-klima propost li għandu l-għan li jappoġġa liċ-ċittadini u n-negozji l-aktar milquta minn regoli tal-ETS ġodda dwar il-bini, it-trasport bit-triq u l-fjuwils.
Lesti għall-Mira ta' 55%: fond għall-appoġġ taċ-ċittadini u n-negozji l-aktar milquta (Infografika)

Lesti għall-Mira ta' 55%: fond għall-appoġġ taċ-ċittadini u n-negozji l-aktar milquta (Infografika)

Mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri

Il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) huwa l-għodda tal-UE għall-ġlieda kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Din is-sistema tagħti prezz ġust lill-karbonju emess matul il-produzzjoni ta' oġġetti importati fis-setturi bl-aktar intensità qawwija ta' karbonju – il-ħadid u l-azzar, is-siment, il-fertilizzanti, l-aluminju, l-elettriku u l-idroġenu – u tħeġġeġ produzzjoni industrijali aktar nadifa f'pajjiżi mhux tal-UE.

Ir-regolament CBAM ġie adottat formalment mill-Kunsill f'April 2023 u sar kompletament operazzjonali fl-1 ta' Jannar 2026.

F'Settembru 2025, il-Kunsill adotta sett ta' bidliet biex jissimplifika s-CBAM u jnaqqas il-burokrazija, bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv Omnibus I. Ir-regolament daħal fis-seħħ fl-20 ta' Ottubru 2025.

F'Diċembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet aktar miżuri biex issaħħaħ u tespandi l-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri.

Fit-12 ta' Ġunju 2026, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta. Il-Kunsill jappoġġa l-estensjoni tas-CBAM għal prodotti downstream magħżula filwaqt li jirfina l-lista tal-prodotti koperti. Jappoġġa wkoll l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda kontra ċ-ċirkomvenzjoni u jiċċara l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jingħataw eżenzjonijiet temporanji f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

Test tat-titolu: "Spjegazzjoni tal-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri. L-għodda tal-UE biex tiġġieled ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju." Maġenb it-test hemm immaġni stilizzata ta' ċumnija ta' fabbrika tarmi d-duħħan wara munzell muniti, imdawra bl-istilel tal-UE, li tissuġġerixxi miżura finanzjarja tal-UE biex tindirizza t-tniġġis mill-importazzjoni.
Spjegazzjoni tal-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri

Spjegazzjoni tal-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri

Miri tal-istati membri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet

Ir-regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi jistabbilixxi miri annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-istati membri f'setturi li mhumiex koperti mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) jew ir-regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF). Dawn is-setturi jinkludu:

  • it-trasport bit-triq u trasport marittimu domestiku
  • il-bini
  • l-agrikoltura
  • l-iskart
  • l-industriji żgħar

Ir-regoli l-ġodda, bħala parti mill-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55%", ser iżidu l-mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-livell tal-UE għall-2030 minn 29% għal 40%, meta mqabbla mal-2005, fis-setturi kkonċernati. Ser jaġġornaw ukoll il-miri nazzjonali skont dan.

Fid-29 ta' Ġunju 2022, il-ministri għall-ambjent tal-UE qablu dwar pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill dwar ir-regoli riveduti. F'Novembru 2022, il-Kunsill laħaq ftehim proviżorju mal-Parlament Ewropew. Ir-regolament ġie adottat mill-Kunsill f'Marzu 2023.

L-infografika tippreżenta ċifri u data relatati ma' regoli ġodda proposti li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'setturi ekonomiċi ewlenin.
Lesti għall-mira ta' 55%: innaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: innaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart (Infografika)

L-emissjonijiet u l-assorbimenti ta' gassijiet serra mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija

Ir-regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) jistabbilixxi impenn vinkolanti għall-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet u żżid l-assorbimenti fis-setturi tal-użu tal-art u tal-forestrija. Bil-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55%", id-dispożizzjonijiet isiru aktar ambizzjużi.

Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu mira akbar fil-livell tal-UE ta' mill-inqas 310 miljun tunnellata ta' assorbimenti netti ta' gassijiet serra ekwivalenti ta' CO2 għall-2030. Ġew definiti miri nazzjonali vinkolanti għal kull stat membru.

Fid-29 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill Ambjent adotta approċċ ġenerali dwar ir-reviżjoni tar-regolament LULUCF. Intlaħaq ftehim proviżorju mal-Parlament Ewropew f'Novembru 2022. Ir-regolament ġie adottat mill-Kunsill f'Marzu 2023.

L-infografika tispjega kif reviżjoni tar-regolament LULUCF tistabbilixxi regoli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-karbonju fis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija.
Lesti għall-mira ta' 55%: nilħqu l-għanijiet klimatiċi fis-setturi tal-użu tal-art u l-forestrija (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: nilħqu l-għanijiet klimatiċi fis-setturi tal-użu tal-art u l-forestrija (Infografika)

L-istandards tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet

Il-karozzi u l-vannijiet jammontaw għal 15% tal-emissjonijiet totali tal-UE tad-diossidu tal-karbonju. Bħala parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", l-UE adottat regoli ġodda li jirregolaw l-emissjonijiet tas-CO2 minn dawn il-vetturi.

Ir-regolament jintroduċi miri progressivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-UE kollha għall-karozzi u l-vannijiet għall-2030 u lil hinn, inkluż mira ta' tnaqqis ta' 100% għall-2035 għall-karozzi u l-vannijiet ġodda.

Il-Kunsill adotta l-approċċ ġenerali tiegħu dwar il-proposta f'Ġunju 2022. Intlaħaq ftehim mal-Parlament Ewropew f'Ottubru 2022. Ir-regolament ġie adottat mill-Kunsill f'Marzu 2023.

L-infografika tispjega l-mira l-ġdida tal-UE għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet, għalfejn hija importanti u l-benefiċċji mistennija għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-industrija awtomobilistika tal-UE.
Lesti għall-mira ta' 55%: għalfejn l-UE qed issaħħaħ l-istandards għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: għalfejn l-UE qed issaħħaħ l-istandards għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet (Infografika)

Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għal regoli ġodda tal-UE dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija f'Diċembru 2021, bħala parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%".

F'Diċembru 2022, il-Kunsill laħaq qbil ("approċċ ġenerali") dwar din il-proposta. F'Novembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu proviżorjament dwar ir-regolament. Il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda f'Mejju 2024.

Ir-regolament għandu l-għan li jissorvelja u jnaqqas l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija. Il-leġiżlazzjoni hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha u tagħti kontribut kruċjali għall-azzjoni dwar il-klima, peress li l-metan huwa t-tieni l-aktar gass serra importanti wara d-diossidu tal-karbonju.

Tirriżulta mill-viżjoni strateġika ppreżentata fl-Istrateġija tal-UE dwar il-Metan fl-2020. Fil-Konferenza tan-NU dwar il-Klima tal-COP26 fl-2021, l-UE nediet il-Wegħda Globali b'rabta mal-Metan fi sħubija mal-Istati Uniti, fejn aktar minn 100 pajjiż impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan tagħhom bi 30% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2020.

L-infografika tispjega r-regoli proposti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fl-UE.
Lesti għall-mira ta' 55%: it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fil-fjuwils fossili (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fil-fjuwils fossili (Infografika)

Fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli

Il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (bijofjuwils avvanzati u elettrofjuwils) għandhom il-potenzjal li jnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-inġenji tal-ajru. Madankollu, dan il-potenzjal fil-biċċa l-kbira għadu ma ġiex sfruttat peress li dawn il-fjuwils jirrappreżentaw biss 0.05% tal-konsum totali tal-fjuwil fis-settur tal-avjazzjoni.

Ir-regolament ReFuelEU Aviation għandu l-għan li jnaqqas l-impronta ambjentali tas-settur tal-avjazzjoni u jippermettilu jgħin biex l-UE tikseb il-miri klimatiċi tagħha.

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali fir-rigward tal-proposta f'Ġunju 2022. Intlaħaq ftehim proviżorju mal-Parlament Ewropew f'April 2023. Il-Kunsill adotta r-regolament il-ġdid f'Ottubru 2023.

L-infografika tippreżenta l-għanijiet u l-benefiċċji tar-regolamenti proposti ReFuelEU Aviation u FuelEU Maritime li għandhom l-għan li jżidu l-użu ta' fjuwils aktar sostenibbli fiż-żewġ setturi tat-trasport.
Lesti għall-mira ta' 55%: żieda fl-użu ta' fjuwils aktar ekoloġiċi fis-settur marittimu u fis-settur tal-avjazzjoni (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: żieda fl-użu ta' fjuwils aktar ekoloġiċi fis-settur marittimu u fis-settur tal-avjazzjoni (Infografika)

Fjuwils dekarbonizzati fit-tbaħħir

Minkejja l-progress li sar f'dawn l-aħħar snin, is-settur marittimu għadu jiddependi kważi għalkollox fuq il-fjuwils fossili u huwa sors sinifikanti ta' gassijiet serra u emissjonijiet ta' inkwinanti dannużi oħra. L-għan tal-inizjattiva FuelEU Maritime huwa li sal-2050 tnaqqas sa 80 % l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord il-vapuri. Ir-regoli l-ġodda jippromwovu l-użu ta' fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fit-trasport marittimu.

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali fir-rigward tal-proposta f'Ġunju 2022. F'Marzu 2023 l-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim proviżorju.

Il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda f'Lulju 2023, u b'hekk tlestiet il-proċedura leġiżlattiva.

Infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

L-objettiv ewlieni tar-regolament dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (AFIR) huwa li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess għal network ta' infrastruttura suffiċjenti għall-iċċarġjar jew ir-riforniment ta' vetturi tat-triq u vapuri bi fjuwils alternattivi.

Ir-regoli l-ġodda ser jippermettu lis-settur tat-trasport inaqqas b'mod sinifikanti l-impronta tal-karbonju tiegħu. Dawn jistabbilixxu għadd ta' miri għall-2025 jew l-2030, inkluż li:

  • kull 60 km għandhom jiġu installati stazzjonijiet tal-irriċarġjar għall-karozzi u l-vannijiet
  • mill-2030 'il quddiem għandhom jiġu introdotti fin-nodi urbani kollha stazzjonijiet ta' riforniment tal-idroġenu li jservu kemm karozzi kif ukoll trakkijiet
  • l-utenti ta' vetturi elettriċi jew li jaħdmu bl-idroġenu għandhom ikunu jistgħu jħallsu faċilment fil-punti tal-irriċarġjar jew ta' riforniment

F'Ġunju 2022, il-Kunsill qabel dwar pożizzjoni komuni (approċċ ġenerali) dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal dan ir-regolament. Il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim proviżorju f'Marzu 2023.

Il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda f'Lulju 2023.

L-infografika tippreżenta data u ċifri dwar ir-regolament dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li ser jiżgura biżżejjed stazzjonijiet tar-riforniment u tal-irriċarġjar tal-fjuwils alternattivi madwar l-UE sal-2030.
Lesti għall-mira ta' 55%: lejn trasport aktar sostenibbli (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: lejn trasport aktar sostenibbli (Infografika)

Enerġija rinnovabbli

Id-direttiva tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli ġiet riveduta bħala parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%". Ir-reviżjoni saret biex is-sehem ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum globali tal-enerġija tal-UE jiżdied għal 42.5% sal-2030, b'żieda indikattiva addizzjonali ta' 2.5% li tippermetti li s-sehem globali jilħaq 45%.

Id-direttiva tinkludi sottomiri settorjali u miżuri fis-setturi kollha, b'enfasi speċjali fuq setturi fejn il-progress fl-integrazzjoni tas-sorsi rinnovabbli kien aktar bil-mod, b'mod partikolari fl-oqsma tat-trasport, il-bini u l-industrija.

Il-ministri għall-enerġija tal-UE qablu dwar il-pożizzjoni konġunta tagħhom dwar id-direttiva riveduta tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli fis-27 ta' Ġunju 2022. F'Marzu 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku proviżorju. Il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda f'Ottubru 2023.

L-infografika tippreżenta l-elementi ewlenin tar-regoli proposti l-ġodda tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli.
Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE biħsiebha tagħti spinta lill-enerġija rinnovabbli (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE biħsiebha tagħti spinta lill-enerġija rinnovabbli (Infografika)

Effiċjenza fl-enerġija

Id-direttiva riveduta tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija ser tnaqqas il-konsum finali tal-enerġija fil-livell tal-UE bi 11.7% fl-2030, meta mqabbel mal-projezzjonijiet li saru fl-2020.

Ir-regoli l-ġodda ser jaċċelleraw l-isforzi tal-effiċjenza fl-enerġija mill-istati membri, billi jżidu l-obbligi annwali għall-iffrankar tal-enerġija u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija tal-bini tas-settur pubbliku.

Fis-27 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill adotta "approċċ ġenerali" għar-regoli l-ġodda proposti. F'Marzu 2023 il-presidenza tal-Kunsill u n-negozjaturi tal-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku proviżorju dwar ir-reviżjoni tad-direttiva.

Il-Kunsill adotta d-direttiva l-ġdida f'Lulju 2023.

L-infografika tippreżenta l-elementi ewlenin tar-reviżjoni tad-direttiva tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija
Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE ser issir iktar effiċjenti fl-enerġija (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE ser issir iktar effiċjenti fl-enerġija (Infografika)

Ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Il-bini jirrappreżenta 40% tal-enerġija kkunsmata u 36% tal-emissjonijiet diretti u indiretti tal-gassijiet serra relatati mal-enerġija fl-UE. Id-direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, li ġiet riveduta fl-2024, għandha l-għan li tagħmel il-bini fl-UE aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija sal-2030 u lil hinn.

L-objettivi ewlenin tad-direttiva huma:

  • sal-2030 il-bini l-ġdid kollu ser ikun bini b'emissjonijiet żero
  • sal-2050 il-bini eżistenti ser jiġi ttrasformat f'bini b'emissjonijiet żero

F'Ottubru 2022, l-istati membri tal-UE, imlaqqgħin fil-Kunsill, qablu dwar pożizzjoni komuni ("approċċ ġenerali") dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-direttiva. Fis-7 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim politiku proviżorju dwar il-proposta. Ir-regoli l-ġodda ġew adottati mill-Kunsill f'April 2024.

L-infografika tispjega r-regoli ġodda proposti biex jittejjeb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' bini ġdid u eżistenti fl-UE sal-2030 u lil hinn.
"Lesti għall-mira ta' 55%": nagħmlu l-bini fl-UE aktar ekoloġiku (Infografika)

"Lesti għall-mira ta' 55%": nagħmlu l-bini fl-UE aktar ekoloġiku (Infografika)

Pakkett tas-suq tal-idroġenu u tal-gass dekarbonizzat

Il-pakkett tas-suq tal-idroġenu u tal-gass dekarbonizzat għandu l-għan li jnaqqas l-impronta tal-karbonju tas-suq tal-gass. L-għan huwa li ssir bidla mill-gass naturali għal gassijiet rinnovabbli u b'livell baxx tal-karbonju u li tingħata spinta lill-adozzjoni tagħhom fl-UE sal-2030 u lil hinn.

Il-pakkett jikkonsisti f'regolament u direttiva. Dawn jistabbilixxu regoli komuni tas-suq intern għall-gassijiet rinnovabbli u naturali u għall-idroġenu. Dawn għandhom l-għan li joħolqu qafas regolatorju għal infrastruttura u swieq tal-idroġenu ddedikati u ppjanar integrat tan-networks. Jistabbilixxu wkoll regoli għall-protezzjoni tal-konsumaturi u jsaħħu s-sigurtà tal-provvista.

Il-Kunsill stabbilixxa l-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati (approċċ ġenerali) mal-Parlament Ewropew dwar iż-żewġ proposti f'Marzu 2023. F'Diċembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim politiku proviżorju dwar regolament għar-regoli komuni għas-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu. Fit-28 ta' Novembru 2023 intlaħaq ftehim proviżorju dwar id-direttiva.

Il-Kunsill adotta l-pakkett f'Mejju 2024.

L-infografika tippreżenta wħud mid-dispożizzjonijiet ewlenin tal-pakkett dwar is-swieq tal-idroġenu u tal-gass dekarbonizzat.
"Lesti għall-mira ta' 55%": naqilbu minn gass fossili għal gassijiet rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju (Infografika)

"Lesti għall-mira ta' 55%": naqilbu minn gass fossili għal gassijiet rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju (Infografika)

Tassazzjoni fuq l-enerġija

Il-proposta għal reviżjoni tad-direttiva tal-Kunsill dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku għandha l-għan li:

  • tallinja t-tassazzjoni fuq il-prodotti ta' enerġija u l-elettriku mal-politiki tal-UE dwar l-enerġija, l-ambjent u l-klima
  • tippreserva u ttejjeb is-suq intern tal-UE permezz tal-aġġornament tal-kamp ta' applikazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-istruttura tar-rati, u permezz tar-razzjonalizzazzjoni tal-użu ta' eżenzjonijiet u tnaqqis fiskali mill-istati membri
  • tippreserva l-kapaċità ta' ġenerazzjoni ta' dħul għall-baġits tal-istati membri

Il-proposta qed tiġi diskussa bħalissa fil-Kunsill. F'Diċembru 2022, il-ministri tal-finanzi tal-UE kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-reviżjoni tad-direttiva dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija. F'Diċembru 2024, huma kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni ieħor dwar ir-reviżjoni u laqgħu l-progress li sar s'issa.

L-infografika tispjega l-ħidma tal-UE fuq ir-reviżjoni tad-direttiva dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija sabiex tinkoraġġixxi tranżizzjoni lejn enerġija aktar nadifa u industrija aktar ekoloġika
Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE biħsiebha tirrevedi t-tassazzjoni fuq l-enerġija (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE biħsiebha tirrevedi t-tassazzjoni fuq l-enerġija (Infografika)

8 modi kif il-ħajja fl-UE qed issir aktar ekoloġika

Il-bidla lejn stil ta' ħajja aktar ekoloġiku hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-emerġenza klimatika u titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, speċjalment dawk mir-Russja. L-UE u s-27 pajjiż tagħha qed jaħdmu fuq regoli komuni ġodda taħt il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju tal-UE. Ir-regoli l-ġodda kif ser isawru l-mod ta' kif ngħixu, naħdmu u nivvjaġġaw? Aqra l-istorja tagħna għal xi eżempji ta' kif ser tkun il-ħajja fl-UE fl-2030.

Bini, turbina eolika, siġar, karozza elettrika u x-xemx.

L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Ġunju 2026