Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 18 ta' Marzu 2024 15:45

Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna: il-Kunsill jalloka €5 biljun taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jappoġġa lill-Ukrajna militarment

Illum il-Kunsill iddeċieda li jżid il-limitu massimu finanzjarju tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) b'€5 biljun fi prezzijiet attwali, u jirriżerva din iż-żieda għall-Ukrajna, billi jistabbilixxi Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna ddedikat fi ħdan l-EPF.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
L-UE qed tħares l-impenji li ħadet. Il-Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna isarraf kliemna f'azzjoni. Permezz tal-fond, ser inkomplu nappoġġaw lill-Ukrajna biex tiddefendi lilha nnifisha mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja b'dak kollu li hemm bżonn u sakemm neħtieġu.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna li għadu kif ġie stabbilit ser jippermetti lill-UE tkompli tappoġġa l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-Forzi Armati Ukreni permezz tal-forniment ta' tagħmir u taħriġ militari kemm letali kif ukoll mhux letali.

Il-Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna ser ifittex li jimmassimizza l-valur miżjud tal-UE f'termini ta' għoti ta' appoġġ operazzjonali akbar u aħjar lill-Ukrajna, filwaqt li jikkomplementa l-isforzi bilaterali tal-istati membri tal-UE, u jiffoka fuq żieda fl-akkwist konġunt mill-industriji tad-difiża Ewropej u Norveġiżi.

B'mod parallel, illum il-Kunsill iddeċieda li jtejjeb ir-regoli ta' governanza għall-faċilità biex isiru aktar sostenibbli u jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi internazzjonali l-ġodda. Ir-regoli ta' governanza mtejba ser jibnu fuq strutturi nazzjonali tal-akkwist li jaħdmu tajjeb kif ukoll fuq kuntratti qafas eżistenti, filwaqt li jisfruttaw kemm approċċ ta' nazzjon gwida kif ukoll l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), u inkluż l-akkwist konġunt tat-tagħmir tad-difiża meħtieġ mill-industrija tad-difiża Ewropea u min-Norveġja - inkluż l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju - filwaqt li jippermettu l-flessibilità fil-ktajjen tal-provvista li jistgħu jinkludu operaturi stabbiliti jew b'faċilitajiet ta' produzzjoni barra mill-UE jew min-Norveġja.

Ir-rimborż tad-donazzjonijiet tal-istati membri (jiġifieri, minn stokkijiet, xiri unilaterali u konġunt ta' tagħmir disponibbli fis-suq, u akkwist unilaterali) ser ikun limitat wara perjodu ta' tranżizzjoni.

Wara d-deċiżjoni tal-lum, il-limitu massimu finanzjarju tal-EPF ser jammonta għal aktar minn €17-il biljun għall-perjodu 2021-2027.

Kuntest

Fl-1 ta' Frar 2024, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-impenn sod tal-UE li tkompli tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku b'saħħtu lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn.

F'dak il-kuntest, il-Kunsill Ewropew eżamina l-ħidma fil-Kunsill fuq l-appoġġ militari għall-Ukrajna taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi u ż-żieda proposta tal-limitu massimu finanzjarju ġenerali tagħha. Huwa stieden lill-Kunsill jilħaq qbil dwar din il-kwistjoni sal-bidu ta' Marzu.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Jannar 2025