Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna
L-UE u l-istati membri tagħha appoġġaw lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja. Flimkien, huma l-akbar fornitur ta' appoġġ finanzjarju, ekonomiku, militari u umanitarju tal-Ukrajna.
Appoġġ totali tal-UE għall-Ukrajna
L-UE, flimkien mas-27 stat membru tagħha, huma l-akbar fornitur ta' appoġġ finanzjarju, ekonomiku, militari u umanitarju tal-Ukrajna.
Mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, huma pprovdew €216.7 biljun f'appoġġ għall-Ukrajna u l-poplu tagħha. L-assistenza tinkludi:
- €110.9 biljun f'appoġġ finanzjarju, ekonomiku u umanitarju
- €77 biljun f'appoġġ militari
- €17 biljun f'appoġġ lir-refuġjati fl-UE
- €8.1 biljun taħt is-self ta' appoġġ għall-Ukrajna
- €3.8 biljun f'rikavat minn assi Russi immobilizzati
L-UE tappoġġa bis-sħiħ lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha u hija impenjata li tkompli tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku.
Assistenza ekonomika u finanzjarja
Flimkien, l-UE u s-27 stat membru tagħha huma l-akbar fornitur ta' assistenza finanzjarja lill-Ukrajna. L-UE qed tappoġġa l-ekonomija tal-Ukrajna permezz ta':
- il-Faċilità għall-Ukrajna, li tipprovdi sa €50 biljun f’self u għotjiet
- assistenza makrofinanzjarja
- ir-rikavat minn assi Russi immobilizzati
- miżuri għall-benefiċċju tal-kummerċ tal-Ukrajna, inkluż il-korsiji ta' solidarjetà
Din it-taħlita ta’ għotjiet, self, garanziji u appoġġ baġitarju kellha rwol kruċjali fil-preservazzjoni tal-istabbiltà ekonomika tal-Ukrajna, fil-finanzjament tal-ħtiġijiet immedjati tal-pajjiż u fit-trawwim tal-irkupru u r-rikostruzzjoni fit-tul tiegħu.
Assistenza finanzjarja tal-UE lill-Ukrajna
Miżuri kummerċjali
F'Mejju 2022, flimkien mal-Ukrajna u l-Moldova, l-UE stabbiliet il-korsiji ta' solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna. L-għan ta' dawn il-kurituri essenzjali huwa li jiġi żgurat li l-Ukrajna tkun tista' tesporta prodotti agrikoli (inkluż ċereali, żrieragħ żejtnija u prodotti relatati) iżda wkoll timporta l-oġġetti li teħtieġ.
Bejn Mejju 2022 u Ġunju 2025, l-UE ssospendiet id-dazji tal-importazzjoni u l-kwoti fuq l-esportazzjoni kollha mill-Ukrajna sabiex tappoġġa l-ekonomija tal-pajjiż. Fil-5 ta' Ġunju 2025, l-UE ddeċidiet li testendi s-sospensjoni tal-miżuri ta' salvagwardja għall-ħadid u l-azzar għal tliet snin.
L-UE u l-Ukrajna laħqu qbil fil-prinċipju dwar ir-rieżami taż-żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA) tagħhom fit-30 ta' Ġunju 2025, u t-test rivedut daħal fis-seħħ fid-29 ta' Ottubru 2025.
Appoġġ għall-kummerċ tal-Ukrajna
Appoġġ militari
Minn Frar 2022, l-UE u l-istati membri tagħha żiedu b'mod sinifikanti l-appoġġ militari tagħhom għall-forzi armati Ukreni.
L-assistenza militari tal-UE għall-Ukrajna għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-forzi armati Ukreni u li tipproteġi l-popolazzjoni ċivili mill-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja.
F'Novembru 2022, il-Kunsill nieda l-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-UE (EUMAM) għall-Ukrajna. Il-missjoni hija maħsuba biex tipprovdi taħriġ individwali, kollettiv u speċjalizzat għall-forzi armati tal-Ukrajna.
F' Ġunju 2024, l-UE u l-Ukrajna ffirmaw impenji ta' sigurtà konġunti. Dawn l-impenji ser jgħinu lill-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha, tirreżisti l-isforzi ta' destabbilizzazzjoni u tiskoraġġixxi atti ta' aggressjoni fil-futur.
Appoġġ militari tal-UE għall-Ukrajna
Għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili
L-UE u s-27 stat membru tagħha flimkien huma l-akbar donatur ta' għajnuna umanitarja lill-Ukrajna. Il-finanzjament qed jgħin lin-nies fl-Ukrajna u lil dawk li ħarbu lejn pajjiżi ġirien billi jipprovdi ikel, ilma u sanità, kura tas-saħħa, kenn, edukazzjoni u assistenza fi flus kontanti.
L-UE qed tikkoordina wkoll l-akbar operazzjoni li qatt kellha skont il-mekkaniżmu ta' protezzjoni ċivili tal-UE, mas-27 pajjiż tal-UE, u bis-sehem tal-Iżlanda, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Moldova, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija.
Skont dan il-qafas, l-UE wasslet kważi 160 000 tunnellata ta' assistenza in natura, evakwat pazjenti li kienu jeħtieġu trattament urġenti, u użat riżorsi mir-riżervi tar-rescEU tagħha, fosthom ġeneraturi tal-enerġija, tagħmir mediku u unitajiet ta' kenn temporanji.
Għajnuna umanitarja u appoġġ għall-protezzjoni ċivili lill-Ukrajna
Appoġġ għar-refuġjati
L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna wasslet għal influss ta' miljuni ta' nies li qed ifittxu kenn fl-UE u fil-Moldova.
Fl-4 ta' Marzu 2022, l-UE attivat id-direttiva dwar il-protezzjoni temporanja. L-għan huwa li tittaffa l-pressjoni fuq is-sistemi nazzjonali tal-ażil u li l-persuni spostati jkunu jistgħu jgawdu drittijiet armonizzati madwar l-UE.
Dawn id-drittijiet jinkludu r-residenza, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-akkomodazzjoni, l-assistenza soċjali u l-assistenza medika, kif ukoll l-aċċess għall-edukazzjoni u t-tutela legali għat-tfal.
L-UE identifikat sa €17 biljun f'fondi li l-istati membri jistgħu jallokaw mill-ġdid biex jappoġġaw lir-refuġjati mill-Ukrajna bi ħtiġijiet urġenti bħall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-indukrar tat-tfal.
Kif l-UE tgħin lir-refuġjati mill-Ukrajna
Inżommu lir-Russja responsabbli
Mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bosta rapporti kredibbli ddokumentaw it-twettiq tad-delitti internazzjonali l-aktar serji u ta' delitti ta' atroċità fl-Ukrajna – delitti li għadhom għaddejjin sal-lum.
Id-delitti internazzjonali l-aktar serji u d-delitti ta' atroċità huma l-aktar ksur serju tad-dritt internazzjonali. Dawn jinkludu delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra, ġenoċidju u delitti ta' aggressjoni.
L-UE u l-istati membri tagħha jappoġġaw bis-sħiħ lill-Ukrajna biex jiġi żgurat li dawk responsabbli għal dawn l-atroċitajiet gravi fl-Ukrajna jinżammu responsabbli.
Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna: il-ġlieda kontra l-impunità
Enerġija u infrastruttura
L-UE tappoġġa s-sigurtà tal-enerġija tal-Ukrajna, l-aktar permezz tal-fond ta' appoġġ għall-enerġija tal-Ukrajna u l-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili li permezz tiegħu l-UE pprovdiet lill-Ukrajna b'eluf ta' ġeneraturi tal-enerġija, miljuni ta' bozoz LED u tagħmir ieħor. Barra minn hekk, f'Marzu 2022, il-grilja tal-elettriku tal-Ukrajna ġiet sinkronizzata mal-grilja kontinentali Ewropea.
F'Ġunju 2023, l-UE u l-Ukrajna ffirmaw ftehim li jassoċja lill-Ukrajna mal-programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. L-Ukrajna tipparteċipa wkoll f'Orizzont Ewropa u fil-programm ta' riċerka u taħriġ tal-Euratom.
Fl-1 ta' Jannar 2026, l-Ukrajna ddaħħlet fiż-żona tar-"roaming daqslikieku f'pajjiżek" tal-UE. Dan ifisser li l-Ukreni fl-UE u ċ-ċittadini tal-UE fl-Ukrajna issa jistgħu jagħmlu telefonati, jibagħtu messaġġi u jużaw data mobbli mingħajr tariffi addizzjonali.
Assistenza tal-UE lill-Ukrajna: sigurtà u infrastruttura tal-enerġija
Ara wkoll
L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Lulju 2026