"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 18 ta' Marzu 2024

Riżultati ewlenin

Skambju informali ta' fehmiet mas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Antony Blinken

Il-ministri kellhom skambju informali ta' fehmiet mas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Antony Blinken, permezz ta' vidjokonferenza, b'enfasi fuq l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-approċċ lejn iċ-Ċina u l-Indo-Paċifiku.

Il-parteċipanti qablu li l-unità transatlantika tibqa' essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u, b'mod aktar speċifiku, hija meħtieġa azzjoni urġenti kemm fir-rigward tal-Ukrajna, kif ukoll fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari biex titħeġġeġ paċi dejjiema bejn Iżrael u l-Palestina abbażi tas-soluzzjoni ta' żewġ Stati.

Il-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin imbagħad iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent b'vidjokonferenza mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dmytro Kuleba, li aġġorna lill-kontropartijiet tiegħu tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-prijoritajiet attwali tal-Ukrajna.

Matul id-dibattitu ministerjali sussegwenti, il-Kunsill adotta deċiżjoni li talloka €5 biljun taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-appoġġ militari tal-Ukrajna. Il-Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna ddedikat il-ġdid ser iżid il-prevedibbiltà għall-appoġġ militari tal-UE u ser jibqa' ggwidat primarjament mill-ħtiġijiet tal-Ukrajna.

Il-ministri tal-UE qablu wkoll li jiffinalizzaw is-sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għall-qtil ta' Alexei Navalny taħt ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Kunsill imbagħad iddiskuta l-użu possibbli tad-dħul straordinarju li qed jiġi ġġenerat mill-assi Russiimmobilizzati fl-UE minħabba s-sanzjonijiet.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Wara d-diskussjoni llum, rajt li hemm appoġġ qawwi biex jittieħdu d-dħul u l-profitti straordinarji mhux mistennija, u jintużaw biex jappoġġaw lill-Ukrajna. Kif? Militarment, biex jissaħħu r-riżorsi tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi u wkoll biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-industrija tad-difiża Ukrena. Ser inressaq din il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u naħdem mal-Kummissjoni biex jiġi approvat regolament tal-Kunsill sabiex l-istati membri jiddiskutu proposta konkreta, quddiem il-Kunsill Ewropew.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Fl-aħħar nett, il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar l-elezzjonijiet presidenzjali Russi li saru mill-15 sas-17 ta' Marzu f'ambjent ristrett ħafna, fejn il-votanti li ġew imċaħħda minn għażla reali u jiffaċċjaw repressjoni interna sistematika. Fid-dikjarazzjoni tal-UE 27 li ħarġet eżatt qabel il-Kunsill, l-UE kkundannat bil-qawwa l-organizzazzjoni illegali tal-hekk imsejħa "elezzjonijiet" fit-territorji tal-Ukrajna li r-Russja okkupat temporanjament.

Belarussja

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar il-Belarussja b'enfasi doppja fuq x'tista' tagħmel aktar l-UE biex tirreaġixxi għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tappoġġa s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika Belarussa, u l-kompliċità tal-Belarussja fil-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Il-Kunsill esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni interna li qed tmur għall-agħar b'mod kostanti, fejn ir-repressjoni qed tilħaq livelli mingħajr preċedent, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qed tmur għall-agħar, u l-ksur tad-drittijiet ċivili u politiċi tal-poplu Belarussu ma jiqafx.

Il-ministri kkonfermaw li l-Belarussja għadha fuq quddiem fl-aġenda tal-UE, u għal darb'oħra ħeġġew lir-reġim biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħles lill-priġunieri politiċi kollha.

F'konformità mal-approċċ gradwali tal-UE, l-UE tinsab lesta li tieħu aktar miżuri restrittivi u mmirati.

Sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-Kunsill Affarijiet Barranin imbagħad iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, u b'mod partikolari fl-istrixxa ta' Gaża.

Il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni umanitarja li dejjem sejra għall-agħar fl-istrixxa ta' Gaża, fejn il-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni tinsab f'riskju ta' tbatija tal-ġuħ skont rapport reċenti tal-Programm Dinji tal-Ikel.

Il-Kunsill indirizza wkoll l-inizjattiva ta' Ċipru għal rotta marittima umanitarja. Ir-Rappreżentant Għoli enfasizza li r-Rotta Marittima ta' Ċipru jeħtieġ li tiġi żviluppata, iżda wkoll li Iżrael jeħtieġ li jiżgura aktar rotot fuq l-art u l-ftuħ ta' qsim addizzjonali.

Imbagħad iddiskutejna s-sanzjonijiet, is-sanzjonijiet kontra Ħamas u s-sanzjonijiet kontra l-abitanti ta' insedjamenti estremisti. […] Ma kienx possibbli fl-aħħar Kunsill Affarijiet Barranin, din id-darba kien possibbli. Intlaħaq kompromess sod fil-livell ta' ħidma, u nittama li dan jitkompla sakemm jiġi adottat bis-sħiħ dalwaqt. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-Kunsill kellu wkoll skambju ta' fehmiet dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael. Dan il-ftehim huwa bbażat b'mod espliċitu fuq valuri kondiviżi mill-UE u Iżrael bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija.

Il-ministri stennew b'interess li jkomplu jimpenjaw ruħhom ma' Iżrael biex jiddiskutu s-sitwazzjoni f'Gaża, u xi wħud minnhom issuġġerew li jerġgħu jiġu mistiedna l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' Iżrael u l-Prim Ministru l-ġdid tal-Awtorità Palestinjana għal laqgħa futura tal-Kunsill.

Ġrajjiet kurrenti

Taħt ġrajjiet kurrenti, il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar l-Armenja/l-Ażerbajġan, in-Niġer u l-Haiti.

Dwar dan tal-aħħar, il-ministri esprimew appoġġ qawwi għall-isforzi li għaddejjin biex tiġi żgurata tranżizzjoni politika vijabbli, inklużiva u sostenibbli mmexxija mill-Haiti. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li dawn l-isforzi politiċi jissarrfu f'titjib tanġibbli fil-prattika.

Ir-Rappreżentant Għoli enfasizza l-importanza tal-iskjerament rapidu tal-Missjoni Multinazzjonali ta' Appoġġ għas-Sigurtà awtorizzata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

L-UE qed tesplora kif tappoġġa l-objettivi usa' tal-missjoni multinazzjonali permezz tal-istrumenti ta' kooperazzjoni tagħha.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Marzu 2025