Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 26 ta' Marzu 2024 11:00

Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media: il-Kunsill jadotta regoli ġodda biex jipproteġi lill-ġurnalisti u lill-fornituri tal-media

Il-Kunsill adotta liġi ġdida li ser tissalvagwardja l-libertà tal-media, il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali fl-UE.

L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media (EMFA) ser jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern tal-UE u jintroduċi miżuri bil-għan li l-ġurnalisti u l-fornituri tal-media jkunu protetti minn interferenza politika, filwaqt li jkun ukoll aktar faċli għalihom li joperaw irrispettivament mill-fruntieri interni tal-UE.

Ir-regoli l-ġodda ser jiggarantixxu d-dritt taċ-ċittadini li jaċċessaw informazzjoni ħielsa u plurali u ser jiddefinixxu r-responsabbiltà tal-istati membri li jipprovdu l-kundizzjonijiet u l-qafas ix-xierqa biex jipproteġuh.

Media indipendenti hija element vitali ta' kwalunkwe soċjetà ħielsa u demokratika. L-adozzjoni tal-lum turi l-impenn kontinwu tal-UE għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u s-salvagwardja tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media.

Benjamin Dalle, Ministru Fjamming għall-Affarijiet ta' Brussell, iż-Żgħażagħ, il-Media u t-Tnaqqis tal-Faqar

Theddid dejjem akbar għal-libertà tal-media

Ir-regolament jindirizza t-tħassib dejjem akbar fl-UE dwar il-politiċizzazzjoni tal-media u n-nuqqas ta' trasparenza tas-sjieda tal-media u tal-allokazzjoni tal-fondi għar-reklamar tal-istat lill-fornituri ta' servizzi tal-media. Għandu l-għan li jistabbilixxi salvagwardji biex jikkumbatti l-indħil politiku f'deċiżjonijiet editorjali kemm għall-fornituri tal-media privati kif ukoll għal dawk tas-servizz pubbliku, jipproteġi lill-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom, u jiggarantixxi l-libertà u l-pluraliżmu tal-media.

Bord ġdid għas-servizzi tal-media

L-EMFA jibni fuq id-dispożizzjonijiet tad-direttiva tal-2018 dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva (AVMSD). B'mod partikolari, jintroduċi bord Ewropew indipendenti għas-servizzi tal-media biex jissostitwixxi l-grupp ta' regolaturi (ERGA) stabbilit skont l-AVMSD. Il-bord ser ikun magħmul mill-awtoritajiet nazzjonali tal-media u ser jagħti pariri lill-Kummissjoni u jappoġġaha, u ser jippromwovi l-applikazzjoni konsistenti ta' dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi EMFA l-ġdida u tal-AVMSD fl-istati membri kollha, inkluż billi jipprovdi opinjonijiet u jgħin lill-Kummissjoni tipproduċi linji gwida.

Il-passi li jmiss

Issa r-regolament ser jiġi ffirmat, ippubblikat fil-Ġurnal uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ 20 jum wara.

Informazzjoni ġenerali

Il-libertà u l-pluraliżmu tal-media huma minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Madankollu, rapporti reċenti mill-Kummissjoni u mill-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media indikaw ammont ta' tħassib fl-UE rigward kwistjonijiet bħall-politiċizzazzjoni tal-media, it-trasparenza tas-sjieda tal-media u l-indipendenza tal-media nazzjonali.

L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media tħabbar mill-President Ursula von der Leyen fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021. Fis-16 ta' Settembru 2022, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha għal regolament li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern. Il-proposta tal-EMFA stabbiliet regoli ġodda għall-protezzjoni tal-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media fl-UE. In-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew konklużi bi ftehim fil-15 ta' Diċembru 2023.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Jannar 2025