Il-libertà tal-media fl-UE
Parti essenzjali mid-demokrazija
Il-libertà u l-pluraliżmu tal-media huma parti vitali mid-demokrazija u mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE. Id-demokrazija vera ma tkunx possibbli mingħajr media ħielsa li tgħarbel lil dawk fil-poter.
Il-media hija pilastru ewlieni tal-ekwilibriju ta' setgħat li jirfed it-tmexxija demokratika. Huwa għalhekk li x-xaqlib lejn tmexxija awtoritarja spiss tibda billi tkun fil-mira l-media indipendenti. Matul l-aħħar għexieren ta' snin, għadd ta' stati madwar id-dinja ħadu din it-triq billi użaw il-koerċizzjoni u spiss il-vjolenza biex jippersegwitaw strumenti tal-media u ġurnalisti individwali.
Il-ġurnalisti qed ikomplu jesperjenzaw kundizzjonijiet tax-xogħol ħorox b'żieda fil-pressjoni finanzjarja u politika, sorveljanza, sentenzi arbitrarji ta' ħabs jew vjolenza talli jkunu għamlu xogħolhom. Huma parti essenzjali mid-demokrazija iżda skont l-Osservatorju tal-UNESCO, fl-2024 inqatlu mill-inqas 68 ġurnalist u ħaddiem tal-media u mill-1993 'l hawn inqatlu 1 793. Barra minn hekk, bosta aktar ġew arrestati, molestati jew mhedda madwar id-dinja.
Anke fl-UE, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media għandhom jiġu mħarsa. Dawn huma wieħed mill-erba' pilastri indirizzati fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tad-dritt, li jiffoka fuq għadd ta' oqsma ewlenin, fosthom:
- l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji tal-media
- it-trasparenza tas-sjieda tal-media
- it-trasparenza u l-ġustizzja fl-allokazzjoni tar-reklamar mill-istat
- is-sikurezza tal-ġurnalisti u l-aċċess għall-informazzjoni
Għal dan il-għan, żewġ proposti ġodda tal-Kummissjoni dwar il-libertà tal-media għandhom jikkomplementaw il-leġiżlazzjoni eżistenti:
- direttiva kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika
- Att Ewropew dwar il-libertà tal-media
Direttiva kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika
F'April 2022, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet direttiva kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, magħrufa b'mod komuni bħala SLAPPs. Is-SLAPPs huma proċedimenti tal-qorti bla bażi jew abbużivi. Dawn jintużaw kontra ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn biex jipprevjenu, jirrestrinġu jew jippenalizzaw l-involviment tagħhom fi kwistjonijiet ta' interess pubbliku.
Id-direttiva proposta fiha salvagwardji għal dawk fil-mira ta' proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi. Is-salvagwardji proposti ser japplikaw f'materji ċivili u kummerċjali b'implikazzjonijiet transfruntiera. Dawn jinkludu:
- li l-qrati jkunu jistgħu jiċħdu proċedimenti manifestament bla bażi permezz ta' proċedura aċċellerata sabiex jiġu minimizzati l-effetti tagħhom (fuq il-vittmi)
- il-possibbiltà li jiġu imposti rimedji finanzjarji biex jikkumpensaw lil dawk fil-mira tal-SLAPPs għad-dannu li jkunu sofrew
- protezzjoni kontra sentenzi ta' pajjiżi terzi, biex jiġi żgurat li s-salvagwardji stabbiliti mid-direttiva proposta ma jiddgħajfux b'rikors għal proċedimenti tal-qorti f'ġuriżdizzjonijiet oħra
Il-Kunsill ilu jeżamina din il-proposta minn Diċembru 2022. Din ġiet diskussa fil-Grupp ta' Ħidma dwar Materji ta' Dritt Ċivili.
Fid-9 ta' Ġunju 2023, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar din il-leġiżlazzjoni li ser tipproteġi lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn azzjonijiet manifestament bla bażi jew minn proċedimenti abbużivi fil-qrati.
L-abbozz ta' direttiva ser jistabbilixxi salvagwardji proċedurali kontra dawn it-talbiet, fost l-oħrajn:
- iċ-ċaħda bikrija ta' talbiet infondati
- l-ispejjeż tal-proċedimenti jiġġarrbu mir-rikorrent
- il-penali imposti fuq ir-rikorrent
- il-protezzjoni minn sentenzi ta' pajjiżi terzi
Il-pass li jmiss huwa li l-Kunsill jibda diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew.
Fit-30 ta' Novembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament laħqu qbil proviżorju dwar il-liġi tal-UE li tipproteġi l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.
Fid-19 ta' Marzu 2024, il-Kunsill adotta liġi biex tipproteġi lill-persuni li jitkellmu dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku kontra kawżi abbużivi maħsuba biex isikktuhom.
Rakkomandazzjoni għall-istati membri
Id-direttiva hija akkumpanjata minn rakkomandazzjoni komplementari adottata minnufih. Ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-istati membri biex japplikaw is-salvagwardji fid-direttiva proposta għall-każijiet domestiċi u fil-kwistjonijiet kollha, mhux biss dawk ċivili u kummerċjali. Tappella wkoll lill-istati membri biex jieħdu firxa ta' miżuri oħra, bħal:
- taħriġ ġudizzjarju
- sensibilizzazzjoni
- ġbir ta' data aggregata fil-livell nazzjonali
Att Ewropew dwar il-libertà tal-media
F'Marzu 2024 ittieħed pass ieħor lejn il-ħarsien tal-libertà tal-media fl-UE meta l-Kunsill adotta l-Att Ewropew dwar il-libertà tal-media (EMFA). L-att daħal fis-seħħ fl-7 ta' Mejju 2024. Ir-regoli l-ġodda japplikaw bis-sħiħ mit-8 ta' Awwissu 2025.
L-EMFA jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern tal-UE u jintroduċi miżuri bil-għan li l-ġurnalisti u l-fornituri tal-media jkunu protetti minn interferenza politika, filwaqt li jkun ukoll aktar faċli għalihom li joperaw irrispettivament mill-fruntieri interni tal-UE.
Ir-regoli l-ġodda jiggarantixxu d-dritt taċ-ċittadini li jaċċessaw informazzjoni ħielsa u pluralistika u ser jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-istati membri li jipprovdu l-kundizzjonijiet u l-qafas ix-xierqa biex jipproteġuh.
L-att dwar il-libertà tal-media jibni fuq id-direttiva riveduta dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva (AVMSD) u jwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħha biex jinkludi r-radju u l-istampa.
Jipproponi grupp ġdid ta' regoli u mekkaniżmi li jippromwovu l-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media madwar l-UE.
Ir-regolament jindirizza t-tħassib dejjem akbar fl-UE dwar il-politiċizzazzjoni tal-media u n-nuqqas ta' trasparenza rigward is-sjieda tal-media u l-allokazzjoni tal-fondi għar-reklamar tal-istat lill-fornituri ta' servizzi tal-media.
Għandu l-għan li jistabbilixxi salvagwardji biex jikkumbatti l-indħil politiku f'deċiżjonijiet editorjali kemm għall-fornituri tal-media privati kif ukoll għal dawk tas-servizz pubbliku, jipproteġi lill-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom, u jiggarantixxi l-libertà u l-pluraliżmu tal-media.
Elementi ewlenin tar-regolament jinkludu:
- media tas-servizz pubbliku indipendenti b'sors stabbli ta' finanzjament
- it-trasparenza tas-sjieda tal-media
- il-protezzjoni tal-indipendenza editorjali
- salvagwardji li jiżguraw il-pluraliżmu tal-media u jevitaw il-konċentrazzjoni tal-media
- il-bord Ewropew għas-servizzi tal-media, gwardjan ġdid għal-libertà tal-media
Ir-regolament jistabbilixxi wkoll mekkaniżmi msaħħa għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-korpi regolatorji nazzjonali tal-istati membri. L-objettiv huwa li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva u konsistenti kemm tal-att dwar il-libertà tal-media kif ukoll tad-direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva.
L-istati membri ser ikunu jistgħu jadottaw regoli aktar stretti jew aktar dettaljati minn dawk stipulati f'partijiet rilevanti ta' dan ir-regolament.
- Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media: il-Kunsill jadotta regoli ġodda biex jipproteġi lill-ġurnalisti u lill-fornituri tal-media (stqarrija għall-istampa, 26 ta' Marzu 2024)
- Att Ewropew dwar il-libertà tal-media - proposta għal regolament u rakkomandazzjoni (Kummissjoni Ewropea)
- Reviżjoni tad-direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva (informazzjoni ġenerali)
- Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim dwar regoli ġodda għas-salvagwardja tal-libertà tal-media, il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali fl-UE (stqarrija għall-istampa, 15 ta' Diċembru 2023)
Salvagwardji interni għall-indipendenza editorjali u t-trasparenza tas-sid
Il-proposta leġiżlattiva dwar il-libertà tal-media kienet akkumpanjata minn rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni adottata minnufih lill-fornituri tas-servizzi tal-media stabbiliti fl-UE u lill-istati membri. Ir-rakkomandazzjoni tipproponi katalogu ta' miżuri volontarji għall-fornituri tas-servizzi tal-media biex jiggarantixxu l-indipendenza editorjali tagħhom stess. Barra minn hekk, tħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi tal-media u lill-istati membri jieħdu azzjonijiet li jippromwovu t-trasparenza tas-sjieda tal-media fis-suq intern.
L-appoġġ tal-UE għal-libertà tal-media
L-appoġġ eżistenti għal-libertà tal-media fl-UE huwa bbażat fuq inizjattivi bħall-pakkett dwar is-servizzi diġitali, il-pjan ta' azzjoni tal-media u dak awdjoviżiv, il-pjan ta' azzjoni għad-demokrazija Ewropea u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-media.
Uħud mill-miżuri ewlenin li jiffurmaw parti minn dan l-appoġġ jinkludu:
- l-implimentazzjoni ta' sistema ta' monitoraġġ tas-sjieda tal-media biex tinħoloq bażi ta' data bbażata fuq il-pajjiżi li jkun fiha informazzjoni dwar is-sjieda tal-media
- l-għoti ta' għotjiet biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni fil-media lokali u reġjonali u li tingħata spinta lill-pluraliżmu
- mekkaniżmu ta' rispons rapidu biex jipprovdi għajnuna prattika lil ġurnalisti mhedda
- l-għoti ta' fond ta' appoġġ ta' emerġenza għall-ġurnalisti investigattivi u l-organizzazzjonijiet tal-media
- l-implimentazzjoni ta' monitor tal-pluraliżmu tal-media biex jidentifika r-riskji potenzjali għall-pluraliżmu tal-media
L-aħħar reviżjoni: 29 ta' April 2026