- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 25 ta' Ġunju 2024 11:28
Relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE: il-Kunsill japprova l-konklużjonijiet
Il-Kunsill illum approva konklużjonijiet tal-Kunsill dwar suq intern imkabbar omoġenju u r-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE u mal-Gżejjer Faeroe.
Il-konklużjonijiet, li normalment jiġu adottati kull sentejn, jivvalutaw ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, Andorra, San Marino u Monaco, kif ukoll il-Gżejjer Faeroe bħala pajjiż awtonomu fir-Renju tad-Danimarka li għalih ma japplikawx it-trattati tal-UE.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill ifakkar fil-piż u l-importanza li l-UE tagħti lir-relazzjoni mill-qrib tagħha ma' pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE bħala sħab tal-istess fehma li huma integrati ħafna mal-UE u li magħhom l-UE taqsam valuri u interessi fundamentali.
Il-Kunsill jissottolinja l-importanza tal-unità rigward il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jinnota l-kooperazzjoni eċċellenti mal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE f'oqsma tal-azzjoni esterna tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa li titkompla u tissaħħaħ il-ħidma konġunta fl-arena dinjija biex tissaħħaħ ordni dinji multilaterali bbażata fuq ir-regoli u jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' prijorità komuni, inkluż id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi u s-sigurtà, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Il-Kunsill ifakkar ukoll fl-integrazzjoni ekonomika mill-qrib u l-interdipendenza bejn l-UE u s-sħab tagħha tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE fil-qafas tas-suq intern estiż tal-UE. F'dan l-aspett, jisħaq li hija r-responsabbiltà tal-istati kollha li jipparteċipaw fis-suq intern imkabbar li jiżguraw l-integrità u l-omoġeneità tiegħu, kif ukoll ir-rispett sħiħ tal-ugwaljanza ta' drittijiet u obbligi kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji.
Fost oqsma oħra, il-konklużjonijiet tal-Kunsill jindirizzaw ukoll il-kooperazzjoni ma' pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE fl-oqsma tas-sigurtà tal-provvisti u l-infrastruttura tal-enerġija, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut fl-Atlantiku tal-Grigal.
Barra minn hekk, il-konklużjonijiet jivvalutaw il-kooperazzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea, fejn l-2024 timmarka t-30 anniversarju mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE, kif ukoll il-kooperazzjoni bilaterali ma' kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati.
Kuntatti għall-istampa
-
Dimosthenis Mammonas Press officer
- +32 477 61 20 77
- +32 2 281 2504
- @dimos_mammonas
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025