Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 25 ta' Ġunju 2024

Riżultati ewlenin

Proċedura tal-Artikolu 7 dwar l-Ungerija

Il-Kunsill organizza seduta bħala parti mill-proċedura tal-Artikolu 7(1) dwar l-Ungerija.

Din kienet is-seba' seduta tal-Ungerija bħala parti mill-proċedura tal-Artikolu 7. Hija kopriet il-kwistjonijiet kollha mqajma fil-proposta motivata tal-Parlament Ewropew ta' Settembru 2018, li wasslet għall-proċedura. L-għan kien li l-Kunsill jingħata stampa aġġornata tas-sitwazzjoni fl-Ungerija.

L-iskambji ffukaw b'mod partikolari fuq il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali u s-sistema ta' ekwilibriju tas-setgħat, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-protezzjoni tal-ispazju ċiviku, il-libertà akkademika u tal-media, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-Ungerija.

Ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali komuni tagħna huwa vitali għall-funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għad hemm tħassib importanti fl-oqsma koperti mill-proposta motivata tal-Parlament Ewropew. L-Artikolu 7 jippermettilna nindirizzaw dan it-tħassib. Għalhekk għandu jibqa' fuq l-aġenda tagħna sakemm jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti.

Hadja Lahbib, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Belġju

Rappreżentanza tal-interessi f'isem pajjiżi terzi

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar id-direttiva proposta dwar it-trasparenza tar-rappreżentanza tal-interessi f'isem pajjiżi terzi. Id-dibattitu serva biex jittieħed kont tal-progress fil-livell tekniku u biex tiġi pprovduta gwida għall-ħidma futura.

Matul id-diskussjoni, il-ministri kkonfermaw l-appoġġ ġenerali tagħhom għall-objettivi tad-direttiva proposta u għall-indirizzar tal-kwistjoni tal-interferenza barranija. Huma qablu dwar il-ħtieġa li jkun hemm definizzjonijiet ċari bbażati fuq kriterji oġġettivi fid-direttiva proposta, kif ukoll salvagwardji b'saħħithom kontra l-istigmatizzazzjoni u għall-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali.

Il-ministri fakkru wkoll li din il-proposta hija strettament strument ta' trasparenza. Ġiet enfasizzata l-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż amministrattiv. Filwaqt li xi ministri talbu li l-attivitajiet kollha ta' lobbying ikunu koperti, lil hinn minn dawk imwettqa f'isem pajjiżi terzi, oħrajn appellaw għal valutazzjoni addizzjonali tal-impatt tal-proposta.

Kunsill Ewropew ta' Ġunju

Il-ministri komplew it-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2024 billi ddiskutew l-abbozz ta' konklużjonijiet.

Fil-laqgħa tagħhom ta' Ġunju, il-mexxejja tal-UE ser jindirizzaw:

  • l-Ukrajna
  • il-Lvant Nofsani
  • is-sigurtà u d-difiża
  • il-kompetittività
  • iċ-ċiklu istituzzjonali li jmiss
  • punti oħra

Futur tal-Ewropa

Taħt "affarijiet oħra", il-Presidenza ppreżentat lill-ministri r-rapport ta' progress tagħha dwar il-ħidma mwettqa taħt il-presidenza Belġjana dwar il-Futur tal-Ewropa.

Punti mhux għad-diskussjoni

Il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE u l-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-2021-2028

Il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehimiet dwar il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE u l-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-2021–2028. Iż-żewġ mekkaniżmi finanzjarji flimkien ser jipprovdu kontribuzzjoni finanzjarja ta' €3.268 biljun għall-koeżjoni ekonomika u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-Kunsill ta wkoll il-qbil tiegħu fil-prinċipju u ddeċieda li jitlob l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-konklużjoni taż-żewġ ftehimiet.

Relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar suq intern estiż omoġenju u r-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE u mal-Gżejjer Faeroe

Il-konklużjonijiet, li normalment jiġu adottati kull sentejn, jivvalutaw ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, Andorra, San Marino u Monaco, kif ukoll il-Gżejjer Faeroe bħala pajjiż awtonomu fir-Renju tad-Danimarka li għalih ma japplikawx it-trattati tal-UE.

Impenji konġunti ta' sigurtà bejn l-UE u l-Ukrajna

Il-Kunsill awtorizza l-iffirmar ta' strument mhux vinkolanti fil-forma ta' impenji konġunti ta' sigurtà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna.

Il-ftehim inizjali li l-UE u l-istati membri tagħha jikkontribwixxu, fit-tul u flimkien mas-sħab, għall-impenji ta' sigurtà lejn l-Ukrajna, u b'hekk jgħinu lill-Ukrajna tiddefendi lilha nnifisha, tirreżisti l-isforzi ta' destabbilizzazzjoni u tiskoraġġixxi atti ta' aggressjoni fil-futur, intlaħaq mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu ta' Ottubru 2023.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025