Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 21 ta' Jannar 2025 14:05

Patt ta' stabbiltà u tkabbir: il-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet għal pajjiżi taħt proċedura ta' defiċit eċċessiv

Illum il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet għal seba' pajjiżi biex jikkoreġu s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tagħhom f'perjodu ta' żmien stabbilit: il-Belġju, Franza, l-Italja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u r-Rumanija.

Ir-rakkomandazzjonijiet fihom perkors baġitarju korrettiv, espress f'termini numeriċi, u skadenza għal kull stat membru. Dawn huma konformi mal-objettivi ta' kull stat membru, espressi fil-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju tagħhom, ippreżentati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-UE.

Il-Belġju

Il-Kunsill jirrakkomanda lill-Belġju biex iġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv attwali sal-2027. Il-Belġju għandu jiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta ma taqbiżx 2.4% fl-2025, 1.9% fl-2026 u 2.0% fl-2027. Peress li l-Belġju għadu ma ppreżentax pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju, il-perkors korrettiv huwa bbażat fuq it-trajettorja referenzjarja li l-Kummissjoni bagħtet lill-Belġju f'Ġunju 2024, kif aġġornat abbażi ta' data aktar reċenti.

Franza

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistabbilixxi li Franza għandha ġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv sal-2029. Franza għandha tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta ma taqbiżx 0.8% fl-2025, 1.2% fl-2026, 1.2% fl-2027, 1.2% fl-2028 u 1.1% fl-2029.

L-Italja

Il-Kunsill jirrakkomanda lill-Italja biex iġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv attwali sal-2026. L-Italja għandha tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta ma taqbiżx 1.3% fl-2025 u 1.6% fl-2026.

Malta

Il-Kunsill jirrakkomanda lil Malta biex iġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv attwali sal-2027. Malta għandha tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta ma taqbiżx 6.0% fl-2025, 5.8% fl-2026 u 5.8% fl-2027.

Il-Polonja

Il-Kunsill jirrakkomanda lill-Polonja biex iġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv attwali sal-2028. Il-Polonja għandha tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta ma taqbiżx 6.3% fl-2025, 4.4% fl-2026, 4.0% fl-2027 u 3.5% fl-2028.

Ir-Rumanija

Il-Kunsill jirrakkomanda lir-Rumanija biex iġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv attwali sal-2030. Ir-Rumanija għandha tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta ma taqbiżx 5.1% fl-2025, 4.9% fl-2026, 4.7% fl-2027, 4.3% fl-2028, 4.2% fl-2029 u 3.9% fl-2030.

Is-Slovakkja

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistabbilixxi li s-Slovakkja għandha ġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv sal-2027. Is-Slovakkja għandha tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta ma taqbiżx 3.8% fl-2025, 0.9% fl-2026 u 1.6% fl-2027.

Informazzjoni ġenerali

L-istati membri jridu jikkonformaw mad-dixxiplina baġitarja abbażi tal-kriterji u l-valuri referenzjarji stabbiliti fit-Trattati tal-UE: id-defiċit tagħhom ma għandux jaqbeż it-3% tal-prodott domestiku gross (PDG) tagħhom u d-dejn tagħhom ma għandux jaqbeż is-60% tal-PDG tagħhom. L-istati membri kollha għandhom jirrispettaw dawn il-valuri referenzjarji tat-Trattat.

Jekk ikun hemm defiċit eċċessiv fi stat membru, l-għan tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv huwa li tħeġġeġ il-korrezzjoni tiegħu billi tpoġġi lill-istati membri taħt skrutinju msaħħaħ u tipprovdilhom rakkomandazzjonijiet biex jieħdu azzjoni effettiva biex jikkoreġu d-defiċit. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn tal-istati membri.

Skont il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika, ladarba tkun tnediet proċedura ta' defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jagħmel rakkomandazzjoni lill-istat membru kkonċernat biex jieħu azzjoni effettiva biex iġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fi żmien skadenza stabbilita.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill għandu jitlob ukoll lill-istat membru jimplimenta perkors tan-nefqa netta korrettiv, biex jiżgura li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3% tal-PDG sal-iskadenza stabbilita fir-rakkomandazzjoni.

Fis-26 ta' Lulju 2024, il-Kunsill, nieda formalment proċeduri ta' defiċit eċċessiv kontra seba' stati membri, u ddeċieda li jżomm miftuħa l-proċedura ta' defiċit eċċessiv kontra r-Rumanija, abbażi ta' proposti tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu l-eżistenza ta' defiċits eċċessivi għal seba' stati membri (il-Belġju, Franza, l-Italja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Ungerija) u deċiżjoni li tiddikjara li r-Rumanija, li ilha taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv mill-2020, ma ħaditx azzjoni effettiva biex tikkoreġi s-sitwazzjoni.

Din is-sena, eċċezzjonalment, iż-żmien tar-rakkomandazzjonijiet lill-istati membri taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv biex jieħdu azzjoni effettiva ġie allinjat mad-dispożizzjonijiet tal-qafas ta' governanza ekonomika riformat tal-UE.

Skont ir-regoli l-ġodda, fis-seħħ mit-30 ta' April 2024, l-istati membri huma meħtieġa jħejju pjanijiet strutturali-fiskali fuq terminu medju, li jistabbilixxu l-perkorsi tan-nefqa tagħhom u r-riformi u l-investimenti prijoritarji tagħhom għall-4 sa 7 snin li ġejjin.

L-objettiv kien li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-proċeduri ta' defiċit eċċessiv jiġu allinjati ma' dawk taħt il-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' April 2025